Sakemm Kristu Jissawwar Fina
QARI: Lq 19:1-10
“Semmajtli l-vuċi tiegħek u widnejja nfetħu beraħ għal-leħen tiegħek. Ibbrillajt quddiemi bil-ġmiel tiegħek u għajnejja nfetħu biex jitgħaxxqu b’dan is-sebħ. Kont għalija fwieħa u mnifsejja miftuħin biex jirċievu din il-fwieħa li sserraħ il-qalb. Kont għalija ikel u għandi ġuħ kbir biex nitmantna bik”. Hekk jgħid Santu Wistin meta jiddeskrivi l-laqgħa tiegħu ma’ Kristu fl-Istqarrijiet, fil-Confessiones tiegħu.
U f’din il-ġurnata li fiha int, għażiż Dun Pawl, qed tagħti bidu għall-ministeru pastorali tiegħek bħala Arċipriet; f’din il-ġurnata li intom, għeżież uliedi, komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ, qegħdin tibdew fażi oħra fil-ħajja Kristjana ekkleżjali tagħkom… dan huwa l-awgurju tiegħi: illi bħal Santu Wistin intom tkunu tistgħu taffermaw illi, għax smajtu l-Kelma, widnejkom infetħu; għaliex ibbrilla d-dawl li huwa Alla quddiemkom, għajnejkom infeħtu; għaliex tiggustaw il-fwieħa ta’ Kristu, tirrespiraw din l-arja pura; għaliex intom bil-ġuħ, dak illi jtaffi l-ġuħ tagħkom ikun Kristu, u Kristu biss.
Allura tifhmu għaliex propju fid-digriet li għamilt tal-ħatra ta’ l-Arċipriet tagħkom, għamiltlu din il-premura: “Sakemm Kristu jissawwar f’kull wieħed u waħda mill-membri tal-komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ, jiena nħeġġek biex bi mħabba kbira inti twettaq dan il-ministeru li qed nafdalek f’idejk il-lum”. U fid-dawl tal-Bxara t-Tajba illi l-Knisja twasslilna f’dan il-wieħed u tletin Ħadd tas-sena, jiena meta mmeditajt u tlabt fuq it-test tal-Vanġelu sibt xi punti illi forsi jistgħu jorjentawna f’din id-direzzjoni.
Il-ġrajja li jirrakkonta Luqa sseħħ propju fil-belt ta’ Ġeriko. Tgħidilkom xi ħaġa l-belt ta’ Ġeriko? Lili tfakkarni f’dak il-passaġġ li hemm fil-ktieb ta’ Ġożwè, meta kien hemm bżonn illi l-belt ta’ Ġeriko tiġġedded, kien hemm bżonn illi l-belt ta’ Ġeriko tinħatt u tiġi mnaddfa mill-għadu tal-poplu ta’ Alla. Għeżież tiegħi, din hija r-realtà tal-Knisja fid-dinja kollha kemm hi, anki f’pajjiżna. U l-komunità parrokkjali tagħna hija espressjoni tal-Knisja fid-djoċesi tagħna. Hemm bżonn illi anki aħna, jekk hemm bżonn, inħottu l-Ġeriko tal-lum. Hemm bżonn illi nħottu, jiġifieri, dik il-belt tal-bniedem illi l-bniedem il-lum qiegħed jazzarda jibni mingħajr Alla. Hemm bżonn illi nħottu ċerti strutturi jekk m’humiex ta’ qadi għall-bniedem u ta’ glorja għal Alla. Hemm bżonn illi neliminaw ċerta mentalità, ċerti skemi mentali illi, flok ma jgħinuna biex inkunu poplu ta’ Alla, ifixkluna.
Għaliex x’hemm fil-belt tal-bniedem li ħalaq Alla? Hemm Żakkew, kif jippreżentah Luqa fil-Vanġelu. Min hu Żakkew? Mhux ħa nintilef biex infisser x’inhi l-professjoni tiegħu, imma Luqa jgħid: Żakkew huwa raġel illi “kellu xewqa li jara” u jkun jaf min hu Ġesù. Forsi jiena żbaljat, imma nħoss illi anki fis-soċjetà tagħna, kif esprimejt f’dik l-ittra li tajt lill-Arċipriet tagħkom, hawn ħafna għandhom xewqa għal Alla, hawn ħafna illi jixtiequ jaraw lil Ġesù. Bħalma għamlu dawk il-Griegi – kif jirrakkontalna San Ġwann – illi marru fuq tnejn mid-dixxipli u qalulhom: “Irridu naraw lil Ġesù”. Qed ninterpreta sewwa s-sentimenti tagħkom, għeżież tiegħi? Qed ngħid sew li intom tixtiequ taraw lil Ġesù… iktar u iktar meta anki fid-dawl tal-Vanġelu naraw xi jfisser tiskopri lill-Ġesù veru? Għax jista’ jkollna immaġni falza ta’ Kristu.
U x’inhuma l-effetti ta’ min jiltaqa’ ma’ Kristu? Li jkun hemm ordni iktar ġust bejnietna l-bnedmin, tant illi Żakkew ħass illi għandu jrodd dak li kien kiseb b’mod inġust. Li tkun taf lil Kristu jfisser li jkun hemm iktar sens ta’ fraternità, li jkun hemm tassew spirtu ta’ familja waħda, tant illi Żakkew ħass illi kellu jaqsam nofs ġidu mal-foqra, ma’ dawk li l-aktar jeħtieġu l-għajnuna u l-imħabba tagħna. Għalhekk, fil-bidu tal-ministeru tiegħek, għażiż Arċipriet, jiena nħeġġek biex tagħmel minn kollox ħalli, f’ħinu u barra minn ħinu, inti ssus wara dawn ħutna u tgħinhom jiltaqgħu ma’ Ġesù; inti twieġeb għal xewqat profondi li hemm fil-qalb tagħhom. U gwaj għall-Knisja jekk il-lum ma tagħtix risposta, ma tagħtix tweġiba għal dawn l-esiġenzi ġusti, qaddisa li hemm fikom.
Imma anki l-Vanġelu tal-lum lili jispirani fuq x’metodi pastorali għandna nħaddnu fil-missjoni tagħna. L-ewwel u qabel kollox: tindunaw illi Kristu huwa dak illi mar ifittex lil Żakkew? Veru li Żakkew tela’ fuq is-siġra, imma Luqa jgħidilna: Kristu ħares minn isfel għal fuq. U l-ħarsa tiegħu ltaqgħet mal-ħarsa tal-bniedem. U din għandha tkun il-pastorali tagħna. Mhux tant illi nistennew lil ħaddieħor jiġi għandna, imma li aħna mmorru għand ħutna l-bnedmin.
Kristu jsejjaħlu b’ismu lil Żakkew. Intom tafu illi f’Luqa – qegħdin f’kapitlu dsatax, kważi wasalna fl-aħħar – din hija t-tielet darba illi Kristu jsejjaħ lil xi ħadd b’ismu? L-ewwel lil Xmun il-Fariżew, imbagħad lil Marija, oħt Lazzru; issa lil Żakkew. U xi jfisser illi jsejjaħ lil Żakkew b’ismu? Ifisser li għandu rapport personali, għandu relazzjoni individwali mal-bniedem. U ma tistagħġibx li qed ngħid dan, għaliex Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, qalilna illi r-ragħaj it-tajjeb jaf in-nagħaġ tiegħu u jagħrafhom u jsejħilhom b’isimhom. U vantaġġ fil-parroċċi tagħna hu li aħna parroċċi “a misura di uomo” u allura faċli illi nkunu nafu lill-komunità tagħna b’isimha. Għax li tkun taf lill-bniedem b’ismu jfisser li qed toħorġu mill-iżolament tiegħu; ifisser li qiegħed tirrikonoxxih fl-individwalità tiegħu. U hemm bżonn li l-pastorali tagħna ma tkunx pastorali tal-massa imma tkun pastorali indirizzata lill-persuni individwalment skond il-ħtiġijiet individwali tagħhom.
X’jispirani iktar f’dik li hija pastorali fil-Vanġelu tal-lum? Kristu qallu: “Żakkew, ħi, inżel malajr, għax illum jeħtieġli niġi noqgħod għandek”. U mar id-dar tiegħu. U l-verb li hemm fil-Grieg jindika li ma marx viżta qasira – daħal u ħareġ – imma mar u qagħad għandu. U din ukoll trid tkun karatteristika tal-pastorali tagħna: illi aħna niġu għandkom, li aħna niltaqgħu mal-familja tagħkom, li aħna noffru biex inkunu preżenti fil-ġrajja tagħkom, fl-istorja tagħkom, ħalli fil-familja intom tkunu fil-libertà illi taqsmu magħna, u jekk hemm bżonn anki aħna nerfgħu parti mill-piż tal-ħajja. Għalhekk iż-żjajjar fil-familji huma indispensabbli. Dan qed ngħidu għalik, Dun Pawl, u qed ngħidu għall-parroki, għall-kappillani u s-saċerdoti kollha. Hemm bżonn li aħna, bħalma għamel Kristu, immorru noqogħdu għand ħutna, għax iriduna! Iriduna… imma forsi aħna tant għandna x’nagħmlu, jew tant nivvintaw x’nagħmlu, illi ma nsibux ħin biex nagħmlu dak li hu meħtieġ. Allura hemm bżonn ta’ reviżjoni f’din il-ħaġa.
Għeżież tiegħi, imbagħad x’jgħidlu Kristu lil Żakkew? “Inżel minn fuq dik is-siġra”. Imma jgħidlu wkoll: “Inżel minn fuq dik is-siġra biex jien issa nitla’ fuq is-siġra, u nitla’ fuq is-Salib. U int ejja miegħi”. U allura anki aħna lill-poplu ta’ Alla rridu ngħinuh jinżel minn fejn jitla’ għal motivi differenti, imma biex aħna nitilgħu floku u, jekk irid, jitla’ magħna fuq is-Salib; dak is-Salib li jiena tajtek fil-bidu x’ħin ġejt biex tidħol f’din il-Bażilika. Għaliex, għeżież tiegħi, jekk aħna niċħdu s-Salib, jekk aħna naħbu s-Salib, allura din m’hix ir-reliġjon li nemmen fiha jien, allura din m’hix il-Knisja ta’ Kristu; hija Knisja oħra.
Għeżież tiegħi, dawn huma l-ftit ħsibijiet li jiena slitt mill-Kelma ta’ Alla, ħsibijiet li jista’ jislithom kulħadd, basta jkollna s-sabar, il-ħin u l-imħabba biex naqbdu l-Kelma ta’ Alla f’idejna. U dik hi l-proposta li qed tagħmel il-Knisja tagħna din is-sena: “Kunu ħbieb tal-Vanġelu”. Għax dak li naqra jien tista’ taqrah int. Naturalment aħna għandna d-dmir li ngħinukom biex tagħmlu din il-lettura.
Għażiż Arċipriet, lilek u lil sħabek is-saċerdoti, ’il-Kapitlu ta’ din il-Bażilika, ’il-lajċi impenjati, jiena nawguralkom dan kollu, biex kif Kristu ħarrek il-kuxjenza ta’ Żakkew, intom tkunu kapaċi tħarrku l-kuxjenza ta’ ħutna li xi drabi għandi l-impressjoni li hi kuxjenza rieqda, jekk mhux ukoll kuxjenza ffurmata ħażin. U dan ngħidu b’responsabbiltà, għax jiena l-Isqof tagħkom, u dan ukoll irrid inwieġeb għalih jiena.
B’dan il-mod, għeżież tiegħi, il-ministeru tal-kappillan, il-ministeru tas-saċerdot iħalli l-frott u jkun jista’ jgħinkom tissodisfaw dawk il-bżonnijiet li tkellem fuqhom Santu Wistin fl-Istqarrijiet tiegħu: illi widnejkom jistennew li jisimgħu, mhux kelma vojta, imma l-Kelma ta’ Alla; illi l-għajnejn tagħna jinfetħu, u jinfetħu mhux biex jaraw it-taparsi ġmiel, il-psewdo-ġmiel, imma jaraw is-sebħ, il-ġmiel ta’ Alla li deher fi Kristu; illi l-pulmun tagħna ma jimteliex b’arja inkwinata f’kull sens tal-kelma, imma jimtela bil-fwieħa ta’ Kristu; illi l-ikel tagħna jkun ikel li jaslilna permezz tal-Kelma u permezz ta’ l-Ewkaristija.
Jiena nafdak lit-Trinità Qaddisa, Dun Pawl, bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Martri, li jżejjen dan it-tempju, Patrun tagħna. San Ġorġ għandu jispirak, kif għidtlek fl-ittra li tajtek, ħalli inti tkun xhud distint ta’ Kristu, anki jekk jiġrilek kif ġralu Kristu meta mar għand Żakkew; kien hemm min ma fehmux, għax qal: “Dak irrikuperabbli; dak ma tistax tirbħu lil Żakkew; dak impossibbli li tfejqu, li tibni relazzjoni miegħu”. Imma Kristu mar… ħallas. U San Ġorġ f’dan kollu jispirak, lilek u lilkom, għeżież tiegħi, illi nafdakom f’idejn Alla.