Aqbeż għall-kontenut

Ngħixu fil-Preżenza ta’ Alla

Immaġina ftit li kieku aħna ngħixu ħajja mingħajr Alla? Kemm ikun hemm esperjenzi fil-ħajja tagħna fejn nintebħu li għax hemm Alla l-ħajja tieħu żvolta oħra. Huwa dan li jrid jgħid Ġesù lil Nikodemu: “Min ma jemminx ikun ġa kkundannat”. Min ma jemminx f’Alla għandu ħaġa essenzjali għal ħajja tiegħu nieqsa, u jkun hemm waqtiet fil-ħajja fejn iħossu kkundannat. Ma taħsbux li l-ħajja tagħna tkun diżordinata li kieku mhux għax aħna nemmnu “f’Alla [li] tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva”? Ma taħsbux li l-ħajja tagħna kien ikollha direzzjoni oħra li kieku mhux għax aħna nemmnu f’Alla u allura xi drabi nqisu dak li ngħidu u nagħmlu proprju għax hemm Alla preżenti fil-ħajja tagħna?

Illum qegħdin niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa, u f’din il-parroċċa u f’dan il-katidral qegħdin ukoll nikkonkludu l-Kwaranturi Mqaddsa. Jien nara li hemm rabta kbira bejn dawn iż-żewġ festi. Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum wara tlitt ijiem fejn Ġesù kien espost u preżenti biex ħafna minna setgħu jgħaddu ftit mumenti fil-preżenza tiegħu, tgħinna nikkontemplaw iktar dan il-misteru ta’ Alla wieħed fi tliet Persuni preżenti fil-ħajja tagħna.

Hemm ħafna bnedmin li jemmnu f’Alla imma m’humiex Kristjani. Aħna rċivejna d-don tal-fidi u għaliex aħna dixxipli ta’ Kristu nagħrfu kemm il-ħajja tagħna hija differenti, frott l-imħabba tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ilkoll nafu u nemmnu li l-Ewkaristija hija t-tiġdid tas-sagrifiċċju tas-Salib, għaliex Kristu fuq l-altar joffri lilu nnifsu bħala vittma lil Alla l-Missier u jrodd l-Ispirtu tiegħu lid-dinja. Dan huwa li jikkontempla San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu. Għalih ma jgħaddux ħamsin jum biex jiċċelebra l-Pentekoste imma kollox iseħħ fuq il-Kalvarju, u allura l-Ewkaristija li aħna niċċelebraw għandha ddaħħalna fil-qalba tal-preżenza ta’ Alla: Alla l-Missier li tana lil Ibnu, Alla l-Iben li ta ħajtu għalina u jingħata lill-Missier, u Alla l-Ispirtu s-Santu li Kristu jibagħtu fuqna biex lilna jkompli jgħinna nidħlu fil-qalba ta’ dan il-misteru. L-Ewkaristija li niċċelebraw kontinwament tfakkarna fit-Trinità għaliex aħna noffru lil Kristu, li huwa l-Iben tal-Missier, u nsejħu l-Ispirtu s-Santu fuq l-offerta tal-ħobż u l-inbid biex dawn jinbidlu għalina fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Allura hekk aħna nagħrfu l-ħtieġa li ngħixu fil-preżenza ta’ Alla: Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Jekk Kristu kien daqshekk ġeneruż li ħallielna dan is-sagrament ta’ l-Ewkaristija, li llum qegħdin niċċelebrawh b’mod solenni, u minn hawn u ftit mumenti oħra nagħmlu mhux biss is-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija imma noħorġu mat-toroq ta’ beltna b’Ġesù magħna, ejjew nitħeġġu biex nikbru fl-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija. Jalla lkoll kemm aħna jkollna dak l-atteġġjament li kellu Mosè – kif smajna fl-ewwel qari – illi kif sab ruħu fil-preżenza ta’ Alla nxteħet wiċċu fl-art jagħtih qima. Jalla ngħinu li xulxin biex mhux biss ngħixu fil-preżenza ta’ Alla, u allura ħajjitna jkollha sens differenti milli kieku Alla mhux hemm. Jalla aħna lkoll nikbru fl-intimità tagħna mat-Trinità u l-Ewkaristija tkun tassew iċ-ċentru tal-ħajja Kristjana u tal-ħajja ekkleżjali tagħna. Jalla ngħinu lil xulxin biex f’dawn il-mumenti nuru li verament qegħdin fil-preżenza ta’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

pdf · 49.24 KB Niżżel