San Ġwann il-Battista u s-Saċerdot
Għeżież tiegħi, malli niftaħ għajnejja filgħodu ma nistax ma rroddx ħajr lil Alla għall-ħafna tajjeb li nara madwari. Ma nistax ma ngħidx grazzi lil Alla tal-affarijiet sbieħ li bihom iżejjen lill-Knisja tagħna. Imma dik ma tkunx ħarsa sħiħa. Inkun nieqes mid-dawl u l-ħsieb jekk fl-istess ħin ma ninnutax ċerti sinjali li m’humiex tant sbieħ. Hemm sinjali li jagħtuni x’nifhem li l-poplu tagħna m’hux tant reliġjuż daqskemm jidher u li l-poplu ta’ Alla fil-gżira tagħna qed ikun ittentat li jagħmel ċerti għażliet li jħallu lil Alla fil-ġenb, biex ma ngħidx li anki jmorru kontra Alla.
Qegħdin nagħmlu l-festa ta’ San Ġwann il-Battista, festa antika ħafna fil-Knisja, għax wara li tiċċelebra t-twelid tal-Verġni Marija l-Knisja dejjem tiċċelebra t-twelid ta’ San Ġwann il-Battista. Għalkemm għandna ftit tagħrif fuq il-ħajja u l-ħidma tal-Battista hemm frażi fl-Iskrittura li lili tbeżżagħni. Lill-poplu Lhudi, li kien jiftaħar li huwa l-poplu ta’ Alla u li kellu ħafna attività reliġjuża, Ġwanni jsejjaħlu “nisel il-lifgħat”. Għaliex jgħidlu hekk? Il-lifgħa jew is-serp fil-mentalità tal-bniedem Bibliku u li jagħmel parti mill-istorja tas-salvazzjoni huwa s-sinjal tal-ħażen. Tiftakruh ir-rakkont tal-ħolqien fejn hemm dik il-ġlieda bejn il-bniedem u s-serp, u hemmhekk jirbaħ is-serp. Din ma kinitx ir-rebħa aħħarija, għax imbagħad ikun hemm ġlieda oħra bejn in-nisel ta’ dik il-mara, Kristu, u s-serp. Huwa hawnhekk li saret ir-rebħa assoluta fuq il-ħażin.
Imma meta Ġwanni lill-poplu jgħidlu “nisel il-lifgħat” huwa qed jgħidlu: “Iftħu għajnejkom għax intom fil-ħajja tagħkom qegħdin tagħmlu ċerti għażliet li huma iktar fuq in-naħa tas-serp milli fuq in-naħa ta’ Alla, għażliet li huma iktar tad-dlam milli tad-dawl”. Jien nittenta ngħid li jekk il-poplu tagħna m’hux nisel il-lifgħat sfortunatament qiegħed jitħajjar jersaq lejn din id-definizzjoni.
Għeżież tiegħi, hemm bżonn li lkoll kemm aħna noqogħdu attenti, għax donnu lejn din id-direzzjoni resqin, jiġifieri li aħna nikkwalifikaw bħala nisel il-lifgħat. Wieħed filosfu kontemporanju meta janalizza ftit il-ħajja tas-soċjetà fl-Ewropa jgħid: “Alla biss huwa dak li jista’ jsalva lill-bniedem u lis-soċjetà”. Huwa ma kienx qiegħed jgħid għal Għawdex u għal pajjiżna, imma naħseb li nistgħu dan il-kliem naddottawh għalina. Alla biss jista’ jsalva lill-poplu tagħna. Anki jekk din hija karba fid-deżert, bħalma kienet il-karba tal-Battista, aħna nemmnu li Alla biss jista’ jsalva lil dan il-poplu.
Sena Saċerdotali
U jien nixtieq naqsam magħkom konsolazzjoni kbira li għandi. Nhar il-Ġimgħa, festa liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Papa Benedittu XVI inawgura Sena Saċerdotali speċjali fil-Knisja kollha kemm hi. Mill-Ġimgħa li għaddiet sal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù tas-sena d-dieħla l-Knisja kollha sa tipprova trodd ħajr lil Alla għad-don tas-saċerdozju u tirrifletti biex ikollha għarfien aħjar ta’ min huwa s-saċerdot u fuq x’għandha tkun il-missjoni tas-saċerdot Kattoliku. Għaliex dan huwa motiv ta’ konsolazzjoni mhux biss għalija imma għalikom? Għax f’din is-sitwazzjoni li ppruvajt niddeskrivi jiena rrodd ħajr lil Alla talli ta lill-Knisja tiegħu d-don tas-saċerdozju.
Min huwa s-saċerdot? Is-saċerdot huwa dak li jkellimna f’isem Alla u li lilna jqarribna u jdaħħalna fil-preżenza ta’ Alla. Allura jekk dak l-għaref ta’ żmienna jgħid li Alla biss jista’ jsalva lis-soċjetà għandna nistennew li l-ministri ta’ Alla jgħinuna niskopru l-wiċċ ta’ Alla u jdaħħluna fil-misteru tiegħu. U hawn xi ħadd minnkom ma jaqbilx miegħi?
San Ġwann il-Battista figura qawwija tas-saċerdot
F’din il-festa ta’ San Ġwann nixtieq nirrifletti ftit magħkom fuq x’jista’ jgħidilna Ġwanni l-Battista fuq is-saċerdot. Sant’Wistin f’waħda mill-priedki li jagħmel jgħid li Ġwanni ma kienx is-saċerdot imma kien figura qawwija tas-saċerdot. Intom tafu li Ġwanni kien ġej minn familja tas-saċerdoti. Missieru Żakkarija kien jagħmel parti mill-klassi u mill-familja ta’ Abija. Meta twaqqaf is-saċerdozju tat-Testment il-Qadim kien hemm erbgħa u għoxrin klassi ta’ saċerdoti. Meta seħħ l-eżilju tal-Babilonja u s-saċerdozju daħal fi kriżi kien baqa biss erba’ familji, u waħda minnhom kienet il-familja li minnha kien jagħmel parti Żakkarija, il-familja ta’ Abija.
Is-saċerdozju ta’ żmien Ġwanni l-Battista
Smajna fil-Vanġelu kif propju meta l-anġlu jikkomunika l-aħbar lil Żakkarija fuq it-twelid ta’ ibnu Żakkarija kien qiegħed jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu fit-Tempju, fejn hemmhekk huwa kien qiegħed jagħmel l-offerta. Allura d-diskors fuq is-saċerdozju ma kienx ġdid għal widnejn Ġwanni l-Battista, u għalhekk ta’ min jistaqsi: X’wassal lil Ġwanni l-Battista biex għażel li ma jkomplix dak li kienet tista’ tgħaddilu l-familja u ma jkunx saċerdot bħal missieru? Jiena naħseb li d-diskors fuq is-saċerdozju kien għal qalb Ġwanni l-Battista, imma meta ra x’kien qed jiġri madwaru huwa għażel li ma jsirx saċerdot. Dan il-fatt lili u lilkom ukoll għandu jgħidilna xi ħaġa. Qegħdin nitkellmu fuq żmien meta s-saċerdozju tat-Testment il-Qadim li kien jifforma parti minnu Żakkarija ma tantx kien għaddej minn mument sabiħ, għax is-saċerdoti kienu llimitaw il-ħidma tagħhom għal dik tat-Tempju, u l-ħajja tat-Tempju ma kinitx tirrifletti t-twemmin veru tal-poplu ta’ Alla. Kienu joffru s-sagrifiċċju, imma kienet qima esterna u s-sagrifiċċji tagħhom kienu sagrifiċċji li m’għandhom l-ebda rifless fil-ħajja. Is-saċerdozju ta’ żmien Żakkarija kien saċerdozju mtebba’ għax dawk magħżula ma baqgħux fidili għas-sejħa tagħhom. Quddiem dan kollu Ġwanni l-Battista jagħmel għażla. Huwa jitfixkel quddiem din ix-xorta ta’ saċerdozju u allura jagħżel li jitlaq minn Ġerusalemm u jmur lejn id-deżert ma’ dik il-komunità tal-Esseni li xtaqu jippurifikaw ir-reliġjon u s-saċerdozju.
L-identità tas-saċerdot
Ġwanni l-Battista għandu jgħin mhux biss lilna s-saċerdoti imma lill-Knisja kollha kemm hi biex flimkien naraw x’inhi l-identità vera tas-saċerdot u x’inhi l-ħidma vera u propja tiegħu. Ħafna drabi s-saċerdot isib ruħu qed jagħmel ħidmiet li m’humiex tiegħu, u dan jiġri għax hekk iriduh in-nies u s-soċjetà. F’dan kollu s-soċjetà flok tkun qed tgħin lis-saċerdot tkun qed tfixklu, u tfixklu b’mod gravi hekk li jista’ jkun hemm min bħal San Ġwann il-Battista jkollu l-vokazzjoni naturali li jsir saċerdot imma jagħżel li jitlaq lil hinn mit-Tempju.
Mudell għall-qaddejja tal-Mulej
San Ġwann il-Battista jgħidilna iktar fuq min hu s-saċerdot, u dan b’mod pożittiv. Wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Origene, fil-priedka tiegħu fuq San Ġwann jgħid li “Ġwanni għandu jkun mudell għall-qaddejja tal-Mulej. Dak li ġie msejjaħ biex iħejji t-triqat, biex iwitti l-mogħdijiet għal Kristu u biex jaqdi lill-poplu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla għandu jkun il-mudell tal-qaddej”.
Karattru li ma jitħassar qatt
Meta Origene jitkellem fuq San Ġwannn bħala qaddej jiena niftakar f’dak li aħna s-saċerdoti nirċievu fl-ordinazzjoni saċerdotali. Is-saċerdot jirċievi dak li jissejjaħ il-karattru saċerdotali. Karattru jfisser xi ħaġa li ma titħassar qatt. Anki jekk wieħed iħalli minn saċerdot u ma jibqax jeżerċita s-saċerdozju, u jiġi ddispensat mill-vot taċ-ċelibat u allura jista’ jiżżewweġ, huwa jibqa’ saċerdot. Bl-ordinazzjoni nirċievu l-karattru bħalma nirċievu l-karattru fil-Magħmudija.
X’ifisser il-karattru? Il-karattru huwa dik il-marka li ssir fuq l-annimali jew anki fuq l-iskjav biex tagħżilhom li huma jappartienu lis-sid tagħhom. Illum m’għadniex naraw annimali fit-toroq, imma tifhmuni meta nagħtikom l-eżempju tal-annimali li jiġu meħuda għall-qatla. Huma kien ikollhom il-marka biex tagħżilhom u turi lil min jappartienu. Kien ikollhom il-karattru. Is-saċerdot għandu dan il-karattru għax huwa l-qaddej u l-iskjav tal-Kelma ta’ Alla.
Ġwanni l-Battista u l-marka indelibbli tas-saċerdozju
Meta Origene qiegħed jgħid li Ġwanni huwa eżemplari f’dak li huwa l-qadi lejn Alla u lejn il-bniedem qiegħed ifakkarna propju f’dan l-aspett hekk importanti fil-ħajja saċerdotali, jiġifieri li s-saċerdot għandu din il-marka indelibbli li tibqa’ fuqu għal dejjem. Huwa jaċċetta din is-sejħa biex ikun jista’ jibni relazzjoni intima ma’ Alla, ħalli mbagħad ikun jista’ jdaħħal f’relazzjoni ma’ Alla lil ħutu l-bnedmin. Huwa dan li għamel San Ġwann il-Battista meta qatta’ dak iż-żmien fid-deżert u ħalla l-grazzja ta’ Alla timmarkah u tagħtih il-karattru li jibqa’ ta’ Alla, anki jekk din l-għażla swietlu l-martirju. Huwa għażel li jkun ta’ Alla biex imbagħad jingħata kollu kemm huwa għall-bnedmin.
Dan huwa s-saċerdot Kattoliku. M’huwiex ħafif li aħna s-saċerdoti nerfgħu u nġorru din il-marka, imma jien konvint u persważ li l-poplu ta’ Alla mhux biss japprezza u jirrikonoxxi dan il-karattru saċerdotali tagħna imma wkoll jgħinna u joħloq ambjenti li jgħinuna biex ngħixu bil-fedeltà din is-sejħa tagħna.
“Vox Christi”
Sant’Wistin meta jitkellem fuq San Ġwann jgħid li huwa “vox Christi”. Imma biex seta’ jkun il-vuċi ta’ Kristu ried jagħmel spazju fil-ħajja tiegħu u f’qalbu biex fih tgħammar il-Kelma ta’ Alla, “Verbum Dei”. Kieku m’għamilx dan il-vuċi tiegħu kienet tkun vuċi vojta. Huwa laqa’ f’qalbu l-Kelma biex imbagħad seta’ jkun il-vuċi ta’ Kristu tgħajjat anki fid-deżert.
Għeżież tiegħi, din hija l-missjoni tas-saċerdot: li jkun “vox Christi”, il-vuċi ta’ Kristu fid-dinja tal-lum. Mhux biss huwa d-dmir tagħna s-saċerdoti li dejjem nagħmlu spazju f’qalbna biex il-“Verbum Dei” jgħammar fina u hekk kliemna ma jkunx kliem vojt, imma huwa wkoll fatt li l-poplu ta’ Alla jistenna minn għandna li aħna wwasslulu l-vuċi ta’ Kristu, il-Kelma ta’ Kristu.
Ħafna drabi s-saċerdot isib ruħu f’diffikultà għax x’ħin jiġi biex iwassal il-Kelma ġieli jsib widnejn magħluqa, min jixtiequ jitkellem mod ieħor u min ma jogħġbux dak li jgħid għaliex m’hux skond il-moda ta’ żminijietna. Ġwanni l-Battista ma ċediex għal dawn it-tentazzjonijiet u għal dan it-tfixkil. Bħal Ġwanni s-saċerdot tal-Knisja għandu jagħmel ħiltu kollha biex iwassal il-Kelma ta’ Alla bla biża’ quddiem dawn it-tentazzjonijiet. Dan huwa li intom għandkom tistennew mis-saċerdot u tgħinuh biex iwassal il-vuċi ta’ Alla u l-vuċi ta’ Kristu.
Ġwanni profeta li jindika lil Dak li kien preżenti
Kristu qal lin-nies ta’ żmienu: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?”. Kien qed jitkellem għal dawk li ħarġu jfittxu lil Ġwanni l-Battista. Qalilhom: “Xi ħriġtu taraw? Profeta? Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa minn profeta!”. Kif Ġwanni l-Battista kien profeta? Il-profeti Isaija, Ġeremija u Eżekjel kienu dawk li ħabbru f’isem Alla l-wegħdiet li kellhom jitwettqu. Il-profeti kienu dawk li kellhom jgħinu lill-poplu ta’ żmienhom jagħmel qabża fiż-żmien ħalli jistenna xi ħaġa li kellha titwettaq fil-futur. Imma Ġwanni x’profeta kien meta Kristu l-imwiegħed kien diġà preżenti hemmhekk? Il-missjoni ta’ Ġwanni bħala profeta kienet itqal minn tal-profeti l-oħra, għaliex ried jitlob lill-poplu ta’ żmienu ħalli jiftaħ għajnejh u mhux jistenna l-futur imma jara l-preżent, jara lil Kristu preżenti u li kien moħbi għall-għajnejn li kienu għomja. Ġwanni l-Għammiedi kellu missjoni ta’ profeta li kienet iebsa għaliex ried jgħin lill-poplu reliġjuż ta’ żmienu jeħles mill-indifferenza u jtajjar l-għabra li kienet qagħdet maż-żmien u li kienet qed tgħatti l-verità. Ġwanni l-Battista bħala profeta ried jgħin lill-poplu biex jirrikonoxxi lill-Iben ta’ Alla li kien preżenti fostu.
Kristu preżenti biex is-saċerdot jindikah u jwasslu lill-oħrajn
Din hija wkoll il-missjoni tas-saċerdot, u s-saċerdot jieħu sehem fil-missjoni ta’ Kristu bħala profeta. Bħal San Ġwann il-Battista s-saċerdot illum għandu missjoni li hija itqal minn tal-profeti tat-Testment il-Qadim, għaliex Kristu huwa preżenti imma moħbi. Kristu llum qiegħed hawn imma aħna għadna m’għarafniehx. Għalhekk jiġri ħafna drabi li s-saċerdot irid, f’ħinu u barra minn ħinu, jgħin lill-poplu ta’ Alla jirbaħ l-indifferenza, itajjar l-għabra li anki llum qed toqgħod u tgħatti l-verità, u jneħħi ċertu tagħlim żbaljat u jagħraf il-Vanġelu fl-awtentiċità tiegħu.
Magħmudija tal-Ispirtu
Ġwanni l-Għammiedi kien jgħammed, u għalhekk huwa l-Għammiedi, imma huwa stess jgħid: “Jiena ngħammidkom bl-ilma [tal-konverżjoni], imma warajja ġej wieħed li jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”. Il-missjoni tas-saċerdot hija missjoni li jgħammed, imma l-Magħmudija li jagħti s-saċerdot hija essenzjalment differenti minn dik ta’ Ġwanni l-Battista. Is-saċerdot illum ukoll bħal Ġwanni l-Battista jistieden għall-indiema u l-konverżjoni tal-qalb, li hija l-konverżjoni tal-istil ta’ ħajja li qegħdin naddottaw u ta’ ċerti ideat li qegħdin indaħħlu f’moħħna; imma jwettaq iktar minn hekk għax jgħammidna bil-Magħmudija tal-Ispirtu kif għallem Kristu. Is-saċerdot jgħaddilna l-Ispirtu s-Santu mhux biss fil-Magħmudija imma fis-sagramenti kollha li aħna niċċelebraw; fis-sagrament tal-Griżma, tal-Qrar, taż-Żwieġ, imma partikularment fis-sagrament tal-Ewkaristija. Kemm qegħdin napprezzaw dan id-don li jaslilna minn idejn Alla u minn idejn is-saċerdot? Forsi huwa frott il-familjarità żejda tagħna mas-sagramenti li m’għadniex niggustaw dan is-sens tas-sagru tagħhom, jiġifieri li huma strumenti li bihom Alla jgħaddilna l-Ispirtu tiegħu.
“Araw il-Ħaruf ta’ Alla”
Dawn huma ftit riflessjonijiet li xtaqt naqsam magħkom f’dan il-jum tal-festa ta’ San Ġwann il-Battista. Jalla anki aħna bħal Ġwanni l-Battista ngħinu lil dawk li għandhom sejħa għas-saċerdozju biex jimxu wara Kristu. Darba Ġwanni ra lil Ġesù ġej, u kellu tnejn mid-dixxipli tiegħu, li kienu Indrì u hemm min jgħid li l-ieħor kien Ġwanni jew Filippu, u qalilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. U ħeġġiġhom biex jimxu warajh.
Dan huwa li nappellalkom. Imqawwijin bl-eżempji u bit-tagħlim li ppruvajt naqsam magħkom fuq is-saċerdot fid-dawl tal-patrun tagħna San Ġwann il-Battista, jalla nfittxu li napprezzaw iktar il-missjoni tas-saċerdot Kattoliku, biex ikollna Knisja u familji li jgħinu u jiffavorixxu l-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali.
B’dan il-mod għalkemm Ġwanni lill-poplu ta’ żmienu qallu: “Inti nisel il-lifgħat”, imma ma qatax qalbu għax baqa’ jxandar il-Kelma biex dan il-poplu jikkonverti u jdur lejn Alla, hekk ukoll aħna s-saċerdoti bil-preżenza tagħna u bil-ministeru tal-predikazzjoni u l-qadi jirnexxilna nersqu lejn Alla u nsalvaw lilna nfusna.