Ngħixu l-Esperjenza ta’ Ġesù Mqajjem Meta Ngħixu l-Vanġelu
Min minnkom xi darba mar l-Art Imqaddsa, iġib quddiem għajnejh il-Qabar ta’ Kristu. Bħal-lum, fil-Velja tal-Għid, id-djaknu l-ewwel li jagħmel jidħol fil-qabar u jxandar il-Vanġelu ta’ dik is-sena, fil-każ ta’ din is-sena l-Vanġelu ta’ San Mattew (28:1-10) li għadna kif smajna. Imbagħad erba’ djakni jmorru fl-erba’ punti tal-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu, u kull wieħed minnhom ikanta u jxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja wieħed mill-Vanġeli tal-Qawmien: San Mattew, San Mark, San Luqa, u San Ġwann. Dan biex kulħadd jisma’ din l-aħbar, għax kulħadd għandu bżonnha. Mhux aħna biss li nemmnu, imma n-nies tad-dinja kollha għandhom bżonn it-tama ta’ ħajja li ma tintemmx, it-tama tal-Qawmien.
Fil-ħajja kollha tagħna, kieku jkollna niġbru l-istress, il-problemi, id-diffikultajiet f’kelma waħda, nistgħu ngħidu li jinġabru kollha fil-biża’ mill-mewt, bħallikieku fil-qalb tagħna Alla kiteb diġà x-xewqa u ċ-ċertezza tal-qawmien. Aħna m’aħniex magħmulin biex nintemmu u mmutu. U għalhekk dan il-Lejl għalina hu l-qofol u l-essenza. Matul il-mixja ta’ ħajjitna, ilkoll kemm aħna għandna ġranet importanti… tal-gradwazzjoni, ta’ għeluq sninna, tat-tieġ, jew ta’ meta ħadna promozzjoni. Dawn jiġbru fihom biċċa storja kbira minn ħajjitna. Jekk hi l-gradwazzjoni, tant snin ta’ studju u impenn. Jekk hi promozzjoni, tant snin ta’ ħidma. Imma dan il-Lejl jiġbor fih is-sens tal-ħajja kollha tagħna, l-istorja kollha ta’ ħajjitna. Kieku ma jkunx dan il-Lejl, il-ħajja tagħna kollha kemm hi ma tagħmilx sens, m’għandhiex sinifikat.
Imma kif ser niltaqgħu mal-Irxoxt? Mhux biżżejjed li nkunu nafu li Ġesù rxoxta. Jekk ma niltaqax miegħu jien u ma nagħmilx esperjenza tiegħu ħaj f’ħajti, tibqa’ aħbar sabiħa li nixtieqha b’nostalġija kbira, ngħixha u forsi nammiraha u naraha fl-oħrajn, imma ma ngħixhiex bl-esperjenza personali tiegħi.
Il-Vanġelu tal-lum ma jirrakkontax biss storja, imma jgħin lil kull wieħed u waħda minna nsiru parti minn din l-istorja. Mhux faċli tirrakkonta din l-esperjenza hekk qawwija, għax Ġesù mhux miet u reġa’ ħa l-ħajja u l-istess ġisem li kellu qabel kif nistgħu aħna b’xi mod nimmaġinawh, anki fl-istatwi. Il-ħajja li ħa Ġesù wara l-mewt tiegħu, fil-qawmien tiegħu, hija ħajja mimlija bid-divinità, li tmur lil hinn mill-kriterji tagħna, mill-kategoriji tagħna, miż-żmien u mill-ispazju. Il-ġisem li jieħu fuqu Ġesù hu ġisem divin li jmur lil hinn minn dak illi aħna nistgħu nimmaġinaw jew naħsbu.
San Mattew jispjega din ir-realtà kif nistgħu nifhmuha u ngħixuha ftit jew wisq aħna f’ħajjitna. Huwa jippreżenta lil dan l-anġlu. Il-kelma angelos, anġlu, tfisser ‘dak illi jitkellem f’isem xi ħaddieħor’. Dan l-anġlu mhux għajr l-istess Kelma ta’ Alla li tiġi u tkisser din il-blata, li toħloq terremot f’dan il-qabar – tafos, li bil-Grieg tfisser ‘vojt’. Meta jiġi bil-Kelma ta’ Alla li Kristu rxoxta, l-ewwel u qabel kollox joħloq terremot f’dawn in-nisa li marru “jfittxu lil dak li hu ħaj fost il-mejtin”, u ma sabuhx. Hekk il-Kelma ta’ Alla tixtieq toħloq terremot f’kull wieħed u waħda minna.
Aħna m’aħniex iddestinati biex nispiċċaw u nintemmu. Aħna msejħin minn Alla permezz tal-ħolqien u l-Magħmudija tagħna – illejla għandna wkoll esperjenza tal-magħmudija ta’ din it-tarbija – biex ngħixu l-ħajja tagħna kollha ma’ Alla. Din kienet l-aħbar illi l-anġlu ta lin-nisa. Qalilhom żewġ affarijiet importanti: li Ġesù mhux hemm u li kellhom imorru jħabbru. Dik il-kelma li qalilhom li mhux hemm, li hu ħaj, iridu jmorru jwassluha lil ħutu. Il-messaġġ tal-anġlu huwa importanti għax proprju huma u sejrin fit-triq biex iwasslu l-aħbar li semgħu lill-Appostli, dak il-ħin jiltaqgħu ma’ Ġesù ħaj.
Din għalina hija riċetta u programm ta’ ħajja. Aħna nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj meta din il-Kelma li smajna, li qed twasslilna l-Knisja llejla, nippruvaw inwassluha lill-oħrajn u ngħixuha. Dak il-ħin aħna nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù kif iltaqgħu dawn in-nisa. Lil dawn in-nisa huwa jgħidilhom l-istess kliem li qalilhom l-anġlu, għax dan hu dak li jitkellem f’isem Ġesù u f’isem Alla. Ġesù qalilhom: “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija”.
Imma qabel, Ġesù qalilhom xi ħaġa sabiħa immens: ‘Ifirħu’. Dik il-kelma, “is-sliem għalikom”, hija hajrete bil-Grieg: ‘Ifirħu… għax jiena ħaj! Jekk jien ħaj, intom ukoll ser tgħixu’. Minkejja l-problemi, id-diffikultajiet u l-inkwiet kollu li niltaqgħu miegħu fil-ħajja, aħna msejħin għat-tama, għall-ferħ.
Il-Vanġelu jgħidilna li dawn in-nisa lil Ġesù jaqbdulu riġlejh. Dan ifisser ‘jimxu warajh’, jaqbdu l-passi tiegħu, ikunu dixxipli tiegħu, ma jħalluhx, ma jafdawhx. Hekk aħna nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj: meta nagħmlu l-esperjenza ta’ dak li jitlobna fil-Vanġelu u nħossuha. M’hemmx għalfejn jiġu l-oħrajn jgħidulna, imma nħossuha ġo fina. Nikkonvinċu ruħna li jekk aħna nwettqu dak li qalilna Ġesù, aħna mmissu u nduqu mill-ħajja ta’ dejjem tiegħu, mill-ħajja tiegħu rxuxtat. Aħna wkoll ngħixu l-esperjenza tiegħu mqajjem meta ngħixu l-Vanġelu.
Hemm kelma oħra li għamlu dawn in-nisa. Huma jinżlu jadurawh. Dawn huma tliet azzjonijiet li lilna jgħinuna nagħmlu esperjenza ta’ Kristu ħaj. L-ewwel u qabel kollox, nisimgħu l-Kelma u nwassluha bħalma għamlu dawn in-nisa: “Wasslu l-aħbar lil ħuti”. It-tieni, din il-Kelma nippruvaw ukoll ngħixuha: “Jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”. Ġesù l-Galilija pprietka, ġabar id-dixxipli miegħu, għamel l-esperjenza tal-ewwel komunità magħhom. It-tielet azzjoni hija li aħna ninżlu naduraw lil Ġesù, li aħna mmorru nqimuh: dak li nagħmlu kull darba li niġu hawnhekk fil-Knisja u niċċelebraw l-Ewkaristija.
Il-Mulej jagħtina li dawn it-tliet azzjonijiet tan-nisa jsiru azzjonijiet tagħna b’tali mod illi aħna nagħmlu esperjenza ħajja, diretta, fuq il-ġilda u l-persuna tagħna, tiegħu ħaj. U din l-aħbar ma tibqax aħbar vojta, li forsi ħaddieħor kuntent biha – smajnieha imma forsi nibqgħu intellgħu u nniżżlu jekk hix veru jew le –, imma ssir verità li tinfluwenzalna lil ħajjitna billi nwasslu l-Kelma tiegħu li nisimgħu, billi nimxu warajh meta din il-Kelma nippruvaw inwettquha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u billi nadurawh u nħobbuh kif jagħmlu dawn in-nisa, billi niltaqgħu miegħu b’mod speċjali fl-Ewkaristija.
Il-Mulej jagħtina verament li ngħixu din il-Velja mhux illum biss, imma tul ħajjitna kollha.