Aqbeż għall-kontenut

San Ġwann il-Battista u l-Muta ta’ Alla

Soċjetà mbikkma

Aħna influwenzati ħafna mill-immaġni illi jippreżentawlna l-istampi tar-realtà, imma jekk inkunu ftit responsabbli rridu ngħidu li l-immaġni li jippreżentawlna ma jirriflettux ir-realtà u huma immaġni li jqarrqu. Qegħdin ngħixu f’epoka fejn il-kelma mhix dejjem waħda li tirrifletti r-realtà, u allura hija kelma qarrieqa. U aħjar ma jkollna xejn immaġni u tpaċpiċ, ħalli niġu ftit f’sensina fuq xi jfisser in-nuqqas tal-kelma u ta’ dak il-leħen li għandu jagħtina direzzjoni fil-ħajja, u li int u jien nistgħu nserrħu rasna fuqu.

Kieku dalgħodu kelli nagħmlilkom domanda u ngħidilkom: “Għiduli ftit fuq min toqogħdu intom f’pajjiżna”, liema tkun dik l-istituzzjoni u liema dik il-persuna jew dak il-grupp ta’ persuni illi lilkom jagħtukom serħan il-moħħ? Jiena nħoss illi aħna bħala nazzjon neqsin minn leħen, biex ma ngħidx ukoll li aħna qed inbatu minn ċertu mutiżmu. Aħna għandna soċjetà mbikkma, biex nuża l-kelma li semma l-Vanġelu dalgħodu. Imbikkma jiġifieri lsienna huwa mwaħħal, jew, jekk mhux imwaħħal, qed ipaċpaċ fil-vojt u mhux juri fejn hija r-realtà. Nagħtikom żewġ eżempji.

Is-soċjetà qed tipproponilna ċerti stili ta’ ħajja tal-familja. Jien konvint li l-maġġoranza jafu li dak li qed tipproponi s-soċjetà mhux korrett u mhux l-aħjar. Min hawn f’pajjiżna li qed jiddenunzja messaġġi bħal dawn? Minn min tistennew li jgħidilkom il-verità dwar x’inhi l-koabitazzjoni u l-effetti tagħha, jekk fostna hawn kurrent li qed jiddefendi l-koabitazzjoni?

Aħna qed niġu ppreżentati bi stampa, immaġni u diskorsi li jiżgurawna mill-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, qisu għandna ċertezzi li “ara tilgħab magħhom” u li qed nimxu fuq ir-rubini! Imma din hija tassew il-verità, jew anki f’din il-ħaġa hemm mutiżmu u ma nitkellmux, jew inkella jekk nitkellmu nippruvaw nibdlu l-istampa u nużaw kliem sabiħ biex inħallu lil ħaddieħor fl-għama? Min isegwi x’inhu għaddej barra minn pajjiżna jaf x’qed ngħid, u kemm iċ-ċertezza ekonomika u finanzjarja mhi ċertezza xejn!

Din il-muta daħlet ukoll fil-familji tagħna. Ippermettuli ngħid dan, għax jien nara li ċerti ġenituri jew tilfu lsienhom jew weħlilhom mas-saqaf ta’ ħalqhom. Fejn hija l-kelma li biha nedukaw lil uliedna u nikkoreġuhom? Meta ngħid l-ulied m’iniex nifhem biss dawk li għadhom żgħar. Jista’ jkollok l-età tiegħek, imma jekk int missier u omm inti għandek ir-responsabbiltà ta’ missier u ta’ omm. Jien wisq nibża’ li ħakmitna l-muta, għax meta nara n-nuqqas ta’ diċenza u l-istil ta’ ħajja ta’ wliedna jiena ninkwieta.

Dawk li huma f’responsabbiltà u li suppost jafu u jitkellmu, għaliex mhux qed jitkellmu? Forsi mhumiex jagħtu direzzjoni liċ-ċittadin għaliex ma jafux jew għax waqgħu fil-muta? Forsi għax nibżgħu mill-verità jew għaliex nistħu nitkellmu fuq ċerti valuri, li ma jsejħulniex retrogradi? Forsi jista’ jkun ukoll li hemm dik li jsejħulha l-omertà, u allura tkun taf l-affarijiet u ma tgħidhomx għax ma jaqbillekx li tgħidhom? Hemm ħafna raġunijiet għax min suppost jitkellem ma jitkellimx, fosthom għax ma jaqbillux jew għax hemm x’jitlef.

Jekk il-Knisja tiskot

Jiena rrid nittama li l-Knisja mhix f’din il-kategorija. Il-Knisja għandha l-missjoni li tippronunzja u tgħid is-sewwa, u dan tagħmlu sew jekk tidher rasha marbuta u sew jekk tidher Knisja tal-imgħoddi. Il-Knisja fedeltà waħda għandha, u din hija l-fedeltà lejn il-Kelma u lejn Kristu. Irrid jien nittama li din hija l-Knisja, għax mhux kollox huwa ward u żahar!

Għall-poplu ta’ Alla u għall-poplu Lhudi l-ikbar kastig tafu x’kien? Kien dak illi Alla jaqa’ fil-muta u ma jibqax jitkellem. L-ikbar kastig kien li Alla jsikket il-profeta u jgħidlu “Titkellimx f’ismi”, jimponilu l-muta. Eżempju ta’ dan huwa l-profeta Eżekjel, li meta naqraw il-ktieb tiegħu nindunaw b’dan ċar u tond. Alla jgħidlu: “Dan il-poplu huwa tant rasu iebsa li jiena nimponilek illi ma titkellimx u li lsienek jeħel mas-saqaf ta’ ħalqek”. Dan ma kienx kastig żgħir, tant illi l-poplu ta’ Alla sab ruħu fl-eżilju tal-Babilonja, ’il bogħod minn art twelidu. Mela s-skiet ta’ Alla jew tal-profeta jista’ jwassal biex il-poplu jġarrab l-eżilju u jitbiegħed minn art twelidu. Tgħid qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien fejn Alla ra li aħna poplu ta’ ras iebsa u allura siket? Jekk aħna tassew nemmnu li Alla għadu jitkellem u għadu jkellem lill-kuxjenzi tagħna, irridu naraw jekk il-kuxjenzi tagħna humiex jitkellmu tassew kif ikellimhom Alla.

Alla għadu jitkellem bil-profeti tiegħu

Tgħid qegħdin fi żmien meta Alla jsikket lill-profeti tiegħu bħalma sikket lil Eżekjel u qallu: “Jiena nbikkmek”? Tgħid aħna mexjin lejn xi forma ta’ eżilju? Ma naħsibx, u dan ngħidu fid-dawl tal-festa sabiħa li qed niċċelebraw dalgħodu – il-festa ta’ San Ġwann il-Battista – għaliex mat-twelid ta’ San Ġwann inkiser is-skiet ta’ Alla u Alla reġa’ kellem lill-poplu tiegħu. Mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista reġgħet ġiet stabbilita l-komunikazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu, tant illi f’San Ġwann l-Għammiedi aħna naraw dak il-leħen li ġie biex jipprepara t-triq. It-triq għal min? Għall-Kelma, għall-ferħ, għal Kristu li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja.

Mat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista aħna għandna mhux profeta, imma “iktar minn profeta”, jgħid Kristu għal San Ġwann. Iva, San Ġwann huwa dak illi jikser is-skiet ta’ Alla u b’kelma qawwija jħabbar il-verità, u b’determinazzjoni huwa jindika t-triq, anki jekk dak li kien qed jgħid kien f’kuntrast ma’ dak li kienu qed jgħixu n-nies ta’ żmienu. Filfatt fil-ftit tagħrif li għandna fil-Vanġelu dwar Ġwanni l-Battista nara li Ġwanni ma joqgħodx jomgħod il-kelma: “Xi ħriġtu taraw? Xi qasba tixxejjer mar-riħ?” – bħal ħafna nies li għandna fi żminijietna, nżid ngħid jien – “jew ħriġtu taraw il-profeta? Dak il-leħen li ġie biex jiddritta t-toroq mgħawġin, biex jerġa’ jħabbeb il-bniedem ma’ Alla u biex juri s-sewwa?”.

Il-profeta ma jibżax jgħid il-verità

San Ġwann il-Battista, il-profeta li ħeles mill-muta, ma joqgħodx jomgħod il-kliem u lin-nies ta’ żmienu jsejħilhom “nisel il-lifgħat”. Għaliex jgħidilhom li huma nisel il-lifgħat u li huma frott tal-gidba? Intom tiftakru li l-lifgħa fir-rakkont tal-ħolqien hija s-serp li daħak b’Adam u b’ Eva: begħidhom u qatagħhom minn Alla. San Ġwann il-Battista lill-ġens ta’ żmienu – u jien ngħid anki lill-ġens tagħna – jgħidlu: “Oqogħdu attenti, għax intom nisel il-gidba, forsi mhux tant tagħkom, imma l-gidba ta’ nofs verità qiegħda fostkom u dik ma tistax tagħtikom ċertezza u direzzjoni ’l quddiem”.

Huwa f’dan il-kuntest li jiena nixtieqkom tikkontemplaw lil San Ġwann il-Battista, jiġifieri bħala dak li l-Knisja Biżantina fl-innu tal-monaka Casolini (fid-disa’ seklu) issejjaħlu u tgħidlu: “Int kissirt il-muta ta’ Alla”. Agħmlu kuraġġ, għaliex bil-miġja ta’ Ġwanni l-Battista ġiet inawgurata l-era ta’ Kristu, l-għalliem per eccellenza, il-predikatur tal-verità, l-evanġelizzatur tas-sewwa. U min iħobb lil Ġwanni l-Battista ma jistax ma jħobbx ukoll lil Kristu. Min jilqa’ lil Ġwanni l-Battista, li huwa l-leħen, ma jistax jibqa’ ’l bogħod mill-kelma li ddawwal kull aspett tal-ħajja.

Ġwanni kien xhud tal-verità. Huwa kien il-leħen tal-verità, u għal dan kellu jħallas il-prezz ta’ profeta, għax quddiem Erodi ma beżax u ma kellux dik l-omertà li semmejtilkom fil-bidu. Lil Erodi ma beżax jgħidlu: “Erodi, dik il-mara li għandek miegħek mhix tiegħek”. Mhux bħalna. Aħna mhux biss ma nitkellmux, imma aħna nbierku; u naf x’qed ngħidilkom. Tiġi omm tgħidlek: “X’ser nagħmel ladarba t-tifel jew it-tifla jrid idaħħal l-għarus jew l-għarusa?”. Nifhem li tkun f’sitwazzjoni diffiċli, imma ma nifhimx il-konfużjoni tal-moħħ, għax il-verità hemm qiegħda. Ġwanni ma qagħadx jgħid: “Imma jien x’sa nagħmel u s’sa ngħid lil Erodi? X’sa jagħmilli? Jista’ jaqtagħli l-privileġġi jew l-għajnuniet li jagħtini”. Għal Ġwanni kien hemm biss is-sewwa u l-verità.

Erodi pprova jerġa’ jwaqqa’ mhux biss lil Ġwanni, imma lill-poplu Lhudi fil-muta, tant illi jaqtagħlu rasu, jaqtagħlu lsienu. Erodi ma kienx jaf b’dak li qrajna fil-vanġelu tal-lum. Qrajna li Żakkarija mat-tħabbira tal-anġlu ma emminx li martu Eliżabetta kienet sa tagħtih iben u waqa’ fil-muta, imma mat-twelid tal-Battista lsienu nħall, reġa’ irkupra l-kelma u reġa’ beda jitkellem man-nies u jfaħħar lil Alla. Mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista tiġi megħluba wkoll il-muta ta’ Żakkarija, u allura tintemm ukoll il-muta tagħna. Mela aħna mhux biss għandna f’San Ġwann lil dak illi jkisser is-skiet ta’ Alla, imma għandna wkoll il-Prekursur li jkisser is-skiet tagħna.

Dmir tal-Knisja li tagħti direzzjoni

Jien nibża’ li għad irridu nagħtu kont lil Alla tas-skiet tagħna, tal-indifferenza tagħna, tal-passività tagħna, għax meta nirċievu din l-aħbar, bħalma rċeviha Żakkarija, aħna wkoll nipparteċipaw mill-missjoni profetika ta’ Kristu, aħna wkoll għandna fuq spallejna din ir-responsabbiltà li nkissru l-muta tagħna u nitkellmu. Hemm dak l-innu sabiħ ta’ Żakkarija, il-Benedictus, fejn fost ħwejjeġ oħra jgħid li San Ġwann għad ireġġa’ għall-għaqal tal-ġusti lill-poplu ta’ Alla. Jiena nħoss li l-Knisja tagħna, jiġifieri aħna, għandna fuq spallejna dan il-piż. Aħna rridu ngħinu lill-oħrajn jersqu jirkupraw l-għaqal tal-ġusti, ħalli d-deċiżjonijiet li aħna nagħmlu jkunu deċiżjonijiet li jagħmlu sens u jkunu jirrrispettaw is-sewwa, u jkunu deċiżjonijiet skond il-qalb ta’ Alla.

Dawn huma l-awguri tiegħi f’din il-festa, għalikom, komunità parrokkjali tax-Xewkija, imma, kif soltu ngħidu, għall-Knisja kollha tagħna. Jalla aħna lkoll inkunu iktar konxji li aħna vittmi ta’ ċertu mutiżmu li aħna għandna madwarna, imma nagħmlu l-qalb għaliex bit-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u bil-miġja ta’ Ġesù Kristu mhux biss tkisser is-skiet ta’ Alla – u llum Alla għadu jitkellem permezz ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu – imma tkisser ukoll is-skiet tagħna. M’hemm l-ebda motiv li jista’ jżommna siekta jew muti: la n-nuqqas ta’ għarfien jew il-mistħija, lanqas il-biża’ jew is-sens ta’ inferjorità ma jistgħu jżommuna milli nitkellmu s-sewwa kif għamel San Ġwann il-Battista.

pdf · 84.91 KB Niżżel