San Girgor u l-Moviment ta’ Bidla li Ġab fi Żmienu
Fil-ħajja u fis-soċjetà hija importanti l-bidla, għax meta l-ilma jkun qiegħed tafu intom x’jiġri. Normalment kull ħames snin, meta bħala nazzjon inkunu resqin lejn elezzjoni ġenerali, nisimgħu ħafna minn kull naħa fuq il-ħtieġa li n-nazzjon jagħmel bidla. Jien nixtieq li dan is-sens ta’ bidla nħossuh ukoll fil-ħajja tagħna bħala Kristjani, għaliex jekk fl-organizzazzjoni soċjali tagħna ġustament ikun hemm il-possibbiltà li wieħed jirrifletti biex jekk ikun hemm bżonn jibdel, kemm aktar dan jgħodd fil-ħajja individwali u soċjali tagħna, tal-familja tagħna u tal-Knisja? Jekk aħna ma nidħlux f’dan il-moviment ta’ bidla u nippreferu noqogħdu kif aħna allura nkunu qed indoqqu l-agunija tagħna.
Proċess kontinwu ta’ tibdil u tiġdid
Għadna kif smajna t-tħabbira tal-Vanġelu li propju jitkellem fuq it-Trasfigurazzjoni. X’inhi din it-Trasfigurazzjoni? Hija dik il-bidla li għamel Ġesù quddiem id-dixxipli tiegħu. Naraw li ma’ Kristu f’din il-bidla daħlu Mosè u Elija, u ħadu sehem ukoll Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tant li Pietru lil Kristu jgħidlu: “Tridx nagħmlu tliet tined u nibqgħu hawn?”. Jien ninterpreta lil Pietru jgħid lil Ġesù: “Tridx nagħmlu tliet tined ħalli nagħmlu din l-esperjenza tat-trasformazzjoni kontinwa?”. Dan huwa wieħed mill-vanġeli li l-Knisja sa mill-antik kienet ixxandar, b’mod partikulari f’dak iż-żmien li jissejjaħ tal-Katekumenat, jiġifieri dak iż-żmien li fih dawk li kienu sejrin jirċievu l-Magħmudija f’Sibt il-Għid kienu jħejju ruħhom. Lil dawn il-Knisja kienet tħabbrilhom dan l-episodju tal-bidla biex tgħinhom jifhmu iktar kemm fil-ħajja tal-Kristjan ma nistgħux ma ngħaddux minn dan il-proċess kontinwu ta’ tibdil u ta’ tiġdid.
Il-Katekumenat u ż-żmien tar-Randan
Illum flok il-Katekumenat għandna ż-żmien tar-Randan, u kull Randan fit-tieni Ħadd jixxandar dan il-Vanġelu. Għiduli intom kif nistgħu aħna quddiem Alla nilqgħu din l-istedina u nixtarruha jekk ma jkollniex dik is-serenità u dik il-kalma interjuri? Aħna li mhux sa nitgħammdu f’Sibt il-Għid sa nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna, u għalhekk meta jien lill-poplu kollu ta’ Alla ngħidlu: “Poplu ta’ Alla, apprezza dan iż-żmien tar-Randan”, jien ma nkunx qed ngħid xi ħaġa minn żniedi jew b’mod kapriċċjuż, imma nkun qed nagħmel dan bl-akbar responsabbiltà. Intom xi triduni? Mhux li nkun isqof tagħkom? Jien inħoss quddiem Alla li għandi nagħmel dan l-appell. M’għandi kontra ħadd, imma għandi biss quddiem għajnejja l-piż li nġorr bħala ragħaj spiritwali tagħkom u ta’ kulħadd, lajċi u qassisin.
L-ewwel tħabbira tal-Bxara t-Tajba fil-kontinent Ewropew
Quddiem dan il-bżonn tal-bidla li jeħtieġu mhux biss is-soċjetà Għawdxija u lanqas in-nazzjon tagħna imma l-Ewropa li qed ngħixu fiha, aħna nkunu nonqsu bil-kbir jekk ma nagħrfux l-urġenza li nagħtu prijorità lill-evanġelizzazzjoni, jiġifieri lix-xandir mill-ġdid tal-Bxara t-Tajba, dik li llum tissejjaħ l-ewwel tħabbira. Forsi din tista’ tinstema’ tistona, imma m’hux hekk. Il-Konferenza tal-Isqfijiet Ewropej, li tappartieni lilna – għax mhux qed nitkellmu fuq il-Konferenza Episkopali tal-Afrika jew tal-Asja –, għadha kif ħarġet komunikat li f’Mejju li ġej sa jsir kungress fuq kif għandha ssir din it-tħabbira, imsejħa l-ewwel tħabbira, f’dan il-kontinent.
Illum ġustament qed niċċelebraw il-festa lill-papa l-kbir San Girgor. Għaliex jissejjaħ kbir? Għax bil-ħidma tiegħu, jew aħjar permezz tiegħu, l-Ispirtu s-Santu għaraf jibda moviment fil-Knisja li ġab bidla. San Girgor iddispona lilu nnifsu ħalli fid-dinja ta’ madwaru, partikularment fl-Ewropa, qabbad moviment li ġab bidla fil-kultura u fiċ-ċiviltà, tant li fil-ħidma tiegħu, sew meta kien patri u sew meta kien ambaxxatur tal-Papa f’Kostantinopli, kif ukoll bħala suċċessur ta’ Pietru, huwa m’għejja qatt jaħseb u jaħdem biex iġib il-bidla u biex permezz tal-Vanġelu jgħin lill-bniedem u lis-soċjetà ta’ żmienu ħalli ma jiġġarrfux.
Moviment biex jiġi mdaħħal lingwaġġ li jinftiehem fil-liturġija
F’din l-atmosfera jien dalgħodu nixtieq inpoġġilkom ftit fatti minn dak illi għadda minnu l-patrun tagħna San Girgor, li m’humiex fatti tal-istorja biss, jiġifieri fatti li seħħew fil-Medjuevu, imma jien ngħid li huma l-istess ġrajjiet li qed ngħaddu minnhom illum. Din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni San Girgor wettaqha kemm fl-intern tal-Knisja u kemm barra mill-Knisja, fir-relazzjoni tiegħu mas-soċjetà. Biex nagħtikom eżempju ta’ x’wettaq għall-evanġelizzazzjoni fi ħdan il-Knisja nsemmilkom il-fatt li San Girgor għaraf il-ħtieġa li lill-poplu ta’ Alla, li ma kienx tant istruwit, ma setax jibda jkellmu bil-Latin, għaliex dan kien ifisser li kien qed ikellmu b’lingwa li ma tinftehimx: lingwa sabiħa u li ġġiblek nostalġija, u li ddaħħlek fil-misteru, imma li ma kinitx tinftiehem dakinhar u lanqas tinftiehem illum. San Girgor qabbad moviment fil-Knisja biex tiġi apprezzata iktar il-lingwa “nostrika”, jiġifieri l-lingwa li kien jitkellem biha l-popolin. Fir-riforma liturġika li huwa għamel ta kas ta’ dak li mbagħad għaddew mijiet ta’ snin biex ġie introdott; u għall-grazzja ta’ Alla l-Konċilju Vatikan II, li huwa l-konċilju tal-Knisja tagħna llum, reġa’ insista li fil-Knisja u fil-liturġija nibdew nitkellmu b’lingwaġġ li jinftiehem. Din ma kinitx riforma ħafifa, la għal San Girgor u lanqas għall-Konċilju Vatikan II.
Moviment biex ix-xbihat ikunu l-Vanġelu tal-fqar
Biex ikompli l-evanġelizzazzjoni fl-intern tal-Knisja San Girgor ħaseb biex jagħti aktar importanza lix-xbihat, għax ladarba kien hemm min ma kienx jaf jaqra ma kien jiswa xejn li tagħtih f’idejh il-Bibbja, il-Vanġelu u l-ħajja tal-qaddisin. San Girgor ħadem biex ix-xbihat li jsebbħu t-tempji tagħna jkunu minnhom infushom il-Bibbja tal-fqar, ta’ dawk li ma jafux jaqraw, għax meta toqgħod issegwi l-pittura tintebaħ bl-istorja tal-poplu ta’ Alla. Kien San Girgor li, biex dejjem il-Vanġelu jasal għand il-kotra, imbotta biex fil-Knisja nitkellmu wkoll b’dan il-lingwaġġ artistiku.
Imma l-ikbar sfidi ma kinux l-isfidi interni tal-Knisja imma sfidi fis-soċjetà, u l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li wettaq San Girgor jien nista’ naqsamha fi tliet kategoriji.
Moviment biex nilħqu lil dawk li huma fil-periferija
L-ewwel sfida kienet dik tal-Anglo-Sassoni. Aħna lkoll nafu li meta kien papa huwa sejjaħ lil wieħed mill-patrijiet, Wistin ta’ Canterbury, u lilu u erbgħin patri ieħor bagħathom missjunarji fl-Ingilterra biex ikunu evanġelizzaturi tal-poplu ta’ hemm. L-isfida li offrietlu l-Ingilterra hija sfida partikulari, għax kien poplu pagan, u allura l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li San Girgor u l-Knisja kienu jagħmlu ma’ dawk li huma pagani kellha dak li hu speċifiku tagħha, għax altru titkellem ma’ min sema’ bi Kristu u forsi huwa mgħammed fil-Knisja, u altru titkellem ma’ min m’għandux għarfien tal-Bxara t-Tajba. Din hija waħda mill-isfidi tal-Knisja llum, bid-differenza li dik il-kategorija ta’ nies li ma jemmnux f’Alla u li għalihom il-Knisja ma tfisser xejn qiegħda tikber. Ma nistgħux aħna ma nagħtux kas ta’ din il-faxxa ta’ nies fil-kontinent Ewropew u, nazzarda ngħid, fis-soċjetà tagħna wkoll. Waħda mill-affarijiet li rriżultaw fil-Missjoni Djoċesana kienet li l-Knisja trid tagħti iktar attenzjoni lil dawk li qegħdin fil-periferija, jiġifieri ’l bogħod mhux fiżikament imma spiritwalment. Din hija realtà, u jekk aħna nieħdu sehem f’din ir-realtà għandu jkollna din il-preokkupazzjoni, li m’għandhiex tkun tal-Isqof jew tas-saċerdoti biss imma tagħna lkoll. Nhar il-Ġimgħa jien tkellimt fuq realtà li qed tikber ta’ persuni li m’għandhomx sens tal-ħajja. Lil dawn aħna rridu naraw kif inwasslulhom il-Vanġelu, ħalli fil-ħajja tagħhom u madwarhom isseħħ din il-bidla. Jekk tridu sinjal ta’ persuna jew persuni li qed jgħixu mingħajr Alla tistgħu tarawh, jekk mhux ukoll iġġarrbuh, għax hemm qegħdin. Dan qed ngħidu għas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Moviment biex l-għażla tal-Kristjan tkun għażla persunali ta’ Kristu
Kien hemm kategorija oħra li San Girgor kellu jevanġelizza, u din kienet il-Franki, jiġifieri n-nies ta’ dik li llum hi Franza. Dawn kienu diġà mgħammdin u semgħu bi Kristu, imma l-imġiba u d-drawwiet tagħhom kienu jmorru bil-kbir kontra l-Vanġelu. Kien hemm ħafna vjolenza, mibegħda u firda, u allura San Girgor ma setax ma jħossx u jipproponi l-evanġelizzazzjoni ma’ dan il-poplu li nominalment, jiġifieri fl-isem, kien Kristjan, imma li l-ħidma tiegħu ma kinitx tirrifletti l-għażla favur Kristu. Xi wħud mill-istoriċi kienu tal-fehma li l-kawża ta’ dan kienet għax il-poplu tal-Gallja tgħammed bħala massa, jiġifieri marru l-missjunarji li wasslulhom il-Vanġelu u tgħammdu kollha flimkien. X’ifisser dan? Ifisser li m’għaddewx mill-proċess tal-katekumenat u li għalkemm tgħammdu kienu għadhom ma waslux biex għamlu l-għażla persunali tagħhom, imma kienet biss għażla soċjali, jiġifieri għax hekk għamlu ħafna.
Ma tarawx li dan huwa periklu tas-soċjetà tagħna? Aħna li aħna Kristjani u Kattoliċi għandna kultura reliġjuża, imma ma taħsbux bħali li l-imġiba u l-attitudnijiet tagħna huma ħafna ’l bogħod minn dak li jrid il-Mulej Ġesù u minn dak li jippreskrivi l-Vanġelu? Allura f’din is-sitwazzjoni, bħalma San Girgor ħass il-bżonn li jkun hemm ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, anki aħna li qed ngħixu din ir-realtà ma nistgħux ma mmiddux idejna jekk irridu nġibu l-bidla. Dak li ġara fil-Gallja faċli jiġri fostna, fis-sens li anki aħna għandna perċentwal m’hux żgħir ta’ dawk li jitgħammdu imma li jien nistaqsi jekk din tagħhom hix Magħmudija li ġejja minn għażla jew li għandha biss il-karattru soċjali tagħha. Għax ladarba kulħadd jitgħammed aħna ngħammdu biex imbagħad nagħmlu l-festi! Dawn huma ħwejjeġ li lili jħassbuni.
Moviment biex fil-Knisja jkun hemm l-għaqda
Imbagħad kien hemm kategorija oħra li San Girgor kellu jevanġelizza, u dawn kienu l-Viżigoti ta’ Spanja. Bihom kellu għadma x’igerrem, għax kien hemm fosthom l-ereżija li tissejjaħ l-Arjaniżmu. Kien hemm tagħlim żbaljat fuq min huwa Kristu u fuq it-Trinità, u San Girgor kellu jara kif permezz tat-tħabbira mill-ġdid lil dan il-poplu jgħinu jagħraf lil dak Kristu li ħafna drabi kien jiċċelebra imma li ma kien Kristu xejn. Mal-ereżija tal-Ispanjoli jien nista’ nżid ereżija oħra li kien hemm fil-Knisja tal-Afrika, l-ereżija tad-Donatisti, jiġifieri dawk li kienu jsegwu t-tagħlim ta’ Donatu. Hawnhekk il-problema m’hix li kienet ereżija kontra Alla u kontra Kristu, imma issa dħalna f’ereżija fuq x’inhi l-Knisja. Aħna ma nistgħux nikkonċepixxu Knisja li m’hix magħquda flimkien. Jiena bħala isqof tagħkom ma niswa xejn jekk ma nkunx magħqud ma’ Pietru, mal-Papa Benedittu. Il-Knisja tagħna hija duħħan jekk ma tkunx f’komunjoni, u f’komunjoni mhux biss ġuridika imma fis-sens wiesa’, jiġifieri li l-qalb tagħna u tal-Kristjani tagħna tħabbat mal-qalb ta’ Pietru.
Dawn kienu l-problemi li kellu jħabbat wiċċu magħhom San Girgor biex jevanġelizza l-Ewropa, u semmejtilkom in-naħa ta’ fuq tal-Afrika. Problema oħra li kien hemm fi Spanja kienet dik li kienu jagħtu ħafna importanza lill-flus, dik li tissejjaħ is-Simonija, jiġifieri li kienu jħalltu l-affarijiet tar-reliġjon biex jiggwadanjaw il-flus. San Girgor għandu ittri iebsin lill-isqfijiet ta’ Spanja u anki lil-lajċi li kienu jużurpaw uffiċċji li ma kinux tagħhom. U aħna fl-Olanda għandna minn dan il-kurrent, u anki f’postijiet oħra tal-Ewropa. Dan qed ngħidhulkom biex nagħtikom stampa mhux biss ta’ żmien San Girgor imma wkoll tagħna llum. L-imħabba lejn San Girgor nuruha billi naqbdu d-diskorsi u l-kitbiet tiegħu u nirriflettu fuqhom. Dan qed ngħidhulkom biex fid-dawl ta’ dak li għadda minnu San Girgor nipprova naqra u ninterpreta l-ġrajja tagħna.
Rimedju għas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha
San Girgor kellu soluzzjoni għal dan kollu. Tafu x’kienet? Il-moviment ta’ monastiċiżmu Benedittin. Dak kien forza tremenda biex ġab bidla fil-kultura u fiċ-ċiviltà, mhux biss tiegħu imma tal-Ewropa kollha. Qed nitkellmu fuq is-sekli sitta u sebgħa, imma mbagħad aktar ’il quddiem minn dawn il-patrijiet u l-monaċi faqqsu esperjenzi oħra ta’ monastiċiżmu, bħalma kienu dawk ta’ Cluny u taċ-Ċisterċensi. Dawk kollha ħarġu miz-zokk tal-Benedittini, u jekk għandna ħjiel tal-istorja ħadd ma jista’ jiċħad l-istorja soċjali tal-Ewropa u l-kontribut kbir ta’ dan il-moviment tal-Benedittini. Il-gwaj huwa li dan il-moviment kważi spiċċa. Imma l-essenza ta’ din l-istrateġija ta’ San Girgor x’kienet? Kienet li huwa sejjaħ il-patrijiet biex f’dan l-ambjent li semmejtilkom ħoloq komunitajiet żgħar biex jistudjaw il-Kelma ta’ Alla. Kien dan l-eżerċizzju li mbagħad ikkontribwixxa ħalli jkun hemm bidla mhux biss fil-ħajja spiritwali imma anki fl-organizzazzjoni tas-soċjetà, f’dawk li huma l-istudju u l-ekonomija ta’ dak iż-żmien.
Għiduli jekk għandniex aħna wkoll rimedju għas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha? Din hija l-proposta li qed tagħmel il-Knisja f’Għawdex fiż-żmien tal-Missjoni Djoċesana, bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ kulħadd. Mhux li kien li noħolqu monasteru, kif għamel San Girgor! Imma dik m’hix xi ħaġa li tiddipendi minna. Li jiddipendi minna huwa li noħolqu ċelloli u gruppi żgħar fejn niltaqgħu biex insiru nafu iktar il-Kelma ta’ Alla, u hekk l-Iskrittura ssir għalina l-ktieb tal-ħajja. Mhux li kien li f’dawn l-ambjenti, permezz ta’ dik li tissejjaħ il-Lectio Divina, aħna nimtlew bil-qawwa tal-grazzja u ta’ Kristu, u hekk isseħħ fina u fis-soċjetà tagħna dik it-Trasfigurazzjoni li seħħet fuq it-Tabor u li hija l-bidla li ġab San Girgor fl-Ewropa ta’ żmienu, bidla li nistgħu u għandna nġibu aħna fis-soċjetà ta’ żmienna!
Dawn kienu l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom f’dan il-jum qaddis. Jiena nemmen ħafna li l-liturġija tal-Knisja, u allura anki ċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu dalgħodu f’ġieħ San Girgor fiż-żmien liturġiku tar-Randan, hija opportunità tad-deheb biex aħna nqumu ftit minn ċerta telqa li hemm madwarna ħalli, mhux biss aħna bħal San Girgor nilqgħu għall-espansjoni tal-Longobardi – li fis-sens metaforiku tfisser dawk li jridu jeqirdu l-Ewropa –, imma bħalma għamel San Girgor ukoll nieħdu ċerti inizjattivi biex nikkonservaw il-ħafna tajjeb li għandna. Aħna bħala Knisja għandna ħafna tajjeb, u meta qed ngħid Knisja qed nirriferi għalikom bħala familji u bħala individwi, imma jalla dik l-enerġija li hemm fina nużawha wkoll biex isseħħ il-bidla, u l-bidla għall-aħjar. Hekk dik il-bidla li għammxet l-għajnejn ta’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni tkun ukoll l-istess glorja li tiddi u ddawwal id-dinja tal-lum.