Aqbeż għall-kontenut

Pacem in Terris - l-Antropoloġija ta’ Liġi Naturali Oġġettiva

L-ANTROPOLOĠIJA TA’ LIĠI NATURALI OĠĠETTIVA

It-tliet temi kbar li tindirizza l-enċiklika Pacem in terris huma: (i) il-jeddijiet u d-dmirijiet tal-bniedem; (ii) in-natura tal-awtorità politika, (iii) il-ġid komuni. Kif jgħallem Santu Wistin, dawn it-tliet temi kkunsidrati flimkien huma l-essenza tat-tranquilitas ordinis, peress li l-ġustizzja (jeddijiet u dmirijiet) hija meħtieġa, imma hemm bżonn ukoll awtorità politika li tiggarantixxi l-ħarsien tal-ġid komuni.

Din it-tranquilitas ordinis, li hija xewqa profonda fil-bnedmin ta’ kull żmien, tista’ tiġi mwaqqfa u msaħħa biss jekk il-bnedmin jirrispettaw dak l-ordni maħluq minn Alla. F’dan l-ordni uman u politiku tilgħab sehem deċiżiv il-libertà tal-bniedem li jrid jiddixxerni u jwettaq dak li hemm minqux fin-natura umana. Fil-fatt, sentenza li nsibu fl-enċiklika Pacem in terris li fil-fehma tiegħi hija muftieħ għall-qari tad-dokument kollu hija din: “Il-prinċipji li semmejna f’dan id-dokument jieħdu surithom mill-istess natura tal-affarijiet. Huma ġejjin kważi kollha mill-kunsiderazzjoni tad-drittijiet naturali tal-bniedem” (82). Fi kliem ieħor, Ġwanni XXIII itenni prinċipju ta’ importanza fundamentali: ir-riflessjoni u l-artikulazzjoni tad-drittijiet, inklużi dawk ċivili, u d-dmirijiet tal-bniedem għandhom il-bażi tagħhom fin-natura tal-persuna umana.

Ġwanni XXIII jikteb: “Kull assoċjazzjoni ta’ profitt fis-soċjetà tirrikjedi l-aċċettazzjoni ta’ prinċipju fundamentali wieħed: li kull individwu jkun tassew persuna. Huwa natura li hija mżejna bl-intelliġenza u r-rieda ħielsa. Mela għandu dmirijiet u drittijiet, li flimkien joħorġu bħala konsegwenza diretta min-natura tiegħu. Dawn id-dmirijiet u d-drittijiet huma universali u invjolabbli, u għalhekk inaljenabbli” (5).

Id-dikjarazzjoni ġdida li jagħmel il-Papa f’din l-enċiklika dwar id-damma ta’ drittijiet umani ma tikkonsistix fil-ġabra li hu jagħmel fi kliemu tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem (1948), imma meta huwa jafferma x’inhi l-għajn li minnha joħorġu dawn id-drittijiet: “Kull dritt bażiku uman jislet il-forza awtoritattiva mil-liġi naturali” (15).

Huwa minnu li l-enċiklika tanalizza fit-tul x’inhu l-ġid komuni; imma l-aktar importanti hi l-bażi ta’ dan il-ġid komuni. Fil-fatt l-enċiklika tistabbilixxi l-prinċipju li l-kunċett ta’ ġid komuni jiddependi minn x’kunċett għandna tal-bniedem u tar-relazzjoni tiegħu ma’ Alla!

L-awtorità politika hija neċessarja, imma ebda awtorità ma tista’ tobbliga lill-kuxjenza jekk l-istess awtorità politika ma tkunx hija wkoll suġġetta għal liġi superjuri li hija l-liġi miktuba fin-natura tal-bniedem! Fi kliem San Tumas, “il-leġislazzjoni umana hi tassew liġi biss meta taqbel mar-raġuni”. Kif jikteb Ġwanni XXIII fil-Pacem in Terris, “kull gvern li jirrifjuta li jagħraf id-drittijiet umani jew jaġixxi biex jiksirhom, mhux biss ikun naqas fi dmiru imma anki d-digrieti tiegħu ma jkollhomx iżjed forza” (36).

Għaddew ħamsin sena, u din l-antropoloġija għadha dibattibbli sew fil-fora tagħna! Għal min ma jagħrafx, jew jiċħad it-traxxendenza tal-bniedem, dan tal-aħħar huwa biss riżultat ta’ evoluzzjoni kontinwa – huwa aċċident tan-natura fiżika! Jekk in-natura umana hija daqshekk fluwida, allura, kif jikteb wieħed intellettwali Taljan, “jekk inqisu bħala impossibbli kull konsistenza oġġettiva tas-sustanza umana tagħna u tal-valuri u d-drittijiet li jmorru magħha, anki fl-evoluzzjoni tagħha, allura l-ħarsien u l-istqarrija ta’ dak li nemmnu li hu validu jispiċċaw f’idejn min kapaċi jiġġieled l-aktar jew hu b’saħħtu l-iżjed! Jekk l-essri hu biss rieda ta’ potenza, Wille zur Macht, allura r-raġuni u l-ġustizzja huma, de facto, qawwa vjolenti, kif kien jgħid Kalliklu lil Sokrate”. F’dan is-sens, il-verità saret qisha oġġett li jista’ jiġi nnegozjat fis-suq: min jgħajjat l-aktar, ibiegħ l-aktar!

Bir-raġun Ġwanni XXIII jisħaq li wieħed mill-elementi kardinali tal-paċi huwa l-verità – dik il-liġi naturali li l-bniedem jista’ jasal għaliha anki bir-raġuni. L-“addio alla verità”, biex nuża titlu użat mill-filosfu Gianni Vattimo, iwassal biex il-fus tal-liġi tkun ir-rieda tal-individwu (singolu jew kollettiv)! Ir-rieda tieħu post il-verità. Is-sewwa jiddependi minn dak li l-bniedem irid issa! Iż-żmien tagħna jagħti raġun lil dak li kien qal Max Weber fuq il-politeiżmu tal-valuri: “dinja miżgħuda bl-allat – reliġjużi, politiċi, reazzjonarji, progressisti, u l-bqija…”.

F’dan id-dawl tal-enċiklika, il-pożittiviżmu jew deċiżjoniżmu ġuridiku (il-bażi tad-drittijiet hija l-liġi li jagħmel il-bniedem) u n-neo-ġusnaturaliżmu libertin (il-bażi tad-drittijiet hija l-persuna skont dak li jgħidilha l-istint) ma jawgurawx li jkollna l-paċi, għax skont dawn l-iskejjel tal-ħsieb, ftit li xejn hemm garanzija li s-soċjetà tista’ tinbena b’mod li d-dinjità tal-persuna u d-drittijiet u d-dmirijiet inerenti għaliha ser ikunu mħarsa.

Nemmen li huwa providenzjali li qed infakkru l-ħamsin anniversarju ta’ din l-enċiklika propju meta f’pajjiżna tqajmet il-mistoqsija dwar x’tibdil teħtieġ il-Kostituzzjoni tagħna, li hija l-ogħla dokument li għandna li jiffissa “il-prinċipji u l-jeddijiet fundamentali b’garanzija għaċ-ċittadin” (Rossano). Fid-dawl ta’ dak li għidt aktar ’il fuq, biex verament ġensna jkollu Kostituzzjoni li tixraqlu u tiġi evitata kull deġenerazzjoni populista, wieħed jawgura li dan il-proċess ta’ reviżjoni jserraħ fuq antropoloġija sana bħal dik indikata mill-Pacem in terris!

pdf · 88.85 KB Niżżel