San Ġorġ u l-Ewkaristija
Ftit taż-żmien ilu ltqajt ma’ politiku, u peress illi kellu jagħti sehmu f’diskussjoni dwar liġi illi tiskontra sewwa mal-Kelma ta’ Kristu, dan qalli li ghalkemm kien jaf x’kellu jagħmel bħala Nisrani, ma kienx lest li jagħmel suwiċidju politiku. F’diversi oqsma oħra tal-ħajja ħafna drabi nsibu ruħna f’ċirkustanzi fejn nirraġunaw bħal din il-persuna li semmejt – naħsbuha darbtejn, tlieta u nibqgħu lura milli nagħtu xhieda ta’ Kristu u l-Vanġelu tiegħu għax nibżgħu li ħa nagħmlu xi suwiċidju.
Nista’ nieħu eżempju issa mill-ħajja ta’ kuljum. Bħal meta xi ħadd jagħmlilna azzjoni ħażina, u nibqgħu nġġorruha f’qalbna għaliex ma niħdux gost immutu għalina nfusna. Kieku kelli niftaħ il-ktieb ta’ dawk l-inċidenti li jikkawżaw għadd ta’ vittmi fil-familji tagħna, nibda u ma nispiċċax! Kemm hemm esperjenzi fejn il-Vanġelu nħalluh fuq l-ixkaffa għaliex nibżgħu li jekk naħfru jew nitolbu maħfra lil xulxin, inkunu nagħmlu xi forma ta’ suwiċidju!
Din l-attitudni komuni lili tinkwetani, meta nqis li l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Kristjana hi l-Ewkaristija. Aħna jew għadna ma fhimniex x’inhi l-Ewkaristija, jew tant għandna familjarità żejda mal-Ewkaristija li għamilna minnha parodija.
Fil-fatt l-Ewkaristija hija s-sagrament per eċċellenza tal-imħabba, fejn Kristu altru li ma qagħadx jibża’ għal ħajtu, imma għax tassew ħabbna, huwa ta lilu nnifsu għalina. Fuq is-salib Kristu jaħfer lil min jgħaddih minn dik il-Passjoni kiefra. Għalkemm kien miċħud, Kristu ma jirtira ebda millimetru mit-tagħlim tiegħu: “Jien għalhekk ġejt: biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). L-Ewkaristija hija s-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-imħabba tagħna, għas-sewwa, biex jagħti xhieda tal-primat tal-Missier.
F’din is-solennità tal-Patrun tagħna San Ġorġ, nixtieq nagħmel żewġ riflessjonijiet dwar San Ġorġ Martri u l-Ewkaristija, sewwa sew meta propju llum jaħbat iċ-ċentinarju mill-ftuħ tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’pajjiżna. Inħoss li għandna nfakkru din il-ġrajja ekkleżjali mhux tant għax għaddew mitt sena, imma għaliex nibża’ li matul is-snin l-Ewkaristija, flok ma ħadet iktar iċ-ċentru, ġiet emarġinata.
Jekk San Ġorġ huwa l-għelm tal-kuraġġ tan-Nisrani, minn fejn kiseb il-qawwa jekk mhux mill-Ewkaristija? Jekk, kif osserva riċentement il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, xi drabi aħna Knisja dgħajfa, dan x’aktarx għaliex m’aħniex inżommu l-Ewkaristija bħala mudell ta’ ħajja u bħala ikel illi jsostnina.
Jiena qallibt ftit ħa nara x’kien it-tagħlim tas-Santi Padri fl-epoka ta’ San Ġorġ. Diġà, mill-ewwel snin tal-Knisja, kienet ċara r-rabta li hemm bejn l-Ewkaristija u l-martirju, ix-xhieda. Jiena rrid nistħajjel li anki l-komunità Nisranija li fiha trabba u kiber San Ġorġ kienet konxja ta’ din id-duttrina – iktar milli duttrina, ta’ din ix-xhieda.
Insemmilkom wieħed mill-ewwel martri l-kbar tal-ewwel seklu, Sant’Injazju ta’ Antjokja, li miet fis-sena 107 fi żmien l-Imperatur Trajanu. Sant’Injazju għandu Ittra sabiħa ħafna lill-Knisja ta’ Ruma, fejn jgħid illi “jiena bħal qamħ irrid illi nitkisser, niġi mitħun bis-snien tal-annimali selvaġġi, biex insir il-ħobż ta’ Alla”. Hawn hija evidenti r-rabta bejn l-Ewkaristija u l-martirju! Sant’Injazju jara fil-martirju l-opportunità biex jgħix l-Ewkaristija li kien jiċċelebra u jitmantna biha. Għal Sant’Injazju l-martirju kien l-uniku mezz biex isir dixxiplu veru ta’ Kristu. Jien naħseb illi Sant’Injazju ta’ Antjokja kien imnebbaħ minn dak li jgħid San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu: “Jekk il-qamħa tibqa’ waħidha, ma tagħtix frott; imma jekk il-qamħ jaqa’ fl-art u jmut, dan jagħti frott kotran” (Ġw 12:24). Fil-fatt lill-Insara ta’ Ruma, Injazju jeżortahom biex ma jwaqqfuhx milli jieħu l-martirju li huwa tant kien imxennaq għalih, għax hekk biss seta’ jimita l-Passjoni ta’ Alla tiegħu!
Jien konvint li s-sentimenti ta’ San Ġorġ kienu jixbhu lil dawk ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja, iktar u iktar meta aħna nafu illi l-isem ta’ Ġorġi huwa marbut mad-dinja agrikola. San Ġorġ kien jaf xi jfisser il-qamħ li jitħassar fl-art biex jagħti l-ħajja. Għalhekk ma nistagħġibx li fil-qalb tiegħu, meta kellu jaffronta l-martirju, huwa kellu din il-konvinzjoni: “Jien irrid insir il-ħobż ta’ Alla. Jiena rrid inkun bħal qamħ li jitkisser bis-snien tal-annimali selvaġġi, ħalli jiena nkun kollni kemm jien ta’ Alla”.
Kontemporanju għal Sant’Injazju ta’ Antjokja kien San Polikarpu, Isqof ta’ Żmirna (69-155 WK). Dawn huma qaddisin kbar illi l-martirju ċċelebrawh f’kuntest tal-Ewkaristija! Billi fl-Ittra li jikteb lill-Insara tal-belt ta’ Filippi, Polikarpu jħeġġiġhom biex jimitaw lil Kristu, wisq probabbli meta dawn rawh jieħu l-martirju, huma setgħu jaraw fih dan ix-xebh tiegħu ma’ Kristu. Fil-Liturġija għandna talba li hija attribwita li San Polikarpu, fejn fost ħwejjeġ oħra hu jgħid: “Irroddlok ħajr talli tajtni din il-ġurnata u din is-siegħa, fejn flimkien ma’ martri oħra jien nista’ nixrob mill-kalċi ta’ Kristu li jwassal għall-qawmien għall-ħajja ta’ dejjem tar-ruħ u l-ġisem li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ma jaraw ebda taħsir”. B’dan il-kliem San Polikarpu qed jiddeskrivi l-martirju bħala tisħib fis-sagrifiċċju ta’ Kristu. Fil-fatt l-istudjużi jgħidu li meta huwa jsemmi “il-kalċi ta’ Kristu”, qed jirreferi għal dak il-kalċi li Ġesù joffri lil ulied Żebedew (ara Mk 10:38), għall-kalċi li Ġesù jirċievi fil-ġnien tal-Ġetsemani (ara Mt 26:39), jew għall-kalċi Ewkaristiku. Kollox ma’ kollox, permezz ta’ din it-talba, Polikarpu jqiegħed il-martirju fil-kuntest tal-Ewkaristija.
Aħna nafu illi l-martri, biex kellhom il-qawwa jieqfu lit-theddid u t-tbatijiet tal-martirju li kellhom, ma setgħux jagħmluh bil-ħila tagħhom biss, imma ħtieġilhom is-sostenn tal-Ispirtu s-Santu. Hu l-Ispirtu s-Santu li jibdel il-ħobż u l-inbid u jagħmilhom il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Hu l-Ispirtu s-Santu illi waqaf ma’ Polikarpu minn Żmirna biex hu jsir Ewkaristija.
L-istess nistgħu ngħidu għal Ġorġi tagħna, li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li ħallieh ilibbsu l-armatura, mhux tant ta’ tribun Ruman, imma ta’ Alla, huwa seta’ jieqaf u jagħti xhieda sal-martirju tal-imħabba tiegħu lejn Kristu. Hu l-Ispirtu s-Santu li jqaddes lill-Kampjun tal-Qaddisin, kif aħna nsejħu, f’wieħed mill-innijiet popolari tagħna, lill-Martri San Ġorġ. Kien bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li San Ġorġ seta’ jdur fuq sħabu l-Insara u bl-eżempju tiegħu jwettaqhom biex ikunu dixxipli ta’ Kristu sal-aħħar.
Anzi, min jagħti xhieda tal-martirju ta’ San Polikarpu, juża tixbihat Ewkaristiċi, għax jgħid: “Rajnieh fin-nar, qisu bħal ħobża tinħema fil-forn, u minn dak in-nar ħarġet riħa ta’ inċens u ta’ fwejjaħ qawwija”. Min qed jixhed għall-martirju ta’ Polikarpu, juża tixbihat Ewkaristiċi: il-ħobża li qed tinħema fin-nar tal-imħabba, fin-nar tal-Ispirtu.
Il-Kardinal Ratzinger, li mbagħad kien il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, f’diskors li għamel dwar il-martirju u l-missjoni, jikkummenta din id-deskrizzjoni tal-martirju ta’ Polikarpu u jgħid: “It-tixbiha tal-inċens u l-fwejjaħ qawwija kif ukoll tal-ħobż huma elementi konsistenti tas-sagrifiċċju”. Mela meta jiddeskrivu lil Polikarpu qiegħed jirċievi l-martirju, jiddeskrivuh b’lingwaġġ sagrifikali. U aħna nafu li l-Ewkaristija hija s-Sagrifiċċju ta’ Kristu, il-Ħaruf, il-Vittma bla tebgħa; aħna nafu li l-martirju huwa s-sagrifiċċju li aħna nagħmlu tagħna nfusna bħala att ta’ adorazzjoni, ta’ glorja lil Alla l-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu.
B’ċertezza nista’ nuża dan kollu għall-Patrun tagħna San Ġorġ. San Ġorġ fil-martirju kien bħal dik il-ħobża magħmula mill-qamħ tal-ħajja tiegħu, mibdula bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tinħema fin-nar tal-Ispirtu. U minn dak is-sagrifiċċju, minn dak il-martirju kien hemm irwejjaħ ta’ inċens, fwieħa mill-aqwa, li jiena nawgura li timla wkoll l-imnifsejn tal-Ġorġjani tal-lum! Altru li San Ġorġ, quddiem il-periklu li jitkeċċa minn fuq ix-xogħol, li jsib ruħu emarġinat, ma beżax milli jagħti ħajtu għal Kristu, ħaġa li nibżgħu nagħmlu aħna llum!
Insemmi lil San Ċiprijanu ta’ Kartaġni, li kien jgħix fl-epoka ta’ San Ġorġ u li wkoll għadda mill-persekuzzjoni ta’ Valerjanu u Djoklezjanu. Fit-trattat tiegħu li jġib l-isem Eżortazzjoni lill-Martri, Ċiprijanu jsejjaħ lill-Insara kuraġġjużi “milites Christi” – is-suldati ta’ Kristu – deskrizzjoni li toqgħod eżatt għal San Ġorġ tagħna, it-tribun ta’ Ġesù Kristu.
F’dan it-trattat – issa qrobna ħafna lejn l-epoka ta’ San Ġorġ, u allura iktar inħossni kunfidenti li l-komunità ta’ Lidda kienet taf b’dan it-tagħlim, anki jekk ġej minn Kartaġni – Ċiprijanu jagħti ċerti regoli lill-Insara li kienu qed jaffaċċjaw il-persekuzzjoni. L-ewwel nett jgħidilhom: “Oqogħdu attenti mill-qima lill-idoli, mill-idolatrija”. Kemm għandna bżonn nisimgħu din l-eżortazzjoni llum, meta qegħdin inneħħu lil Alla mill-pedestall tiegħu u npoġġu lil ħaddieħor floku, u naħarqulu l-inċens daqskemm naħarqu l-inċens lill-qaddisin u lil Alla l-Imbierek!
Ċiprijanu jfakkar lill-Insara, u allura qed ifakkar ukoll lil San Ġorġ, li l-Vanġelu jgħid illi min hu fidil lejn Kristu ħa jsib min jippersegwitah. Allura għalfejn taqtgħu qalbkom li anki llum, meta nagħtu xhieda tal-Vanġelu, meta nipprietkaw il-verità ta’ Kristu, aħna ħa nsibu min jippersegwitana? Ifakkarhom Ċiprijanu f’dan it-trattat kemm hi importanti l-għaqda ma’ Ġesù Kristu. Għaliex jekk ma nkunux magħqudin ma’ Ġesù Kristu, hu faċli li nintrebħu u nċedu quddiem il-persekuzzjoni. Skont San Ċiprijanu, din l-għaqda ma’ Ġesù Kristu tinkiseb mill-Ewkaristija Mqaddsa. Allura l-Insara li jridu joqogħdu attenti mill-idolatrija, li ma jsirux vittma tal-persekuzzjoni, iridu jitwaħħdu ma’ Ġesù Kristu permezz tal-Ewkaristija.
Imma mbagħad, dejjem fi żminijiet ta’ Knisja ppersegwitata, Ċiprijanu jikteb ukoll Ittra lill-Isqof Ċesidju, fejn jisħaq miegħu li għandu jgħid lill-Insara li jekk huma jitbiegħdu mill-Ewkaristija, huma jkunu aktar f’riskju li jiċħdu t-twemmin Kristjan. Dan nista’ ngħidu llum jien! Kif din żgur kienet sentenza li sawret u bniet lil San Ġorġ, hekk ukoll hija sentenza li tibni lill-Knisja tagħna llum. Jekk aħna nittraskuraw l-Ewkaristija, allura ħa nkunu dgħajfin u l-Għadu jirbaħna.
Kien hemm disa’ isqfijiet li ġew arrestati fil-minjiera ta’ Sigua, u Ċiprijanu jiktbilhom ittra biex jagħmlilhom kuraġġ, u jgħidilhom: “Intom kontenituri tad-deheb u l-fidda, għaliex ix-xhieda tagħkom ippruvata bħalma d-deheb jgħaddi min-nar u joħroġ iktar pur: intom deheb u fidda. U tistagħġbux li rġajtu sibtu rwieħkom fil-minjiera, għax mortu minn fejn ġejtu! Għax mill-minjiera aħna noħorġu dan l-element tant rikk: id-deheb u l-fidda”. Ċiprijanu jkompli jgħidilhom lil dawn id-disgħa li qegħdin jistennew il-persekuzzjoni: “Veru li intom ma tistgħux tiċċelebraw l-Ewkaristija, imma intom Ewkaristija! Veru m’għandkomx l-inbid u l-ħobż biex tiċċelebraw l-Ewkaristija, imma bil-ħajja tagħkom, mogħtija b’xhieda għal Kristu, intom Ewkaristija”.
Nerġa’ ngħid, dan nista’ napplikah għal San Ġorġ tagħna, li huwa “tad-deheb”, għaliex ippruvat mill-persekuturi. Bil-martirju huwa ssaffa u sar isbaħ milli qatt kien. San Ġorġ, illi fi żmienu seta’ jiċċelebra l-Ewkaristija meta sab ruħu maħkum fil-ħabs u kien imċaħħad mill-Ewkaristija, sar hu Ewkaristija. Bħalu, int, ja Nisrani, int tista’ tkun tad-deheb u tista’ tkun l-Ewkaristija fil-ħajja li qed tgħix illum! Dan hu t-tagħlim profond li wasal f’widnejn u f’qalb San Ġorġ tagħna, u allura kien sħiħ biżżejjed biex xħin ġie l-mument, ta xhieda, anki jekk din swietlu prezz għoli ħafna.
Imbagħad insemmilkom eżempju ieħor kontemporanju ta’ Ġorġi tagħna: il-martri tal-belt ta’ Abitene. Kienu madwar disgħa u erbgħin, ħamsin Insara li ġew ipprojbiti milli jiċċelebraw l-Ewkaristija l-Ħadd. Dawn iqumu quddiem l-Imperatur u jgħidulu din is-sentenza famuża: “Mingħajr il-Ħadd aħna ma nistgħux ngħixu!”. Fi kliem ieħor, dawn l-Insara jappellaw lill-awtoritajiet ċivili biex ma jisirqulhomx il-Jum tal-Ħadd, li huwa l-jum tal-Ewkaristija Mqaddsa, li fih aħna niċċelebraw il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù Kristu. Huma jissieltu biex ma jisirqulhomx il-Ħadd, għax minn hemm huma jirċievu l-qawwa biex jistgħu jgħixu u jagħtu xhieda.
Jien konvint li din is-sentenza seta’ jgħidha San Ġorġ, li fil-jum tal-Mulej żgur li kien jinġabar mal-komunità Nisranija, mal-Knisja lokali, u jiċċelebra l-Ewkaristija. Din ngħidha b’ċertezza. Għax jekk San Ġorġ ma beżax jagħti xhieda bil-martirju, il-qawwa ried iġibha mill-Ewkaristija, speċjalment l-Ewkaristija tal-Ħadd.
Dan ukoll huwa diskors validissmu, jekk mhux ukoll urġenti, li ntennuh illum il-ġurnata. Ma naħsibx li aħna llum għandna l-kuraġġ li nieqfu u ngħidu: “Tmissulniex il-Ħadd!”. Bħalkom fil-jum tal-Ħadd jien ngħaddi mit-toroq tagħna u nara li f’isem l-ekonomija u l-progress, il- jum tal-Ħadd ġie pprofanat. Serqulna l-Ħadd! U aħna qgħadna għaliha. Għalhekk ma nistagħġibx lanqas li jiġi xi ħadd u jgħidli: “Jiena m’iniex lest li nagħmel suwiċidju, biex nagħti xhieda tal-Vanġelu”.
Dan li xtaqt naqsam magħkom f’din is-solennità ta’ San Ġorġ, f’din ir-rikorrenza partikulari, meta qegħdin ukoll infakkru ċ-ċentinarju tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Kemm nixtieq nikkonvinċi lili nnifsi li l-Kungress Ewkaristiku mhux biss ġrajja tal-istorja li seħħet mitt sena ilu, imma ġrajja kontemporanja! Għaliex jekk aħna tassew dixxipli ta’ Ġesù Kristu u devoti ta’ San Ġorġ Martri, aħna għandna sejħa, illum aktar minn qatt qabel, li f’soċjetà sekularizzata nxandru l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu u b’wiċċna minn quddiem nitkellmu dwar Alla li huwa l-fundament ta’ kollox.
Għalhekk nitlob lil San Ġorġ tagħna li kif hu kien il-bniedem Ewkaristiku, jgħin lilna, Ġorġjani, lilna bħala Knisja, biex nitwaħħdu iktar ma’ Ġesù Ewkaristija, ħalli bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla llum nagħtu xhieda tal-Bxara t-Tajba.