Aqbeż għall-kontenut

Politiku tal-Persważjoni

Id-dmir etiku tas-sewwa

Ħafna drabi nsibu ruħna qed nagħmlu dak li l-aktar jaqblilna jew dak li jiftlilna. B’attitudni utilitarista l-bniedem ma jagħmilx dak li hu sewwa jew tajjeb, imma dak li jaħseb li jista’ jkun ta’ qligħ jew akkwist għalih. Biex wieħed jissodisfa l-ħtiġijiet attwali tiegħu, hu ma jimxix skond regoli ċari, żguri u assoluti ta’ mġiba; minflok, jimxi kif iħoss jew skond l-aptit.

F’dan il-kuntest hija f’waqtha s-sentenza ta’ Kristu fil-vanġelu tal-lum: “Aħna qaddejja li għamilna biss dak li kellna nagħmlu, dak li konna ordnati nagħmlu” (ara Lq 17:10). Dan ifisser li aħna ma nagħmlux dak li rridu, imma dak li għandna nagħmlu; ma nwettqux dak li nixtiequ, imma dak li niġu ordnati nwettqu! Dan ma jfissirx li hemm xi persuna tiddettalna x’għandna nagħmlu; inkella dan ikun forma ta’ jasar. Imma dak li ordnalna x’nagħmlu huwa superjuri għalina: hija l-istess verità. Meta joqgħod għall-verità l-bniedem ikun ħieles!

Dan huwa dak li fl-etika jissejjaħ “imperattiv kategoriku”. Is-sewwa jobbliga lill-bniedem biex fl-għemil tiegħu jkun koerenti! Il-bniedem kapaċi jirrikonoxxi t-tajjeb u fil-kuxjenza għandu d-dmir li jagħmel dak li hu tajjeb. Anzi, il-bniedem ma jistax ma jagħmilx it-tajjeb. Huwa mbuttat biex ikun sinċier u korrett f’għemilu. Huwa jħoss meta jonqos minn dan id-dmir. Fil-kamp lajk dan l-imperattiv etiku jintgħaraf bl-użu tar-raġuni. Anki n-natura umana tgħinna biex nikkonkludu li hawn dan l-ordni ta’ valuri universali stabbilit minn xi ħadd li ġie qabel il-bniedem u li huwa superjuri għalih: Alla. Dawn il-prinċipji etiċi jorbtu dejjem u lil kulħadd, u għalhekk jeskludu kull attitudni relattivista.

Għalina li nemmnu, l-għarfien ta’ dan l-imperattiv kategoriku etiku huwa mdawwal bil-fidi tagħna fil-Kelma ta’ Kristu. F’dan ir-rigward il-fidi u r-raġuni jikkomplimentaw lil xulxin; anzi, kif osserva dan l-aħħar il-Papa Benedittu XVI, ir-reliġjon għandha funzjoni korretorja fir-rigward tar-raġuni; peress li r-raġuni hija fakultà umana, għandha l-limiti tagħha u mhix ħielsa mill-iżball.

Id-dmir etiku tal-imħabba

Barra dan l-imperattiv kategoriku etiku li jfakkarna fir-responsabbiltajiet tagħna, jeżisti imperattiv kategoriku ieħor li ħiereġ mill-caritas. Filwaqt li s-sens ta’ dmir etiku jqanqal lill-bniedem biex ikun ġust f’għemilu, is-sens ta’ dmir impost mill-imħabba jsuqna biex inkunu solidali mal-oħrajn. Waqt li l-ġustizzja hija l-kejl minimu tal-imħabba, l-imħabba tisboq bil-bosta l-ġustizzja. L-imħabba tfawwar lill-bniedem anki b’dak li ma jkunx jistenna bi dritt. Imma jekk, kif fissirna, l-imperattiv kategoriku etiku nistgħu naslu għalih bir-raġuni kif ukoll bil-fidi, hija l-fidi fi Kristu li tlaqqagħna ma’ dan l-imperattiv kategoriku tal-imħabba. Il-fidi ddaħħalna f’relazzjoni mal-Imħabba eterna: dik l-Imħabba li fil-milja taż-żmien saret laħam fil-persuna ta’ Ġesù Krisrtu. Huwa biss kliem Kristu li jiftaħ qalb il-bniedem biex toqgħod għall-kmandament tal-imħabba.

Il-“politika tal-persważjoni”

Jekk illum qegħdin noffru dan is-sagrifiċċju tal-Quddiesa b’suffraġju tal-E.T. il-President emeritu l-Prof. Guido de Marco, nistgħu niftakruh mhux biss bħala bniedem li fil-professjoni akkademika tiegħu għallem dawn il-prinċipji tal-etika u l-ġustizzja, imma wkoll bħala persuna li fil-ħajja tal-familja, tal-professjoni u tal-politka, għarfet timxi fid-dawl kemm tal-imperattiv kategoriku etiku u kemm tal-imħabba. Kien frott ta’ dan li l-Prof. de Marco seta’ jitkellem fuq il-“politika tal-persważjoni”: mhux għax kien ifittex li jimponi l-fehmiet tiegħu, imma għax kien iħaddem valuri li huma antiċedenti għalih u komuni għall-umanità. Għalhekk seta’ jiddjaloga u jaħdem ma’ diversi persuni u gruppi, anki jekk dawn kien ikollhom fehmiet differenti minn tiegħu.

Din il-kapaċità persważiva li kellu l-Professur de Marco u ċ-ċavetta li f’ħajtu fetħitlu diversi orizzonti li wassluh sal-ogħla uffiċċji internazzjonali, huwa kisibhom mhux biss għax kien imżejjen b’talenti naturali, imma wkoll għax kien raġel tal-fidi. Fl-awtobijografija tiegħu The Politics of Persuasion, meta jirrakkonta dwar iż-żjara tiegħu f’Israel, f’referenza ċara għal Kafarnahum huwa jikteb: “We can walk with Christ from the synagogue to the house of Peter” (254). Nistaqsi kif ġietu f’moħħu din l-espressjoni f’tali kuntest politiku! Guido ma kienx iħoss u jikteb din is-sentenza kieku ma kenitx konvinzjoni tiegħu li, matul il-mixja ta’ ħajtu mid-dar fejn twieled f’din id-dinja sad-dar tal-Missier fl-eternità, huwa jipprova jimxi wara Kristu. It-twemmin Kristjan tiegħu ma fixklux milli jagħraf is-sens ta’ dmir li ġej mill-etika u mill-imħabba; anzi, wieżnu biex jagħmel dak li kellu jagħmel.

pdf · 78.87 KB Niżżel