Aqbeż għall-kontenut

Qniepen li Jsejħulna

Poplu tax-Xewkija, nixtieq illejla nifraħ magħkom għax tassew għandkom għaliex tagħmlu festa. Lilek, għażiż Arċipriet, flimkien mas-saċerdoti u l-kollaboraturi tiegħek, nifirħilkom għall-impenn tagħkom biex illum, flimkien mal-poplu fdat lilek, qegħdin tagħtu din il-glorja lil Alla.

Kif ninterpreta din il-ġrajja bħala ragħaj spiritwali tagħkom? Għaliex għandi biex nifraħ bil-kbir magħkom? Għaliex din l-inizjattiva, li m’hix żgħira fl-impenn tagħha, tixhed għall-imħabba tagħkom għal Kristu, tixhed għall-imħabba tagħkom lejn il-Knisja. Tixhed għall-impenn tagħkom li tridu għajnuna fil-mixja spiritwali tagħkom, fil-mixja bħala komunità parrokkjali, fil-mixja bħala poplu ta’ Alla, li jgħammar f’dan ir-raħal tax-Xewkija. U dan ngħidulkom fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna.

Meta qrajna l-ewwel lezzjoni mill-ktieb tan-Numri, qrajna esperjenza li kien qed jagħmel il-poplu ta’ Alla fid-deżert, fil-mixja tiegħu biex jidħol fl-Art Imwiegħda. U din l-esperjenza li qed nagħmlu, ħbieb tiegħi. Aħna wkoll poplu li jinsab f’mixja, poplu illi l-għan ewlieni tagħna hu li naslu fl-Art Imwiegħda, dik l-art li wegħidna l-Mulej Ġesù. Il-poplu Lhudi, meta kien iterraq fid-deżert, bid-diffikultajiet li kellu, smajna x’għajnuniet tah Alla lil Mosè, li kien il-kap tal-poplu. Qallu: “Ipprovdilhom żewġ trombi, ħalli dawn it-trombi tlaqqagħhom flimkien, dawn it-trombi tgħidilhom xħin għandhom iqumu u jimxu, dawn it-trombi inti ssejħilhom ħalli jiċċelebraw il-liturġija, issejħilhom għal-laqgħa”.

Għażiż Arċipriet, mhux jien nagħtik il-mandat imma l-Kelma ta’ Alla. Użaw dawn it-trombi tal-lum, dawn il-qniepen tal-bronż, ħalli proprju jgħinukom fil-mixja tagħkom lejn Alla. Dawn il-qniepen jagħmlu parti essenzjali mill-ħajja tal-poplu ta’ Alla fix-Xewkija. Dawn il-qniepen jgħinukom tinsġu l-istorja, mhux biss tax-Xewkija, imma l-istorja tas-salvazzjoni, jiġifieri l-istorja illi jrid Alla jaħdem magħkom.

U għalhekk meta dawn il-qniepen isejħulkom, isejħulkom biex tiltaqgħu flimkien bħala komunità Kristjana, u hemm diversi mumenti fejn il-Knisja ssejħilkom. Hemm diversi mumenti fejn ir-ragħaj spiritwali tagħkom illaqqagħkom ħalli jismagħkom, ħalli intom tisimgħuh, ħalli tisimgħu lil xulxin. Forsi ma jsejħilkomx direttament, imma jsejħilkom permezz tal-kollaboraturi tiegħu. U qed nirriferi għad-diversi korpi, gruppi li hawn iżejnu din il-komunità parrokkjali. Dawk huma mumenti fejn niltaqgħu flimkien.

Imbagħad dawn il-qniepen isejħulna biex inqumu nippakkjaw u nimxu. Għiduli fejn ħa mmorru minn hawn? Mhux nimxu f’sens ġeografiku – minn hawn immorru post ieħor; m’aħniex nomadi, imma l-ħajja Kristjana hija mixja. Ma nistgħux ngħidu “wasalna” u npoġġu bilqiegħda, imma rridu kultant żmien nagħmlu pass ieħor ’il quddiem. U anki hawnhekk il-qniepen isejħulna biex niltaqgħu flimkien u bħala komunità li tagħmel parti mid-djoċesi ta’ Għawdex naraw liema linja aħna sa nsegwu biex nimxu ’l quddiem. Naraw x’inhuma l-linji pastorali illi nfasslu flimkien u nipproponu ħalli l-poplu ta’ Alla jimxi ’l quddiem.

Imma mbagħad il-qniepen isejħulna wkoll biex niċċelebraw il-kult, il-liturġija. U l-liturġija m’hix biss il-quddiesa, imma hemm mumenti oħrajn fejn il-qniepen jgħajtulna biex niltaqgħu fid-dar ta’ Alla u nfaħħruh flimkien. U l-qniepen jinbidlu u jsiru dak id-djalogu spiritwali li għaddej bejna u bejn Alla.

Għalhekk, ħbieb tiegħi, nawguralkom illi din l-esperjenza ta’ dawn il-ġranet tkun għalikom imbuttatura oħra ’l quddiem, impenn ieħor biex aħna nkomplu nsawru lilna nfusna bħala poplu ta’ Alla. Dawn il-qniepen inħadmu f’funderija, hux veru? Imma jien nawguralkom li l-qniepen issa jkunu element illi joħolqu funderija fix-Xewkija, u kif dak il-ħafna metall ifforma qniepen tant intonati, jifforma minnkom qanpiena illi tkun vuċi sabiħa li ssejjaħ lil ħaddieħor biex jimxi wara Kristu. Hekk qalilna l-Vanġelu: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-tajba”.

Jalla l-preżenza ta’ dawn il-qniepen iżżejjen il-knisja tagħkom, mhux tant il-knisja tal-ġebel imma l-poplu ta’ Alla miġbur taħt il-patroċinju tal-patrun tagħkom, San Ġwann Battista.

pdf · 47.03 KB Niżżel