Aqbeż għall-kontenut

Niġġieldu l-Faqar

Fix-xbieha ta’ Marija Addolorata b’binha f’riġlejha nilmaħ lil Kristu li ftaqar u sar bniedem bħalna f’kollox minbarra fid-dnub, nilmaħ il-mara li tant ftaqret li tat lill-Iben il-waħdieni tagħha biex jurina mħabbtu fuq is-salib, imma nosserva wkoll li Marija ġarrbet dan id-dulur minħabba l-azzjoni vjolenti li għamlet is-soċjetà fqira ta’ dak iż-żmien!

Għax minbarra l-komponent materjali u finanzjarju, il-faqar jinkludi wkoll elementi relazzjonali, etiċi u spiritwali. Huwa tajjeb li bħalissa fis-soċjetà tagħna għaddejja diskussjoni dwar il-faqar materjali, imma ma rridux ninsew aspetti oħra tal-faqar li huma daqshekk ieħor gravi!

Soċjetà affluwenti tista’ tkun fqira! Għax meta l-ġid materjali ma jitqiesx bħala mezz biex il-bniedem jista’ jgħix, imma jitqies bħala skop fih innifsu, l-istess ġid materjali jsir kawża ta’ faqar! Jekk il-benessri jieħu post il-ħajja, fis-sens li ngħixu biex ingeddsu l-ġid u mhux ikollna l-ġid biex ngħixu, l-istess ġid jitlef in-natura tiegħu u jsir xi ħaġa perversa.

L-użu ħażin tal-ġid u l-konsumiżmu jafu jwasslu għal ħajja fqira f’dak li jirrigwarda t-tifsira u l-ideali għolja tal-ħajja umana! Filfatt hemm ir-riskju li min hu ħalqu fix-xgħir jittraskura l-ħtiġijiet tal-oħrajn. Min għandu faċli jħossu sid ta’ kulħadd u ta’ kollox, anki tal-ħolqien, tant li kapaċi jagħmel ħsara ambjentali li ma titranġax!

Għalhekk, jekk in-nuqqas ta’ żvilupp inissel il-faqar, hekk ukoll is-“suprażvilupp” li seħħ f’pajjiżna jista’ jkollu konsegwenzi negattivi, għax jekk ma noqogħdux attenti jista’ jikkaġuna sottożvilupp morali, u dan jista’ jkun kawża ta’ ħafna tbatija.

Fostna għandna faqar tal-qalb. Jekk ħafna bwiet huma mimlija, ħafna qlub nixfu u ftaqru! Sirna nibżgħu nħobbu, għax l-imħabba veru tiswa prezz għoli. Dan narawh fil-familji, fejn minħabba l-faqar tal-qalb jiddgħajfu r-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-ulied u l-ġenituri. Qalb fqira mhix kapaċi tieħu l-impenn li ddur bil-marid, l-anzjan jew il-moribond; anzi tasal biex temarġina lil ħaddieħor minħabba t-twemmin, il-kulur jew l-orjentament sesswali! Il-faqar affettiv jirrendi lill-bniedem iebes biex jaħfer.

Minkejja li nfirex it-tagħlim, għandna magħna wkoll faqar kulturali. Kif għidna fl-Ittra Pastorali tar-Randan, jidher li għalkemm il-bniedem illum sar jaf jaqra, donnu għandu diffikultà biex jaqra l-istorja ta’ ħajtu u tal-ġens tiegħu; għalkemm il-bniedem kapaċi jgħodd in-numri, donnu qed jinfixel xħin jiġi biex jagħmel is-somom tal-ħajja tiegħu. Mogħni bl-għerf tax-xjenzi u t-teknoloġija, il-bniedem wasal biex isib tarf ta’ ħafna kobob imħabbla, imma fl-istess ħin il-kobba ta’ ħajtu aktar qed iħabbilha! L-irjieħ ta’ kultura lajċista u materjalista li qed jonfħu fostna, ħolqulna dubji serji dwar min hu tassew il-bniedem. Jekk mhux f’konfront ma’ Alla, il-bniedem ma jistax jifhem lilu nnifsu. Dilemma antropoloġika bħal din tiġġenera l-faqar!

Filwaqt li x-xjenzi għamlu passi ta’ ġgant ’il quddiem, qed insofru minn faqar xjentifiku, għax għandna xjenzi mingħajr ilġiem etiku. Meta x-xjenza tkun bla ruħ, allura ssir perikoluża, għax daqskemm tista’ tkun ta’ servizz għall-bniedem daqshekk ieħor tista’ tinqeda bil-bniedem. Għandu jħassibna l-fatt li fis-sena 2008 fl-Ewropa kien hawn sterminju ta’ tliet miljun tarbija fil-ġuf. Hija din iċ-ċiviltà li qed joħloq l-iżvilupp fl-Ewropa?

Imbagħad jeżisti faqar spiritwali. Illum moħħ il-bniedem tant sar jaħseb f’dak li huwa materjali li tilef il-kapaċità li jikkontempla lil Alla. Il-ġid materjali tant ħoloq aljenazzjonijiet li mbagħad il-bniedem għażel li jwarrab l-ogħla ġid: lil Alla nnifsu! Jekk il-bniedem jelimina lil Alla minn ħajtu hemm aktar riskju li huwa jsir lupu li jaħtaf lil ħutu l-bnedmin. Waħda mill-konsegwenzi tal-faqar spiritwali hija li l-bniedem jitlef is-sens tad-dnub.

Huwa minnu li fejn hemm il-faqar materjali hemm probabbiltà li jkun hemm faqar morali; imma huwa minnu wkoll li fejn kotor il-ġid materjali faqqas is-sottożvilupp morali! Ikun xieraq li f’din is-sena Ewropea ddedikata biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali jsir sforz individwali u kollettiv biex nippruvaw negħlbu l-faqar fis-sens wiesa’ tal-kelma. Biex id-devozzjoni lejn Marija Addolorata tkun awtentika, u mhux waħda sentimentali u kulturali, ma nistgħux ma nisseħbux f’din il-kampanja, għax inkella l-faqar jibqa’ joħloq tbatija u duluri ġodda.

pdf · 79.03 KB Niżżel