Aqbeż għall-kontenut

Ringrazzjament Ċelebrazzjoni Isqof Mario

Diskors ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-episkopat ta’ Mons. Mario Grech.

Eċċellenza President ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu

Eċċellenza Mons. Mario Grech

Eċċellenzi isqfijiet u Nunzju

Sindku tax-Xewkija

Onorevoli ministri

Membri parlamentari

Ħuti fis-saċerdozju

Reliġjużi

Insara

“Roddu ħajr lill-Mulej, għaliex hu tajjeb. It-tjieba tiegħu għal dejjem!” F’isem ħutna s-saċerdoti, f’isem ir-reliġjużi li jaħdmu jew li ħadmu fid-djoċesi tagħna, f’isem l-insara kollha ta’ din id-djoċesi nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla għall-persuna tiegħek, maħtur Ragħaj tagħna lkoll kważi 16-il sena ilu, u issa msejjaħ biex isservi l-Knisja Universali bħala segretarju ġenerali tas-sinodu tal-Isqfijiet.

Matul dawn is-snin, inti qsamt magħna l-Kelma ta’ Alla, magħġuna mal-profondità tal-persuna u tal-intelliġenza tiegħek. Inti dewwaqtna d-dawl tal-Ispirtu ta’ Alla, li kull fejn ikun, ixerred imħabba, għaqda u maħfra. Inti mexxejtna bid-deċiżjonijiet għaqlija tiegħek fi spirtu ta’ tfittix sinċier ta’ dak li jrid Ġesù, il-Mulej tagħna.

L-imħabba kbira tiegħek għad-Djoċesi tagħna, wasslitek biex flimkien mal-kollaboraturi tiegħek, tbati, int u tiġbor dak li kien imxerred; biex dak li kien mogħti minn nies għall-qadi tal-Knisja, iservi għal kulħadd, u mhux biss għal uħud jew għal ftit. Ħadt ħsieb dawk li huma msieħba miegħek fil-ministeru, rajt li jkollhom dak li għandhom bżonn, u għamilt li stajt biex ikollhom rasna mistrieħa mill-ħobżna ta’ kuljum.

Ħadt ħsieb il-missjunarji tagħna, u mhux biss mort iżżurhom, iżda ħsibtilhom għall-futur tagħhom. Impenjajt ruħek biex tagħti importanza lill-ħajja reliġjuża fid-djoċesi. U minbarra l-promozzjoni tal-istituti sekulari, wasalt biex iġġib fostna r-realtà tas-sorijiet tal-Klawsura, pulmun u nifs għall-ħajja tal-Knisja.

Sa mill-ewwel sigħat tal-episkopat tiegħek, urejt kemm il-familja kienet għal qalbek. Minbarra mumenti ta’ festa u ta’ laqgħa flimkien, inti ħsibt li toffri s-servizz tal-counselling centre f’Ta’ Pinu, li flimkien mal-Istitut tal-Familja, għadhom jaqdu l-ħtiġijiet urġenti u ta’ formazzjoni kontinwa tal-għarajjes u tal-miżżewġin.

Ħadt ħsieb li titwassal il-Kelma ta’ Alla f’katekiżmu adattat għaż-żgħar, u komplejt tross ‘il quddiem biex din il-Kelma tal-ħajja tasal aħjar għand l-adulti, permezz ta’ Lectio Divina, gruppi u komunitajiet.

Kont attent għal min qiegħed ibati. Spiss kont issibek ħdejn is-sodda tal-marid u ta’ min qiegħed imut. Tkellimt favur il-barrani u ħeġġiġtna biex ikollna qalbna kbira li tilqa’ lil kulħadd. Ħadt ħsieb li fid-djoċesi ikun hawn l-uffiċċju tal-Karitas kif ukoll l-uffiċċju tad-Djakonija, żewġ uffiċċji li jieħdu ħsieb in-nies tal-aħħar, b’kull mod u f’kull ħin. Saħħaħt il-kummissjoni għall-persuni b’kapaċitajiet differenti, u kabbart s-sehem tagħhom fil-Knisja.

Ħadt ħsieb li l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna tkun sħiħa, billi mexxejt ‘il quddiem l-iskejjel tal-Knisja, kif ukoll komplejt toffri bl-aħjar mod s-servizz tal-Knisja fl-iskejjel tal-istat.

Dawn huma biss ftit mill-ħidmiet tiegħek u tal-kollaboraturi tiegħek, li jagħmlu mill-Knisja Għawdxija komunità ħajja mixtieqa li tkompli fil-mixja tagħha lejn il-Mulej Ġesù.

Grazzi Eċċellenza li dejjem kont hemm għalina. Grazzi Eċċellenza tat-tbatija tiegħek fis-skiet. Grazzi Eċċellenza tal-iljieli mqajjem minħabba l-inkwiet tagħna. Grazzi Eċċellenza li dejjem aċċettajtna kif aħna. Grazzi Eċċellenza tal-kuraġġ li dejjem għamiltilna.

Aħfrilna Eċċellenza, tan-nuqqasijiet u tad-dgħufija tagħna.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, grazzi Eċċellenza, li fil-persuna tiegħek, ser tieħu biċċa mill-Knisja Għawdxija fil-qalba tal-Knisja Universali. Filwaqt li nitolbuk titlob għalina, inwiegħduk it-talb tagħna.

“Roddu ħajr lill-Mulej, għaliex hu tajjeb. It-tjieba tiegħu għal dejjem!”

pdf · 53.12 KB Niżżel