Aqbeż għall-kontenut

San Publiju, il-Profeta ta’ Malta

X’jiswa li f’soċjetà jkollok nies kapaċi, arkitetti tajbin li jafu jibnu, amministraturi tajbin li jafu jamministraw, nies imħarrġin fil-finanzi u l-ekonomija, politiċi tajbin? Taħsbu intom li dawn li semmejt u oħrajn bħalhom huma biżżejjed biex jiggarantixxu li jkun hemm qafas soċjali tajjeb li jħares id-dinjità ta’ kull persuna? Kien hemm poplu ieħor, il-poplu Lhudi, li kellu bil-għadd nies ta’ ħila bħal dawk li semmejtilkom, għax verament kellu periti, amministraturi, organizzaturi u nies fil-kummerċ li kienu tajbin. Imma dan il-poplu ma kellux din il-garanzija, tant li sab ruħu kemm-il darba fl-eżilju u tturufnat. Tafu għaliex? Għax għalkemm kien imżejjen b’nies ta’ ħila kien jonqsu l-profeta, jiġifieri lil dak li jitkellem f’isem Alla, li jgħin biex l-għażliet u l-azzjonijiet li jagħmel il-bniedem, hi x’inhi l-karriera tiegħu jew tagħha, ikunu skond ir-rieda u l-ħsieb ta’ Alla. U meta l-poplu Lhudi ma tax widen għall-profeta allura kkundanna lilu nnifsu u sab ruħu fl-iskjavitù.

Publiju l-profeta li wassal il-vuċi ta’ Alla

Jiena nipprova naqra fil-ħajja u fis-soċjetà tagħna dik in-nisġa li nagħmlu minnha aħna lkoll. Hija soċjetà li għall-grazzja t’Alla hi mżejna b’ħafna li għandhom ħiliet kbar, imma jien nibża’ li qed ngħixu fi żmien fejn jekk hemm profeta dan huwa msikket, jew inkella li nistgħu wkoll niftaqru mill-preżenza tal-profeta. Qed ngħid dan għaliex meta nirrifletti fuq il-ġrajja ta’ Missierna San Pawl fostna, ġrajja minsuġa flimkien mal-istorja ta’ Publiju l-prinċep ta’ din il-gżira, jien nara l-bniedem mogħni b’ħafna kwalitajiet u talenti, u nara l-bniedem li kien jaħkem u jorganizza l-ħajja soċjali imma li kien fuq kollox il-bniedem profeta. Meta nġib quddiem għajnejja lil Pawlu jagħmel lil Publiju l-ewwel isqof tal-komunità Kristjana li huwa waqqaf f’dawn il-gżejjer jien ma nistax ma nilmaħx f’San Publiju l-ewwel profeta li wassal mhux il-vuċi tiegħu imma l-vuċi ta’ Alla, ħalli seta’ jsawwar mhux biss lill-Knisja imma wkoll lis-soċjetà tagħna.

Jien nistħajjel lil Pawlu jgħid lil Publiju dak li l-Appostlu jgħid lil Timotju, li kien ukoll responsabbli mill-Knisja ta’ Efesu. X’jgħidlu lil Timotju? Pawlu jsemmilu l-profeziji u jgħidlu: “Jalla inti tissaħħaħ f’dawn il-profeziji u twassal il-profezija lill-Knisja ta’ Efesu”. Naħseb li ma nkunux nitbiegħdu mill-verità jekk aħna ngħidu li Pawlu lil Publiju jesprimilu l-istess ħsieb u xewqa: “Ftakar fil-profeziji u ħalli l-profeziji jagħġnuk biex inti tkun il-profeta ta’ dan il-poplu”. Pawlu fl-ewwel ittra lill-Korintin jgħidilhom lill-Kristjani: “Tħeġġu għal doni kbar, l-ewwel fosthom id-don tal-profezija, għax min għandu d-don tal-profezija jqawwi, iħeġġeġ u jgħallem”. Jekk Pawlu jesprimi din ix-xewqa lill-komunità ta’ Korintu ma setax jonqos milli huwa jesprimi wkoll l-istess xewqa lill-komunità li huwa waqqaf f’pajjiżna, partikularment lil dak li huwa ħalla biex ikun il-gwida, il-profeta tal-Knisja u ta’ dawn il-gżejjer.

Iva, għeżież tiegħi, f’din il-festa partikulari – għaliex qed tiġi ċċelebrata fis-Sena Pawlina – dan huwa l-ħsieb li nixtieq nafdalkom biex tirriflettu fuqu u titħeġġu ħalli nassiguraw li fost il-ħafna ħiliet li nixxenqu għalihom u nitħabtu biex ikollna fil-qafas tas-soċjetà tagħna ma nittraskurawx li jkollna dan il-ministeru profetiku.

Il-profeta jitkellem f’isem Alla

X’jagħmel il-profeta? Il-profeta huwa dak li jitkellem f’isem Alla. Il-profeta huwa dak li jfakkar lill-poplu li ħafna drabi l-ħarsa tiegħu hija lejn l-art, u jgħidlu: “Erfa’ rasek ’il fuq għaliex hemm Alla”. Il-profeta llum jgħid mhux biss li hemm Alla imma li t-triq li jrid jimxi l-bniedem ħalli jiżgura li jkollu l-paċi u l-prosperità hija t-triq indikata minn Kristu. Il-profeta huwa dak li bil-Kelma jħabbar lil Kristu u l-Bxara t-Tajba tiegħu. Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Korintin jgħid: “Lili l-Mulej ma bagħatnix biex ngħammed imma biex inxandar il-Vanġelu”. Pawlu l-profeta jħossu mibgħut mhux biex jiċċelebra s-sagramenti imma biex iħejji lill-bniedem ħalli jiltaqa’ ma’ Kristu fis-sagramenti permezz tal-Kelma.

Insensibbiltà għall-vuċi ta’ Alla

Għeżież tiegħi, qegħdin ngħixu f’epoka meta xi wħud qed isiru insensibbli għall-vuċi ta’ Alla u oħrajn qed jagħlqu widnejhom għaliha. Qegħdin ngħixu f’epoka meta naħsbu li tant għandna kapaċitajiet li nistgħu ngħaddu mingħajr Alla u allura li nistgħu ngħaddu mingħajr il-profeta.

Il-profeta jindika t-triq ta’ Alla

Min huwa l-profeta? Il-profeta huwa dak li jagħmel kuraġġ u li jagħmel il-qalb lill-bniedem, speċjalment meta jkun qed jgħix f’mumenti tad-dlam u fl-eżilju. Hekk għamel il-profeta mal-poplu Lhudi u hekk jagħmel il-profeta mal-poplu ta’ Alla llum. Pawlu lil Timotju jgħidlu: “Ftakar li huwa Alla li jsalva u ħabbar li l-ħelsien veru ġej minn għand Alla”. Hija din il-Bxara t-Tajba illi quddiem kull xorta ta’ terremot u ta’ dlam timla l-qalb tal-bniedem bit-tama u bil-kuraġġ, ħalli jagħraf jegħleb dak li qed jostakolah fil-mixja tiegħu.

Il-profeta li jiddenunzja d-dnub

Il-profeta huwa dak li mhux biss jitkellem f’isem Alla, mhux biss jindika t-triq ta’ Alla, imma jiddenunzja dak li huwa ħażin u dak li huwa dnub. Forsi llum il-ġurnata qegħdin nitilfu dak li huwa s-sens tad-dnub u qed ngħixu fi żmien meta hawn l-eklissi tad-dnub. Tant huwa hekk li kollox sar permess, kollox sar jiswa u kollox jista’ jgħodd għall-bniedem, mingħajr ma nfittxu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin, x’inhu dak li jgħodd u dak li ma jgħoddx. Allura llum aktar minn qatt qabel hija meħtieġa l-vuċi profetika li tiddenunzja d-dnub.

Publiju jiddenunzja mhux biss id-dnub persunali imma wkoll dak strutturali

Hekk naħseb li għamel Publiju fil-ministeru tiegħu bħala ragħaj tal-komunità Kristjana fil-bidu tagħha. Ma kienx żmien faċli, għaliex huwa ried joħroġ lil dik il-komunità minn era li kienet bla Alla u li ma kellhiex sens tad-dnub. Imma l-profeta, għax iħabbar u jitkellem f’isem Alla, jgħin lill-bniedem filwaqt li jimtela bit-tama, imma jagħraf ukoll x’inhuma n-nuqqasijiet u l-għażliet ħżiena tiegħu.

Il-profeta mhux biss jiddenunzja d-dnub persunali imma wkoll id-dnub strutturali, id-dnub ta’ dawk l-istrutturi li hemm fis-soċjetà li, kif isejħilhom il-Papa Ġwanni Pawlu II, “huma magna li tipproduċi l-ħażen”. U intom taħsbu li fis-soċjetà tagħna aħna tant onesti li m’għandniex dnubiet strutturali? Tafu x’jonqosna? Jonqosna l-profeti illi f’isem Alla jkollhom il-kuraġġ u l-qawwa li jiddenunzjaw dan id-dnub.

Il-profeta u l-purifikazzjoni tal-kult

Għeżież tiegħi, il-vuċi tal-profeta hija meħtieġa wkoll għall-purifikazzjoni tal-kult u tar-reliġjon tagħna. Smajnieh l-ewwel qari meħud mill-profeta Isaija, li jipprova jiftaħ għajnejn il-poplu Lhudi, li kien għami fuq it-Tempju, u jgħidlu li m’hux it-Tempju li jgħodd imma li jiftakar fl-armla u fl-iltim. M’hux it-Tempju li jgħodd imma li jagħti x’jiekol lil min huwa bil-ġuħ, li jlibbes lil min huwa għarwien. Jiena naħseb li llum għandna bżonn ukoll din il-vuċi profetika li tgħinna nippurifikaw ir-reliġjon tagħna, li hija tant għażiża għalina; li aħna nippurifikaw dawk iċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu imma li mhux dejjem huma għall-glorja ta’ Alla. Għandna bżonn, għalhekk, dik il-vuċi profetika li tgħinna nsaħħu dan il-kult tagħna ħalli, filwaqt li nagħtu tassew qima u ġieħ lil Alla l-Imbierek, ma nagħlqux għajnejna quddiem il-ħtiġijiet tal-bniedem, hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Profeti foloz

Il-vuċi tal-profeta hija meħtieġa u urġenti iktar u iktar meta jkun hemm profeti foloz, għax m’hemmx gwaj ikbar min dak ta’ meta xi ħadd jippreżenta lilu nnifsu bħala l-profeta mingħajr ma huwa l-profeta veru, u allura jkun ta’ xkiel u jħawwad l-imħuħ u l-kuxjenzi. Nagħtikom it-tema tal-familja bħala eżempju. Illum min huwa l-profeta li jitkellem fuq iż-żwieġ u l-familja kif ħalaqhom Alla l-Imbierek? Għandna diversi li jippreżentaw lilhom infushom bħala dawk li jfasslu l-ħajja u l-istil tal-ħajja tal-koppja u tal-familja, imma issa jiġi minna li niddixxernu liema huwa l-profeta veru li qed jitkellem f’isem Alla, kif kien il-profeta Publiju għaż-żmien tiegħu; u meta nqis il-kuntest Ruman żgur li Publiju kellu jkun profeta li jitkellem f’ħinu u barra minn ħinu fuq x’inhuma ż-żwieġ u l-familja.

Għeżież tiegħi, dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom illum. Inħoss l-urġenza u l-bżonn li aħna jkollna min, bħal Publiju l-ewwel profeta tagħna, illum ikompli jgħinna nsibu dak li jrid Alla minna. Min jista’ jkun dan il-profeta?

Il-profeti ta’ żminijietna: vuċi profetika għall-poplu

Alla l-Imbierek iżejjen lill-poplu tiegħu billi jieħu minn fostu xi wħud ħalli jservuh: qed nitkellem fuq il-ministri tiegħu, is-saċerdot Kattoliku li għandu din ir-responsabbiltà li, wara li jkun għaraf u fittex x’irid Alla mill-bniedem, huwa jipprova bl-imħabba kollha, imma fl-istess ħin b’rispett lejn il-verità, iwasslilna x’irid Alla minna l-bnedmin. U llum ma nistax ma nsellimx lil dawn ħuti fis-saċerdozju, Dun Victor u Dun Pawl. Insellem lis-saċerdoti kollha, imma lil dawn it-tnejn b’mod partikulari, għaliex illum qegħdin jiċċelebraw l-erbgħin sena tas-saċerdozju tagħhom. U jien irrid nittama li matul dawn l-erbgħin sena u matul is-snin li l-Mulej ser iżżejjinkom bihom intom tagħrfu tkunu l-vuċi profetika għal dan il-poplu.

Imma anki intom, għeżież tiegħi, ħuti Kristjani, imżejna b’dan id-don. Il-Knisja kollha hi mżejna bil-vuċi tal-profeta, għaliex il-Magħmudija li aħna rċivejna u li tagħmilna ġisem wieħed daħħlitna partiċipi fil-ministeru ta’ Kristu s-Sultan, is-Saċerdot u l-Profeta. Lilna lkoll tagħmilna kapaċi, biex kull wieħed u waħda minna, fiċ-ċirku tiegħu jew tagħha, ma nibżgħux inkunu vuċi profetika fid-dinja tal-lum.

Il-ħlas tal-profeta

Fl-Iskrittura hemm dak li jissejjaħ il-ħlas tal-profeta. Tafu x’inhu dan il-ħlas tal-profeta fl-Iskrittura? Il-ħlas huwa li meta l-profeta jitkellem f’isem Alla, u kliemu jkun skomdu u ma jintgħoġobx, huwa jitwarrab, jiġi emarġinat, insultat u kkalunjat.

Jekk aħna verament irridu nkunu partiċipi f’din il-missjoni ta’ Kristu l-Profeta ma nistgħux nippretendu li dan ma jkunx ukoll il-ħlas tal-profeta llum. Imma dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. F’soċjetà lajka bħalma hija s-soċjetà tagħna huwa urġenti illi Alla jieħu ċ-ċentralità tiegħu. Imma biex dan iseħħ hemm bżonn il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna, u hemm bżonn li fuq l-eżempju ta’ San Publiju, li kien l-ewwel profeta fin-nazzjon tagħna, u bl-interċessjoni tiegħu aħna nixxenqu u nitħabtu biex ilkoll kemm aħna nkunu vuċi profetika li tista’ tiggarantixxi li l-mixja li qed tagħmel is-soċjetà tagħna tkun mixja li tassew tħares id-dinjità ta’ kull persuna li hemm fiha.

pdf · 79.68 KB Niżżel