Porta Fidei
Billi qegħdin niċċelebraw is-Sena tal-Fidi, jixraq illi f’din is-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl, aħna nirriflettu ftit fuq il-fidi tagħna.
Kriżi fil-fidi u l-etika
Filosfu Franċiż ta’ żminijietna, Fabrice Hadjad, illi għal ċertu żmien kien ateu imma mbagħad ikkonverta għall-fidi fi Kristu, jgħid illi “jekk nitilfu l-fidi Kristjana, dan ma jfissirx biss li nkunu tlifna l-kult Nisrani, imma jimplika wkoll telfa kbira għall-kultura u għal dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem”. Din is-sentenza għandha ġġegħilna nirriflettu, għaliex, ngħiduha kif inhi, almenu fil-Punent (aħna inklużi), li huwa l-benniena tal-Kristjaneżmu, illum il-fidi Nisranija għaddejja minn kriżi. Dan qed inħossuh ukoll f’pajjiżna u fil-gżira tagħna. Għalhekk inkunu boloh jekk aħna nintilfu f’manifestazzjonijiet reliġjużi sbieħ, bħalma huma l-festi f’ġieħ il-qaddisin, meta mbagħad għandna quddiemna xenarju fejn il-fidi qiegħda tegħja u tnin… u aħna nibqgħu sejrin bil-festi qisu mhu qed jiġri xejn!
Meta jagħmel din l-istqarrija, Hadjad iżid jgħid illi jekk tiġi nieqsa l-fidi, titbattal l-istorja tagħna u nitilfu ċerti kapulavuri kulturali bħalma għandna fl-arti: jispiċċa l-Preti, li din is-sena qed niċċelebraw l-erba’ mitt sena mit-twelid tiegħu, u li skont ċerti studjużi l-kwadru titulari ta’ din il-Bażilika sabiħa huwa tal-iskola tiegħu. Jekk imbagħad nitkellmu fuq il-mużika, jgħib Mozart bil-mużika sagra li kkompona, u jgħib il-kant Gregorjan. Imma l-kultura mhix biss l-arti; il-kultura hija msejsa fuq ċerti ideat u valuri etiċi, li jżommu wieqaf il-bniedem u l-istrutturi tiegħu. Fost dawn hemm id-dinjità ta’ kull persuna, il-libertà, il-valur li għandu l-ġisem uman. Ġwanni Pawlu II tana kontribut kbir fuq il-valur tal-ġisem, tant illi żviluppa dik li llum tissejjaħ “it-teoloġija tal-ġisem” – altru li l-ġisem mhux għajn tal-ħażen, imma għandu d-dinjità u s-sagralità tiegħu.
Jekk nitilfu l-punti etiċi li fuqhom isserraħ l-istruttura tagħna l-bnedmin, inkunu ġarrabna telfa kbira. Irridu ngħidu illi fejn qabel, l-ordinament ġuridiku, jiġifieri l-liġijiet li jagħmlu l-bnedmin, kien garanzija ta’ dak li hu etikament tajjeb, illum dan m’għadux kriterju validu. Waħda mill-finalitajiet tal-liġijiet umani kienet illi tinkarna dak li huwa t-tajjeb. Imma llum mhux hekk. Illum m’għandniex din il-garanzijia u ma nistgħux ngħidu illi kull min josserva dak li tgħid il-liġi ċivili, awtomatikament qed jagħmel dak li hu etikament tajjeb. Mhux dak kollu li tgħid il-liġi tal-bnedmin huwa garanzija li huwa skont is-sewwa.
Il-bibien tal-infern
Fi kliem differenti dan kollu jgħidulna l-Appostli Patruni tagħna Pietru u Pawlu. Fil-Vanġelu li għadna kif smajna (Mt 16:13-19), Kristu jimbotta lil Pietru biex jagħmel l-istqarrija tal-fidi tiegħu. Meta Pietru joħroġ b’dik l-istqarrija qawwija tal-fidi: “Inti l-Iben ta’ Alla l-ħaj”, Ġesù jgħidlu li l-bibien tal-infern mhumiex sa jegħlbu din il-fidi tiegħu.
X’inhuma l-bibien tal-infern li ma jistgħux jeqirdu l-fidi tagħna? Mhux ħa nitkellem dwar l-infern bħala verità tal-fidi tagħna, u li forsi m’għadniex nitkellmu dwarha, għax aħna wkoll faċilment niġu inflwenzati minn dik li llum tissejjaħ korrettezza politika. M’iniex ħa nitkellem, allura, dwar dik li hija d-dannazzjoni eterna, li tfisser “il-firda għal dejjem minn Alla li fih biss il-bniedem jista’ jkollu l-ħajja u l-hena li għalihom ġie maħluq u li tant jixtieq” (Kompendju tal-Katekiżmu, 212). Li l-bniedem ma jarax lil Alla għall-eternità hija tbatija kbira! Peress illi l-bniedem min-natura tiegħu huwa maħluq għal Alla, jekk din ix-xewqa tibqa’ mhix mitmuma, din tkun sofferenza kbira għal dejjem. Meta nitkellmu fuq l-eternità, din hija materja ta’ fidi.
Jiena nixtieq nitkellem ftit fuq il-bibien tal-infern f’din id-dinja. Bil-Malti għandna xi espressjonijiet: “qed ngħix fl-infern” jew “għamluli ħajti infern”. Meta ngħid “il-bibien tal-infern” qed nifhem dak illi Solzhenitsyn isejjaħlu “l-ispirtu qerriedi li hemm fil-bniedem”. Jekk ma noqogħdux attenti, jekk ma nagħrfux inrażżnu ċerti passjonijiet li hemm fina, l-ispirtu tal-qerda kapaċi jerfa’ rasu u jagħmel ħafna ħsara.
San Pawl għandu x-xabla f’idu mhux għax kien jużaha biex jeqred, imma għaliex kien maħtur minn Alla biex jipprietka, u l-Kelma taqta’ bħal xabla b’żewgt ixfar. Aħna l-bnedmin għandna dan il-biċċa lsien illi jekk inħalluh liberu, kapaċi jqatta’ u jeqred lill-bniedem. Il-bniedem kapaċi jagħmel ħajjet l-individwu u l-familja tiegħu infern. Dwar dan irridu nwieġbu quddiem Alla.
Jiġuni f’moħħi l-gwerer li hawn. Għandi f’moħħi x’inhu għaddej fis-Sirja. Propju intom din is-sena għamiltu xi ħaġa li għandha tkun ta’ eżempju għal Għawdex tagħna, meta fl-okkażjoni tal-Festa stedintu lill-Isqof Ġużeppi Lazzaro mill-belt ta’ Aleppo, fejn hemm l-‘infern’, u miegħu bgħattu għotja ta’ karità sabiħa. Jien jinkwetani mhux biss il-ġlied li għaddej bejniethom, imma l-fatt illi min suppost indaħal biex iħares l-interessi tiegħu, baqa’ gallerija u ħalla dan l-infern jivvampja u jeqred in-nies, il-kultura u l-pajjiż. Imma intom tfajtu daqsxejn ilma li jtaffi l-għatx ta’ dawn in-nies, u nieħu din l-opportunità mhux biss biex nerġa’ nifirħilkom, imma wkoll biex nirringrazzjakom.
Jiġini f’moħħi l-‘infern’ li hemm fl-Afrika, li xi ftit jolqot anki lilna. Sikwit nisimgħu b’dgħajjes jaslu fuq xtutna b’immigranti. L-għadd ta’ dawn l-immigranti huwa xhieda li f’dak il-kontinent hemm min qed jgħix fl-infern! Kieku mhux hekk, dawn in-nies ma jitilqux minn hemm. Għalkemm jaslu f’pajjiżna, id-destinazzjoni ta’ dawn l-immigranti mhix Malta u Għawdex, imma l-Ewropa. Imma l-pajjiżi Ewropej saru xħaħ ma’ dawn il-persuni u mhumiex jagħtuhom possibbiltà ta’ futur. Għandna nagħtu l-appoġġ lill-Awtoritajiet Ċivili tagħna biex il-proposta tal-burden sharing tkun milqugħa u implimentata. Għalkemm fl-Ewropa aħna pajjiż żgħir, għandna s-sovranità tagħna, u l-vuċi ta’ pajjiżna ma tistax tiġi injorata. L-Ewropa ma tistax tħallina nerfgħu dan il-piż kbir waħidna. Il-passività tal-Ewropa tista’ tagħti lok għal aktar inġustizzji ma’ dawn l-immigranti. Hemm bżonn illi pajjiżi oħra jagħtu kas ta’ vuċi ta’ pajjiż bħal tagħna, li, anki jekk numerikament żgħir, ma jistax quddiem din it-traġedja umana, quddiem dawn in-nies li qed jaħarbu mill-infern, jibqa’ indifferenti jew allaħaresqatt jiġi sforzat li jkollu juża miżuri li jheddu l-ħajja ta’ tant nies.
Infern għaddejja minnu l-familja tagħna. Hemm ċerti esperjenzi familjari koroh li mmissuhom b’idejna; imma hemm ukoll ċerti aġendi li jiddikjaraw illi jridu jkissru l-familja. Fuq livell internazzjonali, ċerti gruppi illi qegħdin jippromovu mudelli ġodda ta’ familja jiddikjaraw bil-miftuħ illi qed jippromovu dawn il-mudelli ġodda li jmorru kontra n-natura tal-bniedem u tal-familja biex ikissru l-Knisja Kattolika u jeqirdu l-familja.
Imbagħad insibu rwieħna tassew fl-infern! Imbagħad ikun hemm l-infern tal-individwi, illi minħabba azzjoni, jew minħabba nuqqas ta’ azzjoni f’postha jew barra minn postha – ħaġa li kienet u tibqa’ ladarba aħna bnedmin b’natura dgħajfa – nagħmluhom ħajjithom infern.
Il-Bieb tal-Fidi
Nerġa’ ngħid: jiena ma rridx nieqaf fuq il-portæ inferi (il-bibien tal-infern), imma nixtieq infakkar f’dak li Kristu wiegħed kemm lil Pietru u kemm lil Pawlu. Għax jekk lil Pietru, Ġesù jgħidlu li l-bibien tal-infern ma jegħlbux lil min għandu l-fidi, Pawlu lil Timotju jgħidlu illi l-Mulej ħelsu minn ħalq l-iljuni: “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu fis-Sema” (2 Tim 4:18).
Huwa fatt li jekk hemm il-portæ inferi li huma theddida kontinwa għalina, hemm ukoll dik li l-Papa Emeritu Benedittu XVI sejħilha l-Porta Fidei, il-bieb tal-fidi li jiftaħ għall-ħajja eterna. Porta Fidei huwa l-isem tal-Motu Propju tal-Papa Benedittu XVI li bih ħabbar is-Sena tal-Fidi li qegħdin niċċelebraw. Din l-espressjoni, “il-bieb tal-fidi”, hija meħuda mill-Atti tal-Appostli (14:27-28), fejn Pawlu u Barnaba jaslu lura f’Antjokja tas-Sirja, jiġbru flimkien il-komunità Nisranija u jirrakkuntawlhom x’għamel Alla magħhom u kif permezz tagħhom huwa fetaħ lill-pagani l-bieb tal-fidi f’Ġesù Kristu, l-uniku Salvatur tal-bnedmin.
Din mhix l-ewwel darba fl-istorja illi l-Knisja qed tiċċelebra s-Sena tal-Fidi u tappellalna biex niftħu beraħ il-bibien ta’ qlubna għad-don tal-fidi. Propju fil-festa tal-Imnarja tal-1967, meta konna qegħdin niċċelabraw l-1900 anniversarju mill-Martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Venerabbli Papa Pawlu VI, meta l-Knisja kienet qiegħda ttemm il-Konċilju Vatikan II, nieda Sena tal-Fidi oħra.
Mudelli tal-fidi
Fid-dokument li bih Pawlu VI ħabbar dik is-Sena tal-Fidi, huwa jpoġġi lill-Appostli Pietru u Pawlu bħala ispirazzjoni u mudelli tal-fidi. Il-Papa Montini jgħid illi dawn it-tnejn huma għalina xhieda ta’ x’kapaċi tagħmel il-fidi fil-ħajja tal-bniedem.
Lil Pietru, sajjied u kollu dubji, Kristu jagħżlu biex jafdalu l-komunità Nisranija, biex ikun hu li jwettaq lil ħutu fil-fidi. Minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, Pietru xorta huwa l-maħbub tal-Mulej, u huwa lilu li Kristu jagħti d-don tal-fidi u l-imfietaħ biex ikun jista’ jiftaħ il-bibien tas-Sema għall-umanità.
Min-naħa l-oħra, Pawlu, wara l-esperjenza qawwija li kellu fit-triq ta’ Damasku, jinfetħulu għajnejh u bid-don tal-fidi jibda jara dak li ma kienx jara, u għalih Kristu jsir kollox. Minn persekutur ta’ dawk li kienu jemmnu, Pawlu jsir Appostlu tal-Ġnus.
Quddiemna għandna żewġ persuni illi, lil hinn minn ħafna tpaċpiċ fieragħ u minn ħafna kliem vojt ta’ glorja, irridu nħarsu lejhom bħala tnejn li emmnu fi Kristu u b’mod differenti t-tnejn ħadmu biex waqqfu komunitajiet ta’ fidi – komunitajiet żgħar imma li maż-żmien kienu kapaċi jirriformaw il-kultura tal-Imperu Ruman u jsawru kultura li tixraq lill-bniedem.
Kristu jdawwal il-fidi tagħna
Meta ħabbar is-Sena tal-Fidi fl-1967, il-Papa Pawlu VI kien qal illi l-fidi tiġi mid-dawl li tirċievi mill-kuxjenza tagħna l-bnedmin, dak li San Pawl fi kliem ieħor jikteb fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, meta jgħid illi hija l-qalb illi temmen: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni” (10:10). Fl-Atti tal-Appostli naqraw li meta Lidja qagħdet tisma’ lil Pawlu jipprietka, “il-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien qed jgħid Pawlu u wara tgħammdet hi u l-familja tagħha” (16:14-15). Għalhekk il-ħajja tagħna hija stqarrija jew professjoni ta’ dak li nemmnu fil-kuxjenza – ta’ dak li nemmnu f’qalbna. Li aħna nemmnu f’qalbna jfisser ukoll li l-ewwel att tal-fidi li nagħmlu huwa don mis-Sema – huwa grazzja minn Alla li jekk “niftħulha” il-bieb ta’ qalbna, taħdem fina u tqaddisna.
Għaldaqstant, jekk irridu li l-fidi ma tiġix nieqsa, hemm bżonn illi nkomplu ndawlu l-kuxjenza tagħna permezz ta’ Ġesù Kristu, dak illi għalih l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħid: “Minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna” (Lhud 9:6); dak li għalih Pawlu jkanta żewġ innijiet sbieħ, wieħed fl-Ittra lill-Kolossin (1:15-20) u l-ieħor fl-Ittra lill-Efesin: “Imbierek Alla u Missier tagħna lkoll li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet fi Kristu… Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu” (1:3-14).
U xejn anqas Pietru għandu stqarrijiet li jikkonfermaw kemm Kristu kien kollox għalih. Fiż-żewġ ittri tiegħu, Pietru ma jehdiex jistieden lill-Insara ħalli jdawlu l-kuxjenza tagħhom bil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Hu jisħaq illi aħna “ma konniex mifdijin bid-deheb jew bil-fidda, imma bid-demm għażiż ta’ Ġesù Kristu” (1 Pt 1:19). Ġesù Kristu huwa “il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża” (1 Pt 2:5). Dawn huma l-istqarrijiet ta’ min emmen fi Kristu u ta’ min ta ħajtu biex ixandar lil Ġesù Kristu. Pietru u Pawlu huma l-ewwel għalliema tal-fidi tagħna. Kienu huma li taw l-ewwel formulazzjoni tal-veritajiet tat-twemmin Nisrani. Biex jiggarantixxu l-awtentiċità, huma ssiġġillaw dan it-tagħlim bit-tixrid ta’ demmhom fil-martirju.
Il-periklu ta’ Kristjani mingħajr Kristu
Dan l-aħħar il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku għamel stqarrija li tinkwetani ħafna, anki jekk naqbel perfettament miegħu. Huwa qal li llum huwa possibbli li jkollna Kristjaneżmu mingħajr Kristu, fis-sens li ngħidu li aħna Kristjani mingħajr ma nkunu nafu lil Ġesù Kristu! Iġġagħlek taħseb! Hemm diversi eżempji illi jikkonfermaw illi aħna nistgħu nkunu reliġjon li mhix konfessjonali, jiġifieri reliġjon illi m’għandhiex stqarrija x’tagħmel. Nagħti eżempju. Tabiba tkun ser tagħmel lekċer, u għax hi Nisranija konvinta xtaqet tgħid talba qabel ma bdiet it-taħdita tagħha. Tqum koppja li sikwit tgħaddi mill-bibien tal-knisja, u topponiha bil-pretest li llum aħna soċjetà lajka. Possibbli wasalna biex inħaddnu reliġjon li mhix konfessjonali? Dan huwa r-riskju ta’ min il-fidi tiegħu jibniha fuq it-tradizzjoni jew il-kultura; dan huwa r-riskju ta’ min il-fidi tiegħu jibniha fuq veritajiet, biex ma ngħidx fuq liġijiet, imma mhix mibnija fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu.
Għalhekk induru lejn San Pietru u San Pawl ħalli f’din is-Sena tal-Fidi, għalkemm għandna esperjenzi fejn jidher illi kultant aħna stess qed inbexxqu l-portæ inferi, nitolbuhom jidħlu għalina, ħalli jinfetħu beraħ għalina l-bibien tal-fidi. Nitolbuhom ukoll ħalli aħna ma nagħlqu l-bibien tal-fidi lil ħadd. Ma nistgħu nagħlqu l-bieb tal-fidi lil ħadd, għax il-fidi mhix xi patrimonju tiegħi jew tagħna. Il-fidi hija don mis-Sema, il-fidi hija Alla preżenti fil-ħajja tagħna. U jien min jien biex lil min qiegħed izappap fil-mixja tal-fidi, lil min għandu diffikultà biex jiftaħ il-bieb beraħ għal Ġesù Kristu, insammarlu l-bieb ħalli ma jiftħu qatt?
Meta ngħidu li nistgħu nkunu Kristjani mingħajr Kristu, irrid nagħmilha ċara li ħadd minna mhu eskluż, jiġifieri lanqas jien. Ħadd minna, inklużi aħna ta’ qrib l-altar, ma nistgħu nkunu Kristjani mingħajr Kristu. Bħalma għamlu Pietru u Pawlu, aħna rridu nipprofessaw din il-fidi f’Ġesù Kristu mhux biss fil-bażiliċi jew katidrali tagħna – hemmhekk inkunu qed nilagħbu home! – imma din il-fidi rridu nistqarruha l-ewwel u qabel kollox fil-familji tagħna. Il-familja hija l-ewwel knisja fejn issir esperjenza tal-fidi f’Ġesù Kristu. Il-fidi nesprimuha wkoll fil-pjazez u fl-istituzzjonijiet tagħna. Nifhem li dan mhux faċli, nifhem li xi drabi jistgħu jinfetħu l-bibien tal-infern għal min jistqarr pubblikament li Kristu huwa l-Mulej; imma kif jgħid Pawlu lil Timotju, agħmlu l-kuraġġ – l-iljuni qatt mhuma ħa jagħmlulna ħsara. Kif Kristu jgħid lil Pietru, jekk intom għandkom fidi, ukoll jekk hija daqs iż-żerriegħa tal-mustarda, il-bibien tal-infern ma jegħlbukomx.
San Pietru u San Pawl, idħlu għalina quddiem Alla l-Imbierek, biex nissaħħu fil-fidi tagħna, b’Ġesù Kristu. Amen.