Niġġieldu l-Isterilità
Is-saċerdot u l-isterilità
Il-vanġelu li għadu kif ixxandrilna huwa dak li l-Knisja tipproponilna propju għall-ġurnata tal-lum, bi tħejjija għal-laqgħa tagħna lkoll ma’ Kristu fil-Milied. Imma meta rriflettejt fuqu deherli li jista’ wkoll jagħtina dawl fiċ-ċirkustanza tagħna llum, meta qed nagħtu l-aħħar tislma lil dan ħuna.
Fil-vanġelu Luqa jitkellem fuq l-isterilità ta’ Eliżabetta li ma setax ikollha tfal. Aħna nafu li Luqa m’hux qiegħed jitkellem fuq ġrajja storika biss, imma f’Eliżabetta qed jipproġetta l-poplu Lhudi li kien sterili, poplu li ladarba ma kellux frott lanqas kellu futur, poplu li flok il-ħajja kellu n-nixfa u l-mewt.
Sterilità affettiva
Għeżież tiegħi, ma taħsbux li jekk ikollna naqraw il-ħajja tas-soċjetà tagħna llum ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li hemm sinjali ta’ sterilità fil-ħajja tagħna? M’inix nitkellem fuq sterilità fiżika fejn ma nistgħux innisslu ġenerazzjoni ġdida, imma qed nitkellem fuq sterilità b’sens iktar wiesa’, jiġifieri l-isterilità affettiva; donnu tlifna l-abbiltà li nħobbu, u l-imħabba m’hix bit-tpaċpiċ. Imħabba tfisser li tagħder u taħfer.
Sterilità morali
Nitkellem fuq sterilità morali; donnu l-bniedem tal-lum qata’ qalbu li jista’ jgħix ħajja mdawla minn ċerti prinċipji ta’ morali, u jekk hemm sterilità morali hemm ukoll id-diżordni, għax jekk ma jkollniex dawk il-punti fermi li fuqhom nistgħu nibnu l-ħajja tagħna allura jkollna konfużjoni. Il-poplu ta’ Alla llum donnu m’hux lest u ma jemminx li jista’ jilqa’ l-grazzji, u li l-grazzja tagħmel fih ħwejjeġ kbar u tgħinu biex jgħix ta’ iben Alla.
Kif ġara fi żmien Santa Eliżabetta jien nemmen, u nixtieq li nemmnu lkoll, li hemm min jista’ jgħinna. Hemm Żakkarija, mhux tant Żakkarija r-raġel ta’ Santa Eliżabetta, imma Żakkarija li kien saċerdot mit-taqsima ta’ Abija. L-anġlu x’jgħidlu lil Żakkarija? “It-talba tiegħek ġiet mismugħa u Eliżabetta sa jkollha tifel”. Eliżabetta sa jkollha tifel u għalhekk sa tirbaħ u tissupera l-isterilità tagħha. Fi ħdanha sa jkun hemm il-frott.
Is-saċerdot Kattoliku jgħinna negħlbu l-isterilità
Għeżież tiegħi, kif qed inħarsu lejn is-saċerdot Kattoliku? Is-saċerdot huwa dak li jinterċiedi quddiem Alla biex ilkoll kemm aħna, individwalment u flimkien, jirnexxilna negħlbu din l-isterilità u jkollna futur.
Is-saċerdot huwa dak li jidħol fit-Tempju jaħraq l-inċens biex lill-bniedem tintraddlu dik l-abbiltà li jista’ joħloq mill-ġdid, li jista’ jagħti l-ħajja mill-ġdid, u l-ħajja fis-sens wiesa’ tal-kelma.
L-isem “Żakkarija” diġà jgħidilna verità illi tgħinna negħlbu l-isterilità. “Żakkarija” jfisser “Alla li jiftakar”. Ħafna drabi aħna ninsistu li l-bniedem irid jiftakar f’Alla, imma ma ninsewx li Alla huwa dak li jżomm kelmtu. Tista’ qatt omm tasal li tinsa lit-tarbija tagħha? Alla ma jinsikx. Alla jiftakar fik. Alla wettaq ħafna wegħdiet mal-bniedem, mal-poplu tiegħu, u dawn il-wegħdiet tiegħu ma jinsihomx imma jwettaqhom. Huwa aħna li ninsew u li għandna memorja qasira, u kull saċerdot għandu s-sejħa li jfakkarna li Alla huwa dak li jżomm kelmtu, illi Alla jiftakar fina u fil-wegħdiet tiegħu lilna. Jien naħseb li fostna hawn min qed jgħid f’qalbu: “Għandek raġun”; għax min jaf kemm kien hemm ċirkustanzi fil-ħajja li fihom fittixna saċerdot, u fil-moħbi u f’widnejna qalilna kelma ta’ ġid u ta’ faraġ! F’dak il-mument is-saċerdot kien Żakkarija għalina. Konna f’ċirkustanzi meta konna deħlin fil-mewt, fl-isterilità u l-Kelma tagħtina s-saħħa u l-qawwa biex inkomplu.
Alla jżomm kelmtu
Iva, għeżież tiegħi u ta’ dan ħuna li ħalliena, dawn is-saċerdoti huma barka; mhux għax m’għandniex in-nuqqasijiet tagħna, imma għaliex mingħajr ma jistħoqqilna Alla lilna jagħżilna biex inkunu fostkom u nagħtukom dan is-servizz. Aħna lkoll ġejjin mit-taqsima ta’ Abija. X’ifisser dan? Alla li jżomm kelmtu, Alla li jwettaq il-wegħda tiegħu. Fi Kristu Ġesù twettqu l-wegħdiet kollha ta’ Alla u fil-Knisja llum bil-qawwa ta’ Kristu għadhom jitwettqu dawn il-wegħdiet.
Dan huwa s-servizz li aħna bħala saċerdoti mistennija li noffru biex il-poplu tagħna jegħleb darba għal dejjem l-isterilità u jkun jista’ jara u jagħti frott bnin u mhux frott qares. X’għamel Żakkarija? Żakkarija jsib ruħu fit-Tempju u jiżvolġi l-ħajja tiegħu fit-Tempju bħala l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin, fejn huwa wettaq il-ministeru saċerdotali. Din hija l-missjoni tagħna u dan huwa li intom għandkom tippretendu u titolbu minn għandna: li aħna nkunu fit-Tempju biex inkunu dawk li nfakkrukom li Alla jgħammar magħna.
Meta qed ngħid it-Tempju qed nifhem dan it-tempju tal-ġebel, imma mhux dan biss, għaliex il-poplu ta’ Alla huwa tempju ħaj: “Fostkom jgħammar Alla”. Dan ifisser li anki x’ħin noħorġu barra minn dan il-bieb tal-knisja l-missjoni tas-saċerdot ma tiqafx imma tkompli biex tkun fil-qalb tal-poplu. Is-saċerdot huwa dak li jkun magħkom u li jakkumpanjakom. Tafu għaliex? Biex ngħinukom tgħożżu l-preżenza ta’ Alla li hemm fina u fostna.
Żakkarija jidħol fit-Tempju biex joffri l-inċens u biex joffri t-talb. Il-ħajja tas-saċerdot hija mmarkata b’mumenti ta’ talb bħal dan, imma l-ħajja kollha tiegħu hija ħajja ta’ talb. Aħna noffru t-talb tagħna mhux għalina imma flimkien mal-Knisja u għad-dinja f’diversi ħinijiet. Ħafna drabi intom stess lanqas tindunaw. Fit-talb tal-Liturġija tas-Sigħat is-salmi huma mqassmin matul il-ġurnata. Noffru t-talb tagħna b’mod partikulari meta niċċelebraw l-Ewkaristija, li noffruha għalikom u noffruha għall-qdusija u għall-fidwa tal-oħrajn. Noffru t-talb tagħna kull darba li niċċelebraw is-sagramenti. Għalhekk is-saċerdot huwa barka.
Il-vanġelu jgħidilna li Żakkarija ġie msikket u li waqa’ fil-muta. Hemm min jgħid li waqa’ fil-muta b’kastig għax ma emminx, imma hemm silta oħra fil-Vanġelu li tgħid li meta ħareġ mis-santwarju n-nies indunaw li kellu esperjenza ta’ Alla. Mhux li kien li aħna s-saċerdoti niġu msikkta għaliex nagħmlu din l-espejenza ta’ Alla u nkunu fostkom siekta biex il-preżenza tagħna tgħinkom ħalli tidħlu fis-santwarju u tagħmlu din l-esperjenza persunali tas-sagru, ta’ Alla!
Dawn huma l-ftit ħsibijiet meħuda mill-vanġelu tal-lum li xtaqt naqsam magħkom. B’dan il-ministeru u dan is-servizz saċerdotali aħna nistgħu ngħinu lil xulxin u ngħinu lilkom biex tegħlbu l-isterilità. Illum jien inħossni fid-dmir li ngħid grazzi lil Dun Joe għas-servizz li huwa ta matul il-ministeru saċerdotali tiegħu, fejn ipprova jkun Żakkarija, preżenti fil-ħajja tat-tempju, fil-ħajja tal-poplu ta’ Alla. Ngħid grazzi lill-Knisja f’Għawdex u lill-kapitlu u l-parroċċa ta’ San Ġorġ, li Alla żejjinhom bil-preżenza ta’ dan is-saċerdot. Irrid nistħajjel lil Ġużeppi sieket. Huwa sieket, għax nixtieq narah qed jikkontempla l-viżjoni beatifika. Imma għalkemm huwa sieket jien nimmaġinah bħal Żakkarija, li għamel din l-esperjenza ta’ saċerdot. Huwa waqa’ fil-muta, imma x’ħin ġie l-mument qabad iħarbex dak li kellu riservat f’qalbu frott l-esperjenza tiegħu ta’ Alla.
Kemm-il darba Dun Joe qabad il-pinna u ħarbex permezz tal-poeżija u tal-kitbiet tiegħu, li għadhom magħna u li fihom ħafna drabi qasam magħna l-fidi u għadu jaqsam magħna din l-esperjenza saċerdotali tiegħu! Jalla l-Knisja tagħna tkun mogħnija bil-preżenza ta’ saċerdoti li jgħinuna nagħmlu din l-esperjenza tal-preżenza ta’ Alla, u jalla dak li ħallielna dan is-saċerdot ikompli jgħinna ħalli ninbnew bħala l-poplu ta’ Alla.