Ngħollu l-Morali tas-Soċjetà Tagħna
Inħossni onorat li llum qegħdin tilqgħuni fis-sede tagħkom bħala Unjoni Ħaddiema Magħqudin fl-okkażjoni ta’ l-erbgħin anniversarju mit-twaqqif tagħkom, meta nqis li bħala istituzzjoni impenjata biex tħares u ġġib ’il quddiem il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema intom tagħmlu parti minn dawk il-partijiet soċjali li, filwaqt li jfittxu li jiggarantixxu x-xogħol lil ħutna Maltin u Għawdxin, jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ l-ekonomija tan-nazzjon.
B’taħlita ta’ sentimenti ta’ tama u biża’ qegħdin nassistu għal dik li tissejjaħ riorganizzazzjoni tas-sistema ekonomika. Kuljum nassistu għal bidla profonda fis-sistemi produttivi ġejja, kemm minħabba li qed tiddaħħal teknoloġija ġdida, u kemm minħabba n-natura globalizzata tar-rapporti finanzjarji u kummerċjali. Dan it-tibdil mhux dejjem jassigura konsegwenzi favorevoli għall-ħaddiema.
L-ikbar sfida f’dan kollu hija dik etika! Kif osserva darba Thomas More, li kien il-Kanċillier ta’ l-Ingilterra, “meta kollox jitkejjel bil-flus, ma jkunx aktar possibbli li l-ħajja ta’ l-Istat tiżvolġi b’mod ġust u prosperu”. Inħoss li affermazzjoni ta’ dan it-tip hija attwalissma fil-kuntest kulturali, soċjali u politiku tagħna fejn hemm min f’isem id-demokrazija u l-pluraliżmu jisħaq li għandu jkun hemm separazzjoni bejn l-attività ekonomika u l-etika! Jekk tassew l-etika, l-ekonomija u l-politika qatt jistgħu jinfirdu, allura nkunu qegħdin ngħidu li qed nadottaw il-liġi tal-ġungla fejn min jiflaħ iħawwel! Inkunu qegħdin nirrinunzjaw għall-prinċipju ddettat mir-raġuni li “l-aqwa riżors tal-bniedem huwa l-bniedem nnifsu” (Centesimus annus 32).
Ir-rabta bejn l-etika, l-ekonomija u l-politika hija indispensabbli; inkella tkun mhedda l-ħajja ġusta u prospera tas-soċjetà. Għax jekk il-politika u l-ekonomija ma jistgħux jinfirdu mill-morali, allura l-pretest tal-pluraliżmu fid-demokrazija qatt ma jista’ jiġġustifika r-relattiviżmu etiku, li huwa l-veru kankru tas-soċjetà u ta’ l-attività politika. Dak ir-relattiviżmu li joffri l-opportunità għal pluraliżmu etiku fil-kamp soċjo-ekonomiku u politiku, għandu bħala effett id-dekadenza ta’ dawk l-istess raġunijiet li jiffurmaw il-bażi tal-konvivenza ċivili. Ħarsa ħafifa lejn l-istorja tas-seklu li għadda tagħti raġun lil dawk iċ-ċittadini li jżommu li t-teżi relattivista, li tiċħad in-norma morali li hija radikata fin-natura stess tal-bniedem, hija teżi falza li tikkorrompi l-kunċett tal-persuna umana, tal-ġid komuni u ta’ l-Istat. Filfatt is-sistemi totalitarji tas-seklu li għadda mhux biss ġabu diżastru ekonomiku, imma dgħajfu l-kuxjenzi tal-kotra tant li lanqas biss kien fadlilhom ħila jieqfu lil min kien qed jagħmlilhom il-ħsara. Deskrizzjoni qawwija ta’ din l-epoka miskina jagħtiha Dietrich Bonhoeffer, vittma tal-Gestapo: “Non essendovi nulla di durevole, vien meno il fondamento della vita storica, cioè la fiducia in tutte le sue forme. E poiché non si ha fiducia nella verità, la si sostituisce con sofismi della propoganda. Mancando la verità e la giustizia, si dichiara giusto ciò che conviene… Tale è la singolarissima situazione del nostro tempo, che è un tempo di vera e propria decadenza” (Etica).
Jekk irridu nagħtu servizz veru lill-ħaddiem illum, nemmen li hemm bżonn ta’ impenn biex, kif darba qal il-papa Ġwanni Pawlu II lid-delegati ta’ Solidarnosc, “ngħollu l-morali tas-soċjetà” mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddem, imma wkoll f’aspetti oħra bħalma hija l-kuxjenza professjonali, l-attenzjoni għal dawk li huma dgħajfa, għall-kundizzjonijiet familjari, u l-bqija (ara ĠWANNI PAWLU II, Diskors, 14 ta’ Mejju 1983). Għaliex meta qegħdin nitkellmu fuq impenn kontra d-dekadenza etika, inkunu nilħqu aspetti varji: mill-abort għall-ewtanasja; mid-drittijiet ta’ l-embrjun uman għall-ħarsien tal-familja; mil-libertà edukattiva għall-ħarsien soċjali tal-minuri; mid-dritt tal-libertà reliġjuża għall-impenn biex ikun hemm ekonomija li tkun ta’ servizz għall-persuna u l-ġid komuni fir-rispett tal-ġustizzja soċjali, tal-prinċipji tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà. Dawn kollha huma temi marbuta mal-qalba tal-moralità. Din il-verità etika qatt ma għandha tkun oġġett ta’ negozju f’isem dak li jaqbel jew huwa l-aktar utli!
Lanqas ma jista’ jingħad li dan l-impenn favur l-etika b’xi mod imur kontra l-prinċipju tal-lajċità tal-politika jew tad-dritt għall-inizjattiva ħielsa fin-negozju. Fid-dawl tad-duttrina soċjali Kattolika b’lajċità nifhmu dik l-awtonomija fil-qasam ċivili, ekonomiku u politiku, minn dak li huwa reliġjuż jew ekkleżjastiku; min-naħa l-oħra lajċità qatt ma timplika awtonomija minn ordni etiku. Ir-rispett lejn prinċipji etiċi u morali fil-kamp pubbliku jgħin biex l-individwu jew l-ażjenda li tkun joħorġu mill-egoiżmu tagħhom u jinfetħu għall-ħtiġijiet veri tal-komunità, li hija magħmula minn individwi!
Filwaqt li nawguralkom biex bħala Għaqda tal-Ħaddiema tkomplu tgħinu biex togħla l-morali fis-soċjetà tagħna, nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.