Seminarju Missjunarju
F’dawn il-mumenti quddiem Ġesù Ewkaristija, il-festa tal-lum fl-okkażjoni tal-mija u ħamsin anniversarju tas-Seminarju tagħna għandha tmiem sabiħ! Illejla nistħajjel li kien hemm eku ta’ din iċ-ċelebrazzjoni fl-Awstralja, Toronto, New York, New Jersey, Baton Rouge, il-Perù, il-Gwatemala, il-Brażil, l-Ingilterra, l-Iran, Spanja, Ruma, l-Iskozja, Wales u pajjiżi oħra.
Tafu għaliex? Għax fil-kurituri u l-kmamar ta’ dan is-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù trawmu żgħażagħ li saru saċerdoti u llum jinsabu fil-missjoni. Dan is-Seminarju dejjem kellu viżjoni missjunarja, u nixtieq li din il-viżjoni tibqa’. Nixtieq li niktbu fuq il-ħajt ta’ dan is-Seminarju li dan huwa seminarju missjunarju.
Niftakru fil-kmand li ħallielna Ġesù: “Morru fid-dinja kollha xandru l-Vanġelu”. Din hija sfida kbira, sabiħa u stimulanti. Jekk ningħalqu – sew bħala individwi u sew bħala Knisja partikulari – inkunu nagħmlu suwiċidju. Niftakru li Knisja li tagħti, tirċievi ħafna lura.
Għalhekk f’din il-ġurnata speċjali nħeġġeġ lil dawk li qed iħossu s-sejħa għas-saċerdozju biex jinnamraw mal-ideali missjunarji; lil dawk responsabbli mill-formazzjoni fis-Seminarju, biex jgħinu lis-seminaristi jiftħu orizzonti fuq il-Knisja universali; lill-poplu ta’ Alla biex jitlob ħalli l-ispirtu missjunarju jibqa’ jimla dan is-Seminarju tagħna.