Aqbeż għall-kontenut

Salus Popoli Guadisiensis

Il-ħajja kollha tfixkil! Ngħaddu jew jgħadduna minn prova wara l-oħra. Hekk ġralu l-Mulej Ġesù, anki biex jifhem lilna meta nkunu mfixklin. Sew jekk it-tfixkil ikun ġej minn tal-qrun u sew jekk ikun ġej mill-bnedmin, saram jibqa’.

Fil-Vanġeli għandna tagħrif dwar kif Ġesù għeleb it-tiġrib (Mattew 4). Tgħid f’dawk il-mumenti Ġesù ma ftakarx f’ommu? Tgħid f’waqtiet diffiċli bħal dawk il-Madonna setgħet ma kinitx fil-menti u fil-qalb tiegħu? Insejħulha aħna waqt mumenti tqal; tgħid Ġesù ma sejħilhiex waqt it-tiġrib?

Dan l-aħħar aħna l-Isqfijiet wassalnielkom Ittra Pastorali għar-Randan. Il-ġist ta’ din l-Ittra huwa sempliċi imma profond. Nirriflettu dwar l-esperjenzi li qegħdin ngħixu fid-djar tagħna; għalhekk niftakru f’dawk li għaddejjin minn provi ibsin. Quddiem dan it-toqol tal-ħajja aħna l-Isqfijiet nagħmlulkom proposta waħda: tibżgħux tieħdu lil Marija fid-dar tagħkom. Nieħdu l-eżempju ta’ San Ġwann li meta kien fuq il-Kalvarju taħt id-dell tas-salib ħa lil Marija għandu. Fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù.

Għalhekk fl-okkażjoni tal-Festa tal-Papa San Girgor il-Kbir nixtieq naqsam magħkom xi tagħlim ta’ dan ir-Ragħaj u Duttur tal-Knisja dwar il-Madonna bit-tama li dan it-tagħlim iqanqalkom biex tħaffu tieħdu lil Marija d-dar tagħkom.

San Girgor kiteb ħafna, imma ma tana ebda kitba dwar Marija. Fost l-għadd kbir ta’ omeliji li għandu ma nsibux waħda fuq Omm Ġesù. Il-Marjoloġija ta’ San Girgor tinsab imxerrda fil-kitbiet varji tiegħu. Xi kultant jiġini x’naħseb li dan il-Papa, li Pawlu d-Djaknu sejjaħlu “missier prudentissmu tal-familja ta’ Kristu”, tant kellu relazzjoni intima ma’ Marija li ried iżommha bħala sigriet tiegħu! Għalhekk jitkellem ftit dwarha proprju biex dik l-esperjenza intima tibqa’ tiegħu.

San Girgor ma kienx fuq in-naħa ta’ dawk li kienu jitkellmu dwar it-tnissil immakulat ta’ Marija. Bħal San Ljun il-Kbir, San Girgor kien iżomm li fid-dinja persuna waħda kien hemm li tnisslet mingħajr dnub: Ġesù Kristu. Imma huwa fatt li San Girgor kien iżomm żewġ veritajiet kbar dwar il-Madonna: il-verġinità tagħha u l-maternità divina.

Fil-vers “l-għarus ħareġ minn kamartu” (Salm 18:6), San Girgor jara referenza għal Ġesù u Ommu Marija. Huwa jgħid li dakinhar li twieled, Ġesù ħareġ minn ġuf ommu (kamartu) – l-għarus joħroġ biex jiltaqa’ mal-għarusa tiegħu (il-Knisja). Hawnhekk San Girgor juri r-rabta li hemm bejn Ġesù, Marija u l-Knisja. Ma nistgħux nifirduhom minn xulxin: wieħed ma jistax ikun devot tal-Madonna jekk ma jkollux lil Ġesù u ma jkunx iħobb il-Knisja. It-teologu von Balthasar jgħid li biex nagħrfu lil Ġesù jeħtiġilna nilbsu n-nuċċali ta’ Marija; il-Papa San Pawlu VI jikteb li ma nistgħux inkunu Kristjani jekk ma nkunux Marjani. Dak li qed jgħidu dawn it-teologi ta’ żmienna kien diġà qed jgħidu San Girgor. Anzi, San Girgor ikompli jispjega li meta l-għarus ħareġ minn kamartu (il-ġuf ta’ ommu) huwa bagħat lill-qaddejja biex iħabbru t-tieġ mal-għarusa (il-Knisja). Huwa bagħathom qabel biex iħejjulu (l-profeti) u bagħathom wara biex jistiednu għat-tieġ (Appostli).

F’omelija oħra, meta jikkummenta dwar l-Għanja tal-Għanjiet fejn jingħad li ċ-ċerv joħroġ jaqbeż fuq l-għoljiet (2:8), il-Papa Girgor jikkonkludi li Ġesù hekk għamel biex seta’ jifdina: ħareġ jaqbeż fuq l-għoljiet għax mis-Sema niżel fil-ġuf safi ta’ Marija; minn ġufha qabeż għal ġewwa l-presepju; minn Betlehem reġa’ qabeż fuq l-għolja tal-Kalvarju; u mill-Kalvarju reġa’ qabeż fil-qabar minn fejn l-aħħar qabża wasslitu fis-Sema.

Biex jgħinna nifhmu kif wara li qam mill-mewt Ġesù seta’ jidħol fiċ-Ċenaklu fejn kien hemm l-Appostli bil-bibien magħluqa, San Girgor jagħmel dan ir-raġunament: kif aħna nemmnu li Marija baqgħet verġni wara t-twelid għax Ġesù ħareġ mingħajr ma ċarrat il-verġinità ta’ Ommu, hekk ukoll Kristu seta’ jidħol mill-bibien magħluqa taċ-Ċenaklu.

Meta jitkellem dwar il-fidi ta’ omm Ġesù, San Girgor jgħid li l-fidi tagħha kienet tiżboq il-fidi li kellhom l-Appostli. Fil-fatt, meta jikkummenta dwar id-dehriet ta’ Kristu lill-Appostli wara l-Qawmien, huwa jgħid li bħal San Tumas, biex jemmnu, l-Appostli riedu ħafna argumenti u provi. Imma Marija, Verġni u Omm, temmen mingħajr ħtieġa ta’ ebda argument! Anzi, San Girgor iżid jgħid li l-fidi tkun nieqsa jekk wieħed jipprova jargumentaha, għax min jemmen bl-intellett ifittex l-argumenti, u fejn hemm l-argumenti l-fidi tieqaf. Mentri Marija kellha fidi pura.

Darba oħra San Girgor jikkummenta dwar dak il-passaġġ fejn xi ħadd qal lil Ġesù: “Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk”. Iżda hu weġibhom: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu” (Lq 8:19-21). Hawnhekk San Girgor jgħid li Marija qed tirrappreżenta s-sinagoga; f’dan iż-żmien Sant’Ambroġ u Santu Wistin kienu diġà qed jaraw xebh bejn Marija u l-Knisja! Għal San Girgor il-fatt li dakinhar Marija baqgħet ma daħlitx fejn kien Ġesù jixbah l-atteġġjament tal-Lhud (sinagoga) li ma laqgħux lil Ġesù. Is-sinagoga rrifjutat li tidħol fis-saltna li ried iwaqqaf Ġesù, bħalma Marija għażlet li ma tidħolx fid-dar fejn Ġesù kien qed jgħallem.

Imma mbagħad, meta Ġesù jgħid li “ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu”, hawnhekk San Girgor iqiegħed lil Marija fuq livell ieħor. Marija mhix biss omm Ġesù għax nisslitu u wilditu, imma hija dik li emmnet. Dan ifakkarna f’dak li jgħid Santu Wistin: li Marija l-ewwel nisslet lil Ġesù f’qalbha bil-fidi tagħha, imbagħad fi ħdanha. San Girgor isib interessanti li lil dawk li jilqgħu l-Kelma Ġesù jsejħilhom “omm”. Għax il-fidi hija għammiela: tagħti l-ħajja! Min jemmen iħabbar il-Kelma, u l-Kelma għandha l-qawwa li tnissel ħajja ġdida. Għalhekk min jemmen huwa spiritwalment għammiel. San Girgor jgħid li bil-fidi tagħha Marija kienet dixxiplu ta’ Ġesù; meta mbagħad tat xhieda għalih, saret omm. Meta nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, aħna nkunu nieħdu sehem mill-maternità ta’ Marija.

Meta mbagħad jikkummenta l-Ewwel Ktieb tas-Slaten, San Girgor isejjaħ lil Marija “l-għolja ta’ Efrem” – għolja mżejna b’ħafna frott. Huwa jsemmi erba’ motivi għaliex Marija hija “l-għolja”: (a) għax biex tkun Omm Alla, Marija kellha togħla ’l fuq fil-merti tagħha, merti li bihom tiżboq anki lill-anġli biex hekk tkun tista’ tpoġġi fuq l-għatba tad-divinità. (b) Marija hija l-għolja għax tgħaddi lill-qaddisin kollha. (ċ) Marija hija l-għolja għax il-frott ta’ ġufha li tnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu kien l-isbaħ u l-aqwa frott li qatt kellha d-dinja: l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. (d) Marija hija l-għolja għax meta l-bniedem jitla ’l fuq fil-kontemplazzjoni, Alla jagħlfu bil-misteri tiegħu. Lil Marija, il-mara kontemplattiva, Alla kkomunikalha dan l-għerf – għax il-kontemplazzjoni hija don minn Alla, hija att ta’ mħabba ta’ Alla lejn il-bniedem. San Girgor kien konvint li aħna ma nagħrfux il-verità bil-moħħ imma bil-qalb: bl-imħabba nsiru nafu lil Alla – per amorem cognoscimus.

Fil-kumment tiegħu dwar il-miraklu li seħħ fit-tieġ ta’ Kana, San Girgor jgħid li meta Ġesù qal lil ommu li ma kienet għadha ma waslitx is-siegħa li jagħmel il-mirakli, huwa (Ġesù) ried ifisser li għalkemm hu kien ’il fuq miż-żmien peress li hu stess kien li ħalaq iż-żmien, imma s-setgħa li jagħmel il-mirakli kienet tiddependi mill-Missier u mhux minnha (ommu). Mingħand ommu hu rċieva n-natura umana, jiġifieri l-kapaċità li jkun suġġett għall-mewt. Hawnhekk San Girgor jurina li għalkemm Ġesù kien bniedem, huwa kellu din ir-relazzjoni personali mal-Missier.

Dan huwa ftit mit-tagħlim Marjoloġiku ta’ San Girgor; imma hemm ukoll ġrajjiet oħra fil-ħajja ta’ dan il-qaddis li jitfgħu dawl fuq id-devozzjoni Marjana tiegħu. Fil-ktieb tiegħu magħruf bħala Id-Djalogi, San Girgor jgħid li darba kien hemm patri li fdalu ħaġa: qallu li oħtu Musa darba billejl, meta kienet ċkejkna, kellha dehra tal-Madonna b’għadd ta’ tfajliet libsin l-abjad madwarha. Il-Madonna staqsiet lil Musa jekk xtaqitx tmur magħha. Musa kellha din ix-xewqa, imma l-Madonna qaltilha biex tistenna ftit biex timmatura aktar u li fi żmien xahar terġa’ tiġi għaliha. Meta kienu għaddew ħamsa u għoxrin ġurnata minn din id-dehra, Musa qabadha deni kbir. Fi tmiem ix-xahar il-Verġni Mbierka ġiet u ħaditha magħha. Hawnhekk għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja l-Papa jieħu nota ta’ dehra tal-Madonna! Barra minn hekk, din l-istorja tikxef x’tip ta’ devozzjoni lejn il-Madonna kellhom it-tfajliet dak iż-żmien: kienu jħossuhom ispirati minn Marija. Hemm min iżomm li f’dan ir-rakkont ta’ San Girgor għandna tagħrif dwar l-ewwel forma ta’ ħajja reliġjuża ddedikata lill-Madonna.

San Girgor minn Tours, meta jikteb il-Historia Francorum, jagħtina l-ewwel oratio ad plebem li għamel il-Papa San Girgor: meta f’Ruma kien hemm il-pesta u l-Isqof stieden lill-Insara biex jorganizzaw seba’ pellegrinaġġi penitenzjali. Dawn kienu mqassmin f’kategoriji differenti, jitilqu minn knejjes differenti biex imbagħad jiltaqgħu fi knisja waħda. Interessanti li l-Papa ma talabx li jiltaqgħu la f’San Pietru, fejn hemm il-qabar tal-Appostli, u lanqas fil-Lateran, il-knisja katidrali tal-Papa, imma għażel bażilika ddedikata lill-Madonna. Anki din l-istorja tixhed id-devozzjoni li San Girgor kellu lejn il-Madonna: f’mument kruċjali huwa jitlob l-interċessjoni tal-Madonna biex tidħol għall-bnedmin. Il-Madonna semgħet talbhom. L-istorja tgħid li deher l-arkanġlu San Mikiel fuq il-Mole Adriana jdaħħal ix-xabla fl-għant bħala sinjal li juri li l-pesta kienet waqfet, filwaqt li nstemgħu l-kori tal-anġli jkantaw l-antifona Marjana Regina cœli, lætare. Hekk kif l-anġli spiċċaw din it-talba, San Girgor instema’ jgħid: Ora pro nobis Deum. Alleluia.

Dawn huma ftit pinzellati dwar it-tagħlim li dan id-Duttur tal-Knisja jagħtina dwar dik il-Mara li aħna l-Isqfijiet permezz tal-Ittra Pastorali qed ngħidulkom biex teħduha magħkom id-dar. Ftit jiem ilu ġiet għandi mara tibki għax tħossha mifnija bil-problemi. Meta staqsejtha x’tistenna mill-Knisja, hija qaltli kelma waħda: is-serħan! Quddiem din it-talba tennejtilha: “Ħu lil Marija għandek u biha tegħleb it-tiġrib u jkollok is-serħan”. Din mhix maġija imma fidi. Kif San Girgor isejjaħ lill-Madonna Salus Popoli Romani, f’din is-Sena Marjana aħna nsejħulha Salus Popoli Gaudisiensis.

Sancti Gregorii Papae XL homiliarum in Evangelia, XXXVIII, 3

Id., XXIX, 10

Id., XXV, 6

Id., XXXVIII, 3

Id., III, 1-3

Sul Primo libro dei Re, I,5

Moralia, 10, 13. PL 75,927

Epistolae, 10,3, 39.

Dialoghi di Gregorio Magno, I, IV

Libro V della Historia Francorum, PL 71,529

pdf · 179.91 KB Niżżel