Aqbeż għall-kontenut

San Ġorġ u l-Verità

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, f’diskors li għamel ftit ilu fil-Kurja Rumana lid-Dikasteri tal-Knisja, diskors meqjus bħala wieħed importanti, jagħmel affirmazzjoni, jew aħjar jesprimi preokkupazzjoni. Jgħid li jara xebh bejn l-epoka tagħna li qed ngħixu fiha, partikularment aħna l-Ewropej, u l-epoka aħħarija tal-Imperu Ruman meta dan kien qed jisfaxxa. Il-Papa jgħid li l-istess kawża li ġabet ir-rovina ta’ dak l-imperu daqshekk kbir tista’ tkun il-kawża tal-waqgħa tal-popli u n-nazzjonijiet tal-lum. Allura bħalma l-Imperu Ruman ġie fix-xejn u sar irmied, u l-glorja tiegħu spiċċat, daqstant ieħor jekk aħna ma niħdux azzjoni, l-“imperu” tal-lum, li għandu l-glorja tiegħu, jista’ jsir irmied.

U x’inhi l-kawża?, jistaqsi l-Papa. In-nuqqas tal-kunsens morali, in-nuqqas ta’ qbil fuq prinċipji ta’ moralità li lill-bniedem jiggwidawh fl-għażliet li jagħmel. Il-Papa jgħid li dan il-kunsens morali huwa l-bażi tal-istituzzjonijiet ġuridiċi u politiċi tas-soċjetà tagħna. U jekk jiġi nieqes dan il-kunsens morali, dawn l-istituzzjonijiet, li qegħdin hemm biex lilna jiżgurawlna futur, flok ikunu ta’ servizz għall-bnedmin, isiru theddida. L-istess ħsieb jesprimih mhux bniedem tal-Knisja, imma filosfu ta’ żminijietna, l-Iskoċċiż Alastair Macintyre, fil-ktieb tiegħu After Virtue. Dan jgħid li s-soċjetà tagħna miexja lejn l-istess banalità li kellu l-Imperu Ruman. Mela din mhix biss osservazzjoni ta’ bniedem tal-Knisja, imma anki ta’ bniedem li jaħseb, u ma jibżax jaħseb u jgħid dak li jaħseb! Għaliex dan il-filosfu jara t-tmiem tal-imperu tal-lum? Għax jgħid li dak li ġab il-qerda tal-Imperu Ruman kien il-kriżi politika imma wkoll il-kriżi morali.

Anki fl-Ewropa tagħna, dawn iż-żewġ fenomeni huma preżenti llum. Anki jekk noqogħdu ’l bogħod, jolqtuna. U għalhekk jiena bħala ragħaj inħossni fid-dmir li nitkellem magħkom dwar dan l-ispettru tas-soċjetà tagħna. Il-filosfu Macintyre jgħid x’wassal għall-waqgħa tal-Imperu Ruman: l-eklissi tal-kuxjenza; jiġifieri meta din l-ogħla fakultà nobbli li għandu l-bniedem, ma tibqax taħdem. L-istess filosfu jkompli jgħid li l-kuxjenza saret wisq suġġettiva, wisq relattivista u emozzjonali. Mhux qed jgħidilna x’seħħ fis-seklu erbgħa jew ħamsa tal-Imperu Ruman… imma jien narah qed jaqra ġrajjietna; għax, ngħiduha kif inhi, il-kuxjenza tal-bniedem tal-lum qiegħda teklissa għal dawn l-istess raġunijiet. Is-suġġettiviżmu, tant prevalenti llum, ifisser li kollox kif nixtieq u kif naħsibha jien!

Il-Papa sikwit jitkellem dwar ir-relattiviżmu! Kemm hawn veritajiet… jekk hawn veritajiet, għax illum issib min jgħid li m’hemmx verità! Xi ngħidu fuq l-emozzjonijiet? Kemm għamilna għażliet importanti għax ħallejna l-emozzjoni tmexxina. Bnejna fuq il-ħass… u tafu min jimxi fuq il-ħass x’jiġrilu: jiżloq waħda u jista’ jibqa’ tal-kolp!

Huwa veru li kienet l-invażjoni tal-Barbari li ġabet il-qerda tal-Imperu Ruman, imma l-Barbari kienu diġà daħlu meta kienu għadhom barra! Fir-realtà tal-lum, ikompli jgħid il-filosfu, il-Barbari mhumiex lil hinn mill-fruntiera… imma diġà qabżuha, u qegħdin fostna! Dan mhux diskors tiegħi… biex ma jiġix xi ħadd u jgħid li l-Isqof qed jitkellem fuq il-Barbari!

Il-Papa jsemmi żewġ argumenti li qed iwasslu għal dak in-nuqqas ta’ kunsens morali. Dawn huma r-razzjonaliżmu xjentifiku u l-kultura teknoloġika. Mhumiex affarijiet tagħna dawn u li mmissuhom b’idejna? Il-Papa jgħid li x-xjenza u t-teknoloġija, li huma skoperti u avvanzi tajbin li l-bniedem irnexxielu jagħmel, ma jistgħux jagħmlu dak l-iżball kbir li jassumu li huma l-kejl ta’ kollox… illi dak li huwa empiriku biss jeżisti, jiġifieri dak li jaqa’ taħt is-sensi. Dan hu l-iżball tax-xjenza u tat-teknoloġija: li jargumentaw li lil hinn minn dak li jaqa’ taħt is-sensi tagħna, ma hemm xejn! Nagħti eżempju… Filosfu u xjenzat ta’ fama internazzjonali, Francis Williams, li kien involut fl-iskoperta tal-istudju tal-ġenetika tal-bniedem – hu professur tal-kimika, u mill-kimika għadda għal bijokimika, għall-mediċina u għall-ġenetika – meta jħares lura jgħid li fl-avvanzi li għamel, żball wieħed ħa: kien arroganti u ma ħarisx lil hinn minn dak li pprovdietlu x-xjenza. Kien żmien meta dan kien ateist… ma kienx jemmen. Illum jiftaħar li sab lil Alla, imma jirrikonoxxi l-arroganza li tapproprja għaliha parti mix-xjenza. Ikompli jgħid li fil-ġenetika sab il-ktieb bl-istruzzjonijiet li Alla jagħti lin-natura… altru li aħna ma nistgħux inbagħbsu man-natura! Ikompli jgħid li fil-ġenetika sab il-lingwaġġ li bih jitkellem Alla. Mhux li kien ix-xjenzati kollha, anki tagħna, jaslu jagħmlu dawn l-affirmazzjonijiet!

Kif jidħol San Ġorġ f’dan kollu? San Ġorġ Martri jagħtina dawl f’din il-fażi tal-istorja. L-ewwel nett, meta nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq San Ġorġ, aħna dritt niftakru fl-Imperu Ruman, fil-fażi tad-dekadenza tiegħu meta kien hemm il-persekuzzjonijiet. San Ġorġ lilna jfakkarna f’dak kollu li għadna kemm għidna: li fl-Imperu Ruman ma kienx hemm il-kunsens morali u għalhekk kien hemm id-diżordni, u allura l-waqgħa tal-imperu seħħet ferm qabel ma daħlu l-Barbari. L-istess persekuzzjonijiet huma kontra l-bniedem u mhux kontra l-Insara, għax in-Nisrani qabel ma hu Nisrani huwa bniedem. Diġà lilna jagħtuna x’nifhmu f’liema fażi degradanti kien wasal l-Imperu. Imma mhux biss! L-imperatur jagħmel lilu nnifsu flok Alla u allura jħaddem ir-regola li l-fini jiġġustifika l-mezzi, anki jekk dawn huma ħżiena. Allura jirrikorri għall-persekuzzjonijiet ħżiena tal-Insara biex mingħalih isalva dak li kien qed jintilef.

San Ġorġ jista’ jgħin! Jgħodd għas-soċjetà ta’ żmienu dak li jgħid Fyodor Dostoyevsky fil-ktieb tiegħu Crime and Punishment. Dan il-ħassieb Russu jitkellem fuq il-protagonista tal-ktieb li jasal biex joqtol persuna. U x’kienet il-persuna? Użuraj – persuna li tislef il-flus. L-iskop kien biex ikun jista’ jeħdilha ġidha kollu. L-affirmazzjoni li jagħmel hija interessanti: meta l-protagonista qatel użuraj, ma kienx qed joqtol persuna. L-awtur Dostoyevsky jgħid li meta kien qed joqtol lil din il-persuna, kien qed joqtol il-prinċipju. Xi prinċipju hu dan? Is-supremazija tal-liġi morali fuq kull liġi oħra: is-supremazija ta’ Alla. Dostoyevsky f’dan il-ktieb jinqeda b’din il-protagonista biex jgħallimna din il-lezzjoni hekk profonda, li xi darba l-bniedem jipprova jkisser jew isikket mhux lil xi bniedem ieħor imma lil prinċipju. Qtilna diversi prinċipji fis-soċjetà tagħna.

Nistgħu ngħidu li l-Imperatur bil-persekuzzjoni li kien qed jagħmel ma kienx qed joqtol lill-individwi, imma jipprova joqtol il-prinċipju tal-prinċipji… lil Alla l-Imbierek. Għalhekk lil San Ġorġ narah kbir f’din il-fażi tal-istorja, tal-umanità u tal-Knisja. Kien kapaċi jintebaħ x’kien għaddej u jaġixxi. B’liema mod jaġixxi? Neħodkom għall-ktieb ta’ Santu Wistin, fejn janalizza t-tmiem u l-waqgħa tal-Imperu Ruman. Jasal għal din il-konklużjoni: l-Imperu Ruman waqa’ għax il-bniedem ipprefera l-vanità fuq il-verità. Il-bniedem, meta jagħżel il-vanità flok il-verità, jaqa’ f’ħondoq u ma joħroġx minnu. Naħseb li nistgħu napplikawha wkoll għal żminijietna. Tinsewx li hemm xebh bejn iż-żmien li fih għex San Ġorġ, meta l-Imperu Ruman kien qabad it-triq għan-niżla, u ż-żmien tagħna.

Jien inpoġġi għar-riflessjoni l-mistoqsija jekk li nipprefeu l-vanità flok il-verità hux qed iwassal għar-rovina tal-lum… X’inhi l-vanità? Li aħna nagħtu importanza akbar lill-apparenza, lil dak li jidher! Għalina dak li jgħodd huwa dak li jleqq! Mhux kulma jleqq huwa deheb! Hemm barra hemm ħafna njam qisu tad-deheb għax miżbugħ bil-porporina. Imma s-soċjetà tagħna taċċetta l-immaġni u ma tfittixx is-sustanza, il-qalba. Tara l-fenomenu u tieqaf hemm; ma tistaqsix x’inhu l-fundament!

Hija soċjetà li timxi fuq l-emozzjoni, u l-emozzjoni kapaċi tiġri bina u tqarraqna. Tfittex iċ-ċapċip, imma ċ-ċapċip mhux dejjem huwa approvazzjoni ta’ xi ħaġa li hija tajba. Tant hu hekk li llum nitkellmu fuq il-popoliżmu. X’inhu l-popoliżmu? Li biex ningħoġob magħkom, ngħid dak li tixtiquni ngħid, nagħmel dak li triduni nagħmel, u mhux nagħmel li għandi nagħmel u ngħid li għandi ngħid. Il-popoliżmu huwa l-moda ta’ bħalissa: biex ningħoġbu, illum ngħidu ħaġa u għada ngħidu oħra. Imma fejn hu l-fundament? Qed taraw l-apparenza… x’se niswa issa, x’se nsarraf issa, mingħajr ma nistaqsi x’riperkussjoni u x’effett se jkollha din l-għażla li qed nagħmel! Din hi l-vanità.

Santu Wistin jgħid li mhux il-vanità għandna nagħżlu, imma l-verità. X’inhi l-verità? Santu Wistin isemmi l-ftit prinċipji etiċi li huma permanenti… mhux li llum qegħdin hemm u għada mhux qegħdin hemm! Huma prinċipji etiċi u morali permanenti li fuqhom il-bniedem ifassal il-ħajja tiegħu. U allura huma prinċipji li jirrispettaw lill-bniedem – lilek u lili – li huwa miftuħ għal Alla, li huwa orjentat għall-etern.

Il-verità hija dik il-kuxjenza li kontinwament tistħarreġ biex tara li l-għażliet li qed tagħmel mhumiex kapriċċjużi: mhux biex ningħoġob, mhux biex nakkwista ċ-ċapċip, imma nagħmel għażliet li jirriflettu s-sewwa u dak li huwa ġust. Il-verità tgħin ħalli jkollna kultura ta’ responsabbiltà u ta’ kontabbiltà, jiġifieri fejn kulħadd jagħti kont ta’ għemilu… għax fejn mhemmx din l-għażla favur il-verità, allura la hemm responsabbiltà u lanqas kontabbiltà.

Hemm il-verità tal-etika li aħna għandna nagħżlu biex ma nċedux għad-dittatura tal-vanità. Meta qed ngħid il-verità tal-etika jfisser ir-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu nett – mit-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha; ir-rispett għall-bżonn naturali li għandu l-bniedem li jibni relazzjoni ma’ persuna, dik ir-relazzjoni li tiġi solennizzata f’dak li aħna ngħidulu żwieġ, li huwa l-fundament tal-familja, fejn min jitwieled ikollu ambjent san u stabbli. Ifisser id-dritt għal-libertà reliġjuża, id-dritt għall-espressjoni.

Hawnhekk jerġa’ jidħol San Ġorġ, li kien ittentat biex jinħakem mill-vanità fil-familja tiegħu stess, li kienet familja tat-tajjeb. L-istorja tgħidilna li missieru kien uffiċjal għoli fl-Imperu Ruman u allura seta’ għamel karriera, iktar u iktar fi żmien meta ma kienx hemm rispett lejn il-liġi. Ommu, tgħidilna l-istorja, marret lura għax kellha l-ġid li wirtet mingħand niesha. Dan iż-żagħżugħ, li kellu quddiemu futur, seta’ għażel il-vanità. Imma San Ġorġ għamel l-għażla tiegħu favur il-verità, li huwa kiseb mill-intimità li kellu ma’ Kristu. Jekk hemm kriżi soċjali, ekonomika, morali, l-għeruq tagħha huma fil-kriżi spiritwali. San Ġorġ, maħkum mill-verità li dawlu biha Ġesù Kristu, jagħraf li dak li jitlob il-Vanġelu mhuwiex obbligu kif inħarsu lejh aħna, mhuwiex dmir, imma rigal mogħti bl-imħabba, li jekk il-bniedem jilqgħu b’kunsens u jaċċettah, isir qawwa li tiftaħ u tgħin il-bniedem jegħleb il-ħażin.

Dan li jagħmel San Ġorġ: jikteb din l-istorja, isib il-medjazzjoni tant meħtieġa llum bejn il-fidi u l-istorja li qed ngħixu u qed naħdmu, għax aħna atturi ta’ din l-istorja. Jekk hemm bżonn, din l-istorja niktbuha mhux bil-linka, imma, kif jagħmel Ġorġi tagħna, bid-demm imxerred għall-verità. San Ġorġ seta’ kien vittma ta’ dik li jien sejjaħtilha dittatura tal-apparenza… seta’ fittex l-udjenza ħalli jkun popolari. Imma ħaġa waħda hemm li tippreokkupa lil dan il-bniedem veru, sinċier u li ħaddan il-verità: li jagħraf li dak li huwa sewwa u ġust ikun irrispettat.

Din hija l-missjoni tan-Nisrani llum: li fuq l-eżempju tal-Prinċep tal-Martri, aħna li qed ngħixu f’din il-qagħda storika, ikollna x’nagħtu u x’noffru lis-soċjetà ta’ żmienna. Filosfu kontemporanju Franċiż għadu kemm ippubblika ktieb bl-isem Il-mewt is-sabiħa tal-katekiżmu modern. Fost l-oħrajn jgħid: “Il-Kristjanità hija l-proposta l-ġdida li qed jistennew l-intellettwali tagħna, hija l-proposta tal-Vanġelu li l-bniedem tal-lum, li qed jagħqad fuqu nnifsu, għandu bżonn ħalli jaqbad it-triq li tiftaħ għall-eternità”.

Għeżież ħuti, partikularment intom il-lajċi, neżortakom biex b’ħafna mħabba, imma b’determinazzjoni, tkunu bħal San Ġorġ, u twasslu d-dawl tas-sewwa lill-bniedem tal-lum maħkum mill-apparenza u l-vanità. Hija propju tagħkom il-lajċi din il-medjazzjoni bejn il-Vanġelu u l-istorja, kif għamel San Ġorġ b’rispett kbir lejn il-lajċità u bħala lajk, f’relazzjoni mad-dinja lajka ta’ madwaru. Dan hu l-mandat, fid-dawl ta’ dak li tgħallimna l-Knisja fil-Konċilju Vatikan II: li nkunu preżenza fid-dinja tal-lum. Nippruvaw nagħmlu din il-proposta, li l-bniedem qiegħed ifittex b’tant ansjetà.

Għaliex San Ġorġ huwa kbir? Għax ħaddan il-verità kollha. Dak li jiswa għall-bniedem kbir, u mhux il-possessjonijiet li għandu, mhux il-karriera li għandu, imma li għandu l-verità u jibqa’ leali lejha, anki jekk tiswielu l-prezz tal-martirju. San Ġorġ emmen fil-forza, mhux tal-armi imma tal-verità. Kull darba li jiġi msejjaħ quddiem il-qrati tal-Imperu Ruman, huwa jmur waħdu, mhux għax ma jsibx min jgħinu jew għax qata’ qalbu mid-difiża tiegħu… imma għax jaf li l-verità hija awtorevoli. Hija l-verità li tagħtik l-awtorità, li għandha saħħa minnha nfisha, u allura m’għandhiex bżonn is-suffraġju tal-ftit jew tal-ħafna, għax il-verità tieqaf fuqha nfisha. Huwa veru li mhux dejjem naslu għaliha flimkien, imma nimmiraw biex nilħquha.

San Ġorġ huwa kbir għax emmen li l-verità teħilsek. “Il-verità teħliskom”, jgħidilna Kristu. Huwa veru li sab ruħu wara l-kanċell tal-ħabs, imma kien jaf li dik il-verità li kien qed jipprova jwassal fis-soċjetà ta’ żmienu mhux biss kienet ħielsa, imma għamlitu ħieles. Għaliex filwaqt li l-Imperatur bil-martirju li tah għalaqlu fommu, San Ġorġ bil-fidi fi Kristu jipparteċipa minn rebħa defenittiva fuq il-gidba u fuq id-dnub, billi jieħu seħem fil-Qawmien ta’ Kristu.

Ħafna drabi s-Santi Padri jużaw it-tixbiha tal-qamar għall-Knisja, u jgħidu li kif il-qamar idawwal il-lejl, hekk il-Knisja ddawwal is-soċjetà ta’ kull żmien. Imma l-qamar mhux dawl minnu nnifsu, għax jirrifletti d-dawl tax-xemx. U allura anki l-Knisja f’dan id-dlam tad-dinja tirrifletti mhux lilha nfisha – għax hemmhekk inkunu ħatja tal-apparenza… u fuq l-apparenza fil-Knisja għandi xi ngħid! – imma d-dawl ta’ Kristu.

Illum qed nagħmlu l-festa solenni ta’ San Ġorġ. Għalih ma nistax napplika l-immaġni tal-qamar, imma huwa stilla kbira li tiddi f’dawn id-dlamijiet u ddawwal il-bniedem ħalli ma jibqax jipparteċipa f’din ir-rovina tal-“imperu” tal-lum. San Ġorġ huwa stilla li tarmi d-dawl, dawl li jgħammex l-għajnejn; imma d-dawl mhuwiex tiegħu, għax hu rifless tad-dawl ta’ Kristu. Għax San Ġorġ huwa kbir minħabba l-intimità sħiħa tiegħu ma’ Kristu l-Mulej.

Dan li jiena nawgura għall-Festa ta’ din is-sena: li San Ġorġ, din l-istilla tiddi kollha dija, ikompli jdawwal lil kull wieħed u waħda minna, ħalli minkejja d-dlamijiet li hawn madwarna, ma naqtgħux qalbna, imma t-tama tkun l-aħħar virtù li tmut fina. U t-tama tagħna mhix mibnija fuq il-vojt, imma fil-qawwa tal-verità, il-qawwa ta’ Alla l-Imbierek.

pdf · 80.75 KB Niżżel