Aqbeż għall-kontenut

Nikbru fil-Fidi fl-Ewkaristija

Wieħed wiret statwa żgħira tal-Madonna magħmula minn metall iswed. Fil-fehma tiegħu din ma kinitx ta’ valur u għalhekk mhux biss kienet mitluqa, imma kien iħalli lit-tfal jilagħbu biha. Ġara li darba lemaħha ħabib tiegħu li kellu xeħta artistika. Dan intebaħ li ma kinitx statwa ordinarja u tah parir biex jeħodha għar-restawr. Billi għal sidha l-istatwa kienet imbarazz, dan tahielu. Meta beda jnaddafha, ir-restawratur sab li taħt id-diversi passati ta’ żebgħa sewda li kellha, kien hemm statwa tad-deheb. Meta sar jaf b’dan, sidha rrealizza kemm kien iblah meta ma apprezzahiex biżżejjed – intebaħ li kellu teżor imma qatt ma għożżu!

Jien għandi x’jgħidli li għal ħafna nies l-Ewkaristija ġralha bħalma kien ġara lil dik l-istatwa tal-Madonna miżbugħa bl-iswed. Ħafna drabi l-Ispeċi Ewkaristiċi, il-ħobż u l-inbid, qegħdin jgħattu lis-sensi tagħna t-teżor kbir li hemm fl-Ewkaristija. Bħalma ż-żebgħa s-sewda kienet qed tostor id-deheb, hekk l-elementi tal-ħobż u l-inbid qegħdin jgħattulna l-preżenza vera ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex bl-għotja tiegħu nnifsu jifdina.

Bħalma dak is-sid ma kienx jaf bil-valur tal-istatwa miżbugħa, u għaldaqstant ma kienx jieħu ħsiebha u kien jagħtiha f’idejn kulħadd biex jilgħab biha, xi kultant nissuspetta li billi aħna ma napprezzawx l-Ewkaristija, naslu biex inbattluha mit-tifsira propja tagħha u “nilagħbu” biha; anzi, jista’ jkun hawn min ukoll jabbandunaha. Dan qiegħed ngħidu għal kulħadd, jien inkluż. Fil-fatt hemm diversi fatturi li jaslu biex inisslu fija d-dubju dwar kemm verament nemmnu fil-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Min jittraskura l-Ewkaristija, jitlef il-kuntatt ma’ Ġesù. In-numru ta’ dawk li jieħdu sehem fil-Quddies ta’ kuljum qiegħed dejjem jonqos. Jekk naqas is-sehem fil-Quddiesa, naqas ukoll it-tqarbin. Kieku llum f’dan il-Katidral offrewlna l-possibbiltà li jkollna udjenza mal-Papa Franġisku, żgur li kien ikun hawn folla wisq akbar. Imma llum hawn ma għandniex lill-Papa, imma lil Alla nnifsu! Meta l-fidi fl-Ewkaristija hija dgħajfa, la ngħożżu t-Tqarbin u lanqas l-Adorazzjoni Ewkaristika. Nemmen li fil-konfront tal-Ewkaristija mhux biżżejjed li nuru r-rispett – dak huwa meħtieġ bejnietna l-bnedmin –, imma rridu nidħlu quddiem Alla b’atteġġjament ta’ adoraturi. Imma llum kemm aħna mħarrġin biex nagħmlu din l-esperjenza ta’ talb?

Xi drabi meta nkun għaddej f’purċissjoni bl-Ewkaristija qalbi tingħafas, għax ikun hemm bosta mill-Insara tagħna li ma jagħtux kas. Jien konvint li xi wħud aktar lesti li juru interess fl-isfilata tal-maskri grotteski u tal-karrijiet tal-Karnival (xi drabi anki b’libsa reliġjuża!) milli f’Ġesù Ewkaristija. Żgur li mhux il-każ li nagħmel ġudizzju fuq dawn in-nies; imma mġiba bħal din tgħidilna li għandna min ma jafx x’inhi l-Ewkaristija. Jien nistaqsi x’tip ta’ katekeżi qegħdin nagħtu lit-tfal tagħna!

Fit-tabernaklu fil-knejjes tagħna ma hemmx relikwarju jew statwa tal-ġibs biex tfakkarna f’Ġesù, iżda hemm Ġesù veru Alla u veru bniedem. Issa nosserva li meta nidħlu fil-knisja, il-kotra jiċċaftru bilqiegħda. Donnu mhumiex ftit dawk li jbatu bl-uġigħ fl-irkopptejn, għax ma tantx nara persuni għarkopptejhom jew jagħmlu reverenza. Nammetti li hemm min ma jiflaħx jinżel għarkopptejh… imma kulħadd ma jiflaħx? Kieku xi ħadd ta’ twemmin differenti minn tagħna kellu josservana fil-knisja, naħseb li f’ħafna każi jasal għall-konklużjoni li aħna ma nagħżlux bejn l-awla liturġika u s-sala tat-teatru. Ladarba qiegħed nitkellem dwar l-awla liturġika, nixtieq ħafna li fil-knejjes tagħna nuru aktar rispett lejn is-sagru. Il-knisja hija post qaddis – hija l-għamara ta’ Alla fostna – u għalhekk ma nistax nifhem kif malli tintemm il-Quddiesa, il-knisja tinbidel fi pjazza. Ħadna wisq kunfidenza ma’ Alla. Kemm nixtieq li nirkupraw is-sens tas-sagru u li bl-atteġġjamenti esterni tagħna, bħal fil-każ tar-reverenza jew li ninżlu għarkopptejna quddiem l-Ewkaristija, nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu fih!

Dan l-aħħar kappillan qalli li fl-okkażjoni tal-Ewwel Tqarbina, huwa kien qiegħed iqarben u ħabta u sabta jsib quddiemu biex jitqarben ġenitur li kulħadd jaf li qed jgħix f’relazzjoni barra miż-żwieġ. Bil-ħasda l-kappillan ma kienx ċert jekk għandux iqarbnu jew le. F’dawk il-ftit sekondi, il-ġenitur b’vuċi għolja saħaq li għandu jitqarben u hedded lill-kappillan li jekk jirrifjutalu l-Ewkaristija, huwa jagħmel xenata. Allura wasalna f’sitwazzjoni fejn “nużaw” l-Ewkaristija biex bħal speċi nagħmlu statement pubbliku? Dan ifisser li m’aħniex kapaċi nagħżlu bejn l-Ewkaristija u ikel ieħor, ifisser li għal xi wħud l-Ewkaristija hija ritwal soċjali u mhux is-sagrifiċċju ta’ Kristu. Naturalment mhux il-koppji irregolari biss għandhom diffikultà biex jersqu lejn l-Ewkaristija, imma hemm atteġġjamenti oħra, forsi mhux daqshekk evidenti, li llum għalaqna għajnejna għalihom u minkejja kollox nieħdu l-Ewkaristija b’mod leġġer.

Billi qegħdin fis-Sena tal-Fidi, nitolbu lill-Mulej jgħinna nikbru fil-fidi fl-
Ewkaristija. Personalment ma naħsibx li għandna bżonn nagħmlu ħwejjeġ kbar biex nevanġelizzaw; imma kieku aħna lkoll nagħmlu pass ’il quddiem biex nuru li nemmnu li bl-Ewkaristija f’idejna aħna għandna lil Ġesù f’idejna, kieku naslu biex nikkonvertu lis-soċjetà tagħna.

Dan il-kliem ma japplikax għal-lajċi biss, imma anki għalina s-saċerdoti. Xi xhur ilu, persuna qaltli li hi kapaċi tgħid min minna s-saċerdoti jemmen jew le fl-Ewkaristija: mill-mod kif jiċċelebra l-Konsagrazzjoni tal-ħobż u l-inbid u kif jagħti l-Barka Sagramentali. Jien hawnhekk għalaqt fommi, għax din il-persuna qed tgħid sewwa. Għalhekk dak li għidt aktar ’il fuq jgħodd ukoll għalina s-saċerdoti. Jista’ jkun li l-fidi tal-poplu ta’ Alla fl-Ewkaristija hija dgħajfa għaliex il-fidi tagħna s-saċerdoti mhix imħeġġa biżżejjed.

Ftit ilu tkellimt ma’ żagħżugħ. Nistqarr magħkom li l-mod kif dan tkellem dwar Ġesù u l-għaqda tiegħu mal-Ewkaristija tellagħli ġismi xewk xewk! Il-fidi tiegħu fil-preżenza ta’ Ġesù ħaj hija straordinarja!

Nawguralkom li din il-festa tal-Corpus Domini tagħtina imbuttatura anki żgħira fil-fidi tagħna fl-Ewkaristija, l-ikbar teżor li għandha l-Knisja.

pdf · 60.16 KB Niżżel