Aqbeż għall-kontenut

Nilqgħu l-Pjagi b’Sabar, Ferħ u Mħabba

Il-Vanġelu tal-lum qalilna illi s-sinjali mhux dejjem jitkellmu. Dawn jitkellmu jekk isibu lil min jismagħhom u jifhimhom. Nitkellmu b’mod aktar sempliċi… Jekk hawn minna li jsuqu karrozza u naraw tabella ħamra tonda b’faxx abjad, dak huwa sinjal li lil min isuq ikellmu u jgħidlu: ‘Int ma tistax tidħol hawn, għax jekk tidħol hawn tista’ ssib karrozza ma’ wiċċek ġejja kontra tiegħek’. Allura dak hu sinjal li jitkellem. Imma jista’ jkun hemm sinjali li ma jitkellmux.

Il-Vanġelu tal-lum (Mk 8:14-21) jirrakkontalna meta l-Fariżej u l-Kittieba talbu lil Ġesù sinjal, prova li hu kien tassew l-Iben ta’ Alla, mibgħut minn Alla. Imma Ġesù wieġeb: ‘Lilkom l-ebda sinjal mhu ser ikellimkom. Allura mhux ser nagħmlilkom sinjal’. Fi kliem ieħor, ‘nagħmel x’nagħmel magħkom, nagħmel kemm nagħmel mirakli, nitkellem kemm nitkellem tajjeb magħkom, intom mhux ser taċċettaw, mhux ser tifhmu, għax ma tridux tifhmu’. Allura mhux kull sinjal jitkellem. Is-sinjal jitkellem jekk isib lil min jisma’, lil min jifhem.

U aħna qegħdin hawn dalgħodu għax hawn sinjal. Din ir-relikwa li hawn quddiemna hija sinjal li jmur ’l hinn minn sempliċiment l-isfera u dak li hemm fiha, il-ġilda mċappsa bid-demm ta’ San Franġisk li ħareġ mill-kustat tiegħu. Dan is-sinjal ifakkarna f’xi ħaġa kbira, f’din il-persuna kbira, San Franġisk, li għalkemm ilu 800 sena li għadda għall-ħajja ta’ dejjem, imma qisu għadu ħaj hawnhekk f’nofsna. Għadu ħaj mhux biss fil-ħbieb, fil-familji segwaċi tiegħu, mhux biss fil-patrijiet li nirringrazzjaw ’l Alla tal-preżenza tagħhom f’nofsna hawnhekk f’dan il-kunvent u f’din il-knisja, u li tawna ċ-ċans li jkollna r-rigal ta’ din ir-relikwa; imma dan is-sinjal iwassalna għand dan il-bniedem kbir.

L-istudjużi jgħidulna li San Franġisk ma kienx xi raġel kbir. Kien raġel qasir. Imma għalkemm kien żgħir fid-daqs, kien bniedem kbir fil-personalità tiegħu, forsi għaliex kien jidentifika ruħu mall-persuna ta’ Ġesù. Meta tara lilu, kont tara, tisma’ u tħoss lil Ġesù. Dan hu l-kobor ta’ dan il-persunaġġ.

L-Ewwel Qari (Ġak 1:12-18) huwa ħafna addattat għal din l-okkażjoni ta’ dalgħodu, anki għall-fatt li hawn miġburin f’din l-assemblea persuni li ġejna mid-dar tal-anzjani, li fihom hemm it-tbatija u l-mard. Hawn persuni li qed jiġu assistiti, qed jgħixu bil-karità tal-oħrajn, bl-imħabba ta’ dawk fostkom hawnhekk li tieħdu ħsiebhom. B’mod sabiħ u sempliċi, San Ġakbu qalilna li għandna bżonn ilkoll kemm aħna nitolbu li jkollna d-don tas-sabar u tal-ferħ. Nitolbu llum, bl-interċessjoni ta’ San Franġisk, li jkollna dawn iż-żewġ doni anki fit-tbatija tal-ġisem. U għalfejn dalgħodu għandna nitolbu b’mod partikulari għal dawn id-doni? Għax San Franġisk li Alla wrieh dawn iż-żewġ rigali kbar.

Is-sabar, il-paċenzja, mhux għajr l-aċċettazzjoni, l-akkoljenza tagħna nfusna, dak li aħna, bid-dgħufijiet, id-diffikultajiet u l-preġji tagħna. Kemm hi xi ħaġa importanti f’ħajjitna li nagħrfu naċċettaw l-istorja tagħna, il-preżent u l-futur tagħna b’fiduċja! Il-ħajja ta’ San Franġisk hija tagħlima waħda. Mhux biss… anki t-tagħlim tiegħu lill-ewwel dixxipli tiegħu, l-ewwel patrijiet tiegħu, kien li jaċċettaw kollox bis-sabar, biex jaċċettaw saħansitra l-għawġ u d-tbatija u r-ribelljoni tal-oħrajn. Din hi waħda mill-akbar predikazzjonijiet u mill-akbar xhieda li n-Nisrani jista’ jagħti ta’ Ġesù: meta jaċċetta l-istorja, il-ġrajja, il-ħajja u l-persuna tiegħu bis-sabar.

U jkompli San Franġisk: mhux biss is-sabar bħala sapportazzjoni, li tieħu paċenzja, imma s-sabar bil-ferħ, kif jgħidilna San Ġakbu. Allura don ieħor flimkien mas-sabar u l-ferħ li rridu nitolbu għalih, huwa d-don tal-imħabba. Din hija l-imħabba fit-tul, l-imħabba għalina nfusna, għad-dgħufijiet tagħna, għall-marki ta’ Ġesù fil-persuna tagħna, fil-ġisem tagħna, għall-pjagi ta’ Ġesù fl-istorja tagħna.

Forsi aħna m’għandniex id-don tal-pjagi li jidhru kif jidhru fil-ġisem ta’ San Franġisk, f’idejh, f’riġlejh u f’qalbu. Imma kollha kemm aħna għandna pjagi oħra. Żgur li lkoll kemm aħna nġorru fil-ġisem tagħna feriti u pjagi oħra, u aħna wkoll imsejħin biex inġorruhom f’ġisimna b’sabar u b’ferħ.

U meta l-Mulej isejħilna biex nassistu u ngħinu persuni li qegħdin ibatu, hu jkun qiegħed ukoll jitlobna biex b’sabar u b’ferħ nieħdu ħsiebu u nikkurawh. Nagħmlu l-ħila kollha tagħna biex il-persuni li għaddejjin minn tbatija, li mhumiex għajr Ġesù preżenti fostna llum, ngħinuhom biex ikunu komdi, biex kemm jista’ jkun ikunu maħbuba u aċċettati bħal Ġesù li kien imdawwar b’min jista’ jgħinu jġorr is-salib fit-tbatija tiegħu, kif għamlu ċ-Ċirinew, il-Veronika u n-nisa minn Ġerusalemm li assistew lil Ġesù fil-mumenti iebsa tal-ħajja tiegħu.

Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Franġisk, dan il-qaddis kbir li rnexxielu jixbah daqshekk lil Ġesù, biex aħna wkoll nikbru fis-sabar, fl-aċċettazzjoni tad-dgħufija, tat-tbatijiet, tal-pjagi tagħna, u nilqgħu bil-ferħ dak li l-Mulej jipprovdilna bħala parti mill-istorja ta’ ħajjitna, biex xi darba nkunu nistgħu ngħixu l-ferħ etern meta niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem.

pdf · 55.19 KB Niżżel