Aqbeż għall-kontenut

San Ġużepp, il-Kustodju tal-Ħajja u tal-Feddej

Għeżież tiegħi, huwa ta’ ferħ għalija li ningħaqad magħkom fil-preparazzjoni tagħkom għaċ-ċelebrazzjoni tas-solennità ta’ San Ġużepp u fl-okkażjoni ta’ din ir-rikorrenza li fiha qed infakkru l-ħames mitt sena minn dak kollu li seħħ bejn grupp fi ħdan din il-komunità Kristjana, li nirriferi għalih bħala l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, u l-awtorità ċivili biex il-festa ta’ San Ġużepp ikollha rikonoxximent anki ċivili, naturalment għaliex dak iż-żmien kienu jemmnu li San Ġużepp għandu messaġġ x’jagħti lis-soċjetà tagħna. Ngħid li din hija ġrajja m’hix ordinarja għaliex ma naħsibx li huwa daqshekk faċli li bejn dawn iż-żewġ livelli tas-soċjetà jkun hemm qbil fuq materja bħal din u fuq il-fatt illi Ġużeppi għandu messaġġ anki għalina llum. Huwa żgur li Ġużeppi għandu messaġġ qawwi għalina lkoll.

Theddid għall-ħajja

Illum hemm ħafna affarijiet fis-soċjetà li huma mhedda, u tgħidulix li qed nippreżentalkom il-babaw. Jien nipprova, kif hu dmir tagħna r-rgħajja, li nara ftit x’qed jitwieled fis-soċjetà tagħna, x’qed jinbet, u jekk intom issegwu, bħalma nsegwi jien, dak li jingħad u li jinkiteb u l-proġetti li hemm maħsuba, tintebħu li hemm ħafna affarijiet li huma mhedda: m’hix biss l-ekonomija li hija mhedda mis-swieq internazzjonali, m’huwiex biss ix-xogħol li huwa mhedded – u x’ħin nisimgħu fuq dan, anki jekk ma jmissx lilna persunali, aħna nħossu għal min għandu x-xogħol tiegħu mhedded –, imma hija mhedda l-ħajja. U jien nixtieq li f’din ir-riflessjoni qasira nippreżentalkom lill-Patrijarka San Ġużepp bħala dak li jiddifendi l-ħajja. Fil-vanġelu smajna lil Ġesù jgħid lid-dixxipli li kien wasal iż-żmien li huwa jmur Ġerusalemm, u hemmhekk ikun mixli u jaqtgħuhielu għall-mewt, imma din id-darba Ġesù ma kellux min jiddifendih bħalma kellu meta kien għadu fi ħdan il-Verġni Marija. U Ġużeppi, għax għaraf il-vokazzjoni tiegħu bħal difensur tal-ħajja ta’ dik it-tarbija, jagħżel li jaċċetta lil Marija bħala martu anki jekk il-frott li kien hemm fi ħdanha ma kienx bil-koperazzjoni tiegħu.

Għeżież tiegħi, li kieku Ġużeppi ma aċċettax li jieħu lil Marija bħala martu hija kienet tiġi mħaġġra, u tmut hi u jmut il-frott li kien hemm fil-ġuf tagħha. L-istorja li għandna fuq Ġużeppi kif irrakkontata mill-Evanġelisti fuq l-infanzja u t-tfulija ta’ Ġesù turina lil Ġużeppi li jaħrab lejn l-Eġittu biex jiskansa lil ibnu minn dik id-deċiżjoni li għamlet l-awtorità ċivili ta’ dak iż-żmien, minn taħt idejn Erodi li ried itemm il-ħajja ta’ dawk li kienu taħt is-sentejn.

Il-ħajja għandha valur assolut

Għeżież tiegħi, jiena nitlobkom biex bħala Knisja aħna nkunu preżenza li l-konvinzjonijiet u l-valuri li aħna għandna nippriedkawhom, inxandruhom u nitkellmu fuqhom. Jien nistagħġeb meta nara min huwa vojt u jingħata ħafna spazju u attenzjoni, u mbagħad min għandu kontenut jiġi skreditat, imsikket u forsi wkoll mgħajjar u rridikolat. M’għandniex inħallu din il-mewġa lajċista li hawn fis-soċjetà tagħna mhux biss tfieri l-valuri tat-twemmin tagħna imma tipperikola l-valuri umani, jiġifieri l-valuri li suppost huma għal qalb dawk kollha li għandhom rieda tajba, huma min huma, anki dawk li ma jemmnux.

Mela x’jispirani meta nħares lejn Ġużeppi, il-kustodju tal-ħajja u tal-Feddej? L-ewwel u qabel kollox Ġużeppi jgħallimna kemm il-ħajja għandha valur u valur assolut; valur li ma nistgħux ninnegozjawh, valur li ma nistgħux noqogħdu nilagħbu u nesperimentaw bih. Il-ħajja hija don gratuwitu, jiġifieri don li ġej mingħand l-Awtur tal-ħajja li aħna nirrikonoxxu bħala Alla l-Missier, u li huwa jagħtihulna bil-koperazzjoni umana imma għax irid hu. La jiena u lanqas int ma kellna dritt li nibdew neżistu u li nibdew ngħixu, u għalhekk l-ilsien tagħna ma jafx biżżejjed irodd ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja. Imma mhux kulħadd jifhimha hekk. Għandna kurrent utilitarista, jiġifieri li jfittex biss dak li jaqbel u dak li huwa l-iktar utli, mingħajr ma joqgħod jara jekk dak li jaqbel u dak li huwa utli hux sewwa jew le. Kif nista’ jien nippretendi li jekk fettilli li nkun missier, sew jekk jien miżżewweġ u sew jekk jien m’inix miżżewweġ, sew jekk jien f’unjoni ma’ mara u sew jekk jien f’unjoni oħra, għax qegħdin f’soċjetà li mingħaliha għandha ħafna drittijiet, ngħid li jien għandi dritt li nadotta jew li jkolli liġi tiegħi?

Ix-xjenza għall-qadi tal-ħajja

Imma llum ix-xjenza għamlet progressi kbar, u dan aħna ma nistgħux ma nirrikonoxxuhx u ma ndurux lejn Alla u ngħidulu grazzi talli nebbaħ lill-bniedem biex permezz tax-xjenza jiskopri ċerti ħiliet għalina l-bnedmin. Imma, għeżież tiegħi, ix-xjenza m’hix Alla u m’hix omnipotenti. Smajna x’għamel il-President tal-Amerika f’dawn il-jiem, meta neħħa kull limitu, biex ix-xjenza tkun ir-reġina u tista’ tagħmel dak kollu li jista’ jsir xjentifikament. Mela mhux kull ħaġa għandha r-regoli tagħha? Mhux kull bniedem għandu ċerti regoli li jeħtieġ josservahom? Mela mhux dak kollu li huwa possibbli fil-laboratorju u b’mod xjentifiku jista’ jsir medikament u moralment. Illum ix-xjenza, u dan nerġa’ ngħid huwa fatt li nirrikonoxxuh bi gratitudni, tista’ tgħin lil min għandu diffikultà, anki lil dawk il-koppji li għandhom diffikultà biex ikollhom it-tfal. Illum fil-laboratorju jistgħu wkoll inisslu barra mill-ambitu naturali li fih suppost titnissel il-ħajja. Jekk aħna rridu tassew niddifendu l-ħajja rridu ngħidu li nilqgħu l-progress tax-xjenza, imma x-xjenza rridu nħaddmuha skond ċerti regoli, għax inkella flok li x-xjenza tkun ta’ qadi għall-ħajja ssir theddida għaliha. L-esperjenza tixhdilna li fejn il-bniedem ħassu li huwa ħieles minn kull forma ta’ regola etika wasal joħloq mhux il-bniedem imma mostri, wasal biex joħloq taħlita bejn il-bniedem u l-annimal.

Il-Knisja tiddifendi l-ħajja sa mill-bidu nett tal-konċepiment

Allura, bħalma għandu dritt jitkellem kulħadd, naħseb li anki l-Knisja f’dan il-kamp tal-morali u l-etika għandha d-dmir li titkellem u tiggwida, u dan tagħmlu mhux biex tobbliga lil ħaddieħor imma biex tgħid lis-soċjetà li hemm prinċipji li m’humiex biss mibnija fuq il-Vanġelu imma huma wkoll mibnijin fuq ir-raġuni. Il-Vanġelu tal-ħajja m’huwiex biss għal min huwa mgħammed u jmur il-knisja, imma jmur iktar lil hemm. Nittama li qiegħed ninftiehem.

Jekk aħna tassew devoti ta’ San Ġużepp irridu nkunu dawk li mhux biss jippromovu l-ħajja imma jiddifenduha sa mill-bidu nett tal-konċepiment. Dan iwassalna għal punt ieħor, għaliex it-triq tan-niżla hekk tibda. Darba daħku bina għaliex għidna: “Ibdew tkellmu fuq id-divorzju, imbagħad taraw kif minn din il-materja jibdew joħorġu xniexel oħra”. M’għaddiex ħafna żmien u llum nitkellmu mhux biss favur id-divorzju imma wkoll favur l-abort. Il-qtil tal-innoċenti qed isir fis-soċjetà tagħna u qed isir kontra l-liġi, għax għandna liġi li tiddifendi l-ħajja sa mill-mument tat-tnissil. Ladarba qed jiġri dan ma nistgħux ngħidu li m’għandniex kultura u mentalità li hija kontra l-ħajja. Jekk jidhrilna li rridu ninnamraw ma’ dawn l-esperjenzi fil-laboratorju fuq il-ħajja hemmhekk hemm periklu kbir li l-ħajja mhux biss tiġi mmanipulata imma wkoll meqruda. Għaliex min jaf kemm minn dak li huwa ffertilizzat sa jiġi pplantat? X’sa jiġri mill-oħrajn? Din hija r-realtà, u jien ma nistax nifhem kif għandna poplu li jgħid li jħobb lil San Ġużepp imma mbagħad ma jifhimx u ma jħossx li mhux biss fil-ħajja persunali tiegħu għandu jkun difensur tal-ħajja imma wkoll fil-ħajja pubblika għandu jsemma’ leħnu u jagħmel xi ħaġa, kif għamel San Ġużepp biex jeħles lit-tfajjel Ġesù meta twieled u matul it-trobbija tiegħu.

Il-ħajja mhedda fl-istadji tagħha

Il-ħajja mhux biss hija mhedda fit-tnissil imma wkoll matul il-kors tagħha, għax aħna bħala bnedmin għandna ħajja bil-limiti tagħha, u marda daqqa tfejjaqha bil-mediċina u drabi oħra ma tfejjaqhiex. U meta int għandek bżonn ta’ mediċina, u mediċina li forsi tiswa xi ftit, hemmhekk x’sa nagħmlu? Nistgħu aħna lill-ħajja nitfulha s-swiċċ!

Ilbieraħ artikolista tkellem ukoll fuq l-ewtanasja, jiġifieri li l-bniedem għandu jkollu d-dritt li jiddetta hu l-ħajja. Il-poplu tagħna dejjem sieket, u forsi min għandu jitkellem ma jitkellimx. U anki meta niġu biex nitkellmu fuq il-promozzjoni ta’ dan l-argument fuq il-programmi tagħna! San Pietru jgħidilna: “Kunu afu r-raġuni tat-twemmin tagħkom”.

Mezzi ordinarji u mezzi straordinarji

X’ħin niġu biex nibdew niddiskutu fuq mezzi ordinarji u mezzi straordinarji hemmhekk nidħlu f’diskors li huwa kkumplikat, imma l-ħajja hija l-ħajja u għalina l-ħames Kmandament huwa “La toqtolx”, jekk għadhom jeżistu l-Kmandamenti! Il-Kmandament “La toqtolx” ifisser li trid tagħmel minn kollox biex permezz ta’ mezzi ordinarji inti ssalva l-ħajja tiegħek u tal-oħrajn, anki jekk il-bniedem ikun avvanzat fiż-żmien.

Għeżież tiegħi, San Ġużepp inebbaħni f’dan l-argument. Forsi tistennewni li nagħmel xi eloġju kbir lil San Ġużepp, imma jekk il-ħajja tal-qaddisin ma ninkarnawhiex u ma nagħmluhiex tagħna jien nista’ f’ċirkustanza bħal din ngħid ħafna kliem sabiħ imma jibqa’ fl-arja, għax ma jkunx għaċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom illum. Ejjew ngħożżu l-grazzja li qed jagħtina Alla permezz tal-Knisja biex nieqfu u nirriflettu fuq San Ġużepp bħala d-difensur tal-ħajja, għaliex bħalma għidtilkom fil-bidu dak li kien jistenna lil Kristu meta fittxew li jaqtgħuhielu għall-mewt jista’ jiġri lil ħajjiet oħra li llum qed jaqtgħuhielhom għall-mewt.

Tweġiba għall-kunflitti tal-ħajja: bżonn ta’ kuxjenza ffurmata

Naturalment dawn l-affarijiet tqal jistgħu jwassluna biex ikollna l-kunflitti fina. Nimmaġina u nistħajjel li aħna wkoll nistaqsu: “X’għandna nagħmlu?”. Anki f’din il-ħaġa Ġużeppi huwa ta’ ispirazzjoni għalina, għax huwa għadda minn dawn il-mumenti ta’ dlam u ta’ tensjoni biex jagħżel: “X’nagħmel? Nieħu lil Marija bħala marti jew le? Nibqa’ fil-Galilija jew naħrab?”. U min jaf kemm għadda minn mumenti oħra bħal dawn fil-ħajja tiegħu; imma ladarba Ġużeppi kien il-missier ta’ Ġesù kellu jgħaddi minn mumenti bħal dawn. Intom tafu x’ifisser u kemm huwa ordinarju li jkollna dawn it-tensjonijiet tal-ħajja. Imma Ġużeppi kien miftuħ għal Alla u kien iħalli lil Alla jdawlu u jsawwarlu l-kuxjenza tiegħu. Xi drabi tisma’ min jgħidlek: “Imma l-kuxjenza tiegħi ma tgħidli xejn!”. Imma l-kuxjenza tiegħek hija ffurmata? Xi darba l-kuxjenza tagħna ma tħoss xejn għax m’hix edukata. Il-kuxjenza tagħna trid tkun kuxjenza ffurmata, u ffurmata mhux minn dak li tgħid il-gazzetta jew li jgħid dak jew l-ieħor, imma minn dak li jgħid Alla. Alla naturalment ma jitkellimx b’mod ċar, imma fil-providenza tiegħu bagħat lil Kristu biex ikellimna b’mod l-iktar ċar u b’lingwa li nifhmuha, u Kristu ħalla lill-Knisja li f’din il-missjoni tagħha tgħin biex iddawwal u biex jiġu ffurmati l-kuxjenzi tagħna; l-ewwel il-kuxjenzi tagħna u mbagħad il-kuxjenza soċjali tagħna bħala poplu.

Allura dak li ġara ħames mitt sena ilu meta żewġ awtoritajiet għarfu l-ħtieġa li lil Ġużeppi jagħtuh relevanza pubblika huwa eżerċizzju meħtieġ anki llum. Nitlob għalhekk lil Alla l-Imbierek, bl-interċessjoni ta’ Ġużeppi, ħalli f’din is-siegħa li fiha għandna dawn l-isfidi serji aħna nkunu ppreparati u ffurmati ħalli nkunu preżenza fid-dinja tagħna li ġġib ’il quddiem il-ħajja mill-bidu nett tagħha u dik il-bidla fil-familja u fl-ambjenti kollha tagħha.

pdf · 65.03 KB Niżżel