Pussess Arċipriet Edward Xuereb, Qala
Għażiż Arċipriet,
Għeżież ħuti Saċerdoti u Nsara,
Ara ma mmorrux naħsbu li dalgħodu qegħdin hawn biex nintronizzaw jew ngħollu lil xi ħadd il-fuq aktar minn ħaddieħor, ‘l fuq mill-oħrajn. Ara ma mmorrux naħsbu li din ta’ dalgħodu hija ċelebrazzjoni ta’ unuri jew ta’ eżaltazzjoni. Ilkoll kemm aħna saċerdoti, Insara u reliġjużi, ilkoll kemm aħna membri tal-istess importanza.
Fil-Knisja m’hemmx wieħed iktar importanti mill-ieħor. L-aħħar tarbija li tgħammdet f’din il-Parroċċa għandha valur quddiem Alla, daqs kemm għandi valur jien, jien l-Isqof ta’ din id-djoċesi. M’hemmx differenza assolutament fl-għajnejn t’Alla u allura ara ma nħallux ċelebrazzjonijiet bħal dawn jaljenawna mill-verita’. Il-verita’ hi li lkoll kemm aħna, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u Nsara, ilkoll kemm aħna poplu ta’ Alla, poplu wieħed ta’ Alla u jekk hemm xi tip ta’ poter f’dan il-poplu mhux għal wieħed, il-poter tal-qadi, il-poter tas-servizz veru lil xulxin.
Għażiż Arċipriet, għandek ħafna mudelli lejn min u lejn x’hiex tħares. Int Arċipriet tal-Parroċċa tal-Qala, din il-Parroċċa għażiża ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Konċepiment tagħha u lill-Għaru u Raġel tagħha San Ġużepp. Għandek ħafna lejn x’hiex tħares illum li hija l-festa tal-Familja Mqaddsa. U jekk aħna msejħin bħala saċerdoti biex naqdu lill-Insara permezz tax-xandir tal-Kelma, permezz tat-tqaddis tal-poplu, permezz taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, kif ukoll permezz tat-tmexxija nkunu Rgħajja tal-poplu, għandek verament lejn min tħares: Marija u Ġużeppi.
Jien nistiednek biex l-ewwel u qabel kollox, lis-saċerdoti tagħna u lili nnifsi, biex qabel ma nkunu għalliema u xandara tal-kelma nkunu nies li nisimgħu u nisimgħu bis-serjeta’. Nisimgħu l-qalb tħabbat ta’ dawk kollha li jiġu fuqna biex jaqsmu magħna l-istorja tagħhom, il-ġrajja tagħhom, l-idea tagħhom jew il-kritika tagħhom. Qabel ma nkunu nies li nitkellmu rridu nkunu nies kollha kemm aħna, l-ewwel wieħed jien fostkom li nisimgħu. Imbagħad ikollna x’ngħidu, ma ninsewx li Żakkarija baqa’ mutu, ma setgħax jitkellem għax ma kienx kapaċi jisma’ u jafda fil-kliem tal-Anġlu, fil-qaddis tal-qaddisin, fit-Tempju ta’Ġerusalem.
Qabel ma nkunu nies li nqaddsu, qabel ma nkunu nies li nippruvaw nagħmlu lill-oħrajn tajbin u qaddisin, għażiż Arċipriet, għeżież ħuti saċerdoti u jien ukoll magħkom u forsi, forsi aħna lkoll kemm aħna, l-ewwel dmir tagħna huwa li nikkonvertu, li nidħlu fi proċess kontinwu ta’ konverżjoni, jiena naħseb li għandu raġurn Ġesú li jgħidilna li jekk jien għandi travu f’għajnejja nsibha bi tqila biex nara t-tibna f’għajn ħija, Imma t-tibna f’għajn ħija ħafna drabi nkun kapaċi naraha għaliex, għax ninsa, għax ma narax il-travu li għandi f’għajnejja. Jekk jien indur dawra miegħi nnifsi u nifli d-difetti tiegħi u nipprova nagħmel kull ma nista’ biex nikkonverti, jiena naħseb li ma jibqalix wisq ħin biex nipponta subgħajja lejk, lejn dak jew lejn dik biex nara x’għandek biex tbiddel int u allura qabel ma nibda nqaddes, qabel ma nibda nipprova nissantifika, permezz tas-sagramenti, permezz ta’ ħajja tajba lil dawk ta’ madwari, l-ewwel u qabel kollox irrid nidħol jien fi proċess ta’ konverżjoni.
U jekk aħna msejħin biex immexxu, jekk il-Kappillan/Arċipriet ġie msejjaħ biex imexxi, l-ewwel u qabel kollox, biex immexxu sewwa, irridu nidħlu fi proċess ieħor, il-proċess tad-dixxerniment. Irridu nkunu kapaċi niddixxernu. Irridu nkunu kapaċi nobdu l-ewwel u qabel kollox il-kelma tal-Missier, il-kelma ta’ Alla. Irridu bħal San Ġużepp inkunu kapaċi noħolmu bil-kliem tal-Iskrittura li jagħtina dawl fuq l-għażliet u d-deċiżjonijiet li hemm bżonn għall-ġid tal-Parroċċa, għall-ġid tal-Poplu li jemmen.
Dawn huma t-tliet karatteristiċi l-aktar importanti li għandu bżonn ikollu kull min ikun kappillan imma mhux biss, kull min ikun għas-servizz tal-Poplu t’Alla. Bniedem li kapaċi jisma, u jisma bis-serjeta’. Allura bniedem li jiddedika ħin biex jisma’ l-kelma t’Alla u biex jisma’ l-kliem tal-poplu.
Ħares lejn Ġużeppi, bniedem li jitkelllem ftit fl-Iskrittura, imma li kapaċi jisma ħafna. Kapaċi jisma lil Alla fil-ħolm u fid-dehra tal-Anġlu. Kapaċi jisma lil Marija, kapaċi jisma’ lil Ġesú. Bniedem li kapaċi mhux biss jisma imma wkoll jikkonverti, għax il-bniedem li jħalli l-Kelma t’Alla tidħol fih, żgur li jsib modi, isib f’ħajtu difetti djufijiet li hemm bżonn li jbiddel u bniedem li kapaċi jisma’ ħafna lill-oħrajn, bniedem li kapaċi jisma’ l-pariri ta’ dawk ta’ madwaru biex imbagħad ikun jista’ jiddixxerni ħalli t-tmexxija aktar milli tkun tagħna tkun tal-Mulej.
Il-biċċa xogħol il-kbira tagħna, il-problema l-kbira tagħna s-saċerdoti hija din, illi ħafna drabi aħna rridu nwarrbu l-ideat tagħna, l-opinjoni, kultant l-attitudnijiet u l-karattru tagħna rridu nwarrbuh fil-ġenb għaliex? Biex nagħtu preċedenza, nagħtu prijorita’ lill-Kelma t’Alla, nagħtu prijorita’ lil dak li jixtieq Alla u jbqgħu ċerti li jekk aħna nippruvaw nassumu fuqna dawn l-attitudnijiet illi kienu l-qofol tal-ħajja ta’ Ġużeppi u Marija, ibqgħu ċerti li nagħmlu mill-Parroċċi tagħna, li tagħmel minn din il-Parroċċa familja simili ħafna, familja tixbaħ ħafna lil dik ta’ Nazaret.
Il-Mulej jagħtik l-għajnuna, jimliek bl-Ispirtu Tiegħu, idawwlek, iqawwik b’mod speċjali fid-diffikultajiet u fit-tbatija li għad tiltaqa’ magħha.