Setgħa biex Taqdi
Bħalma fil-belt ta’ Kafarnahum kien hemm ferħ kbir għax Ġesù żar lil dik il-belt, ħa tifraħ illum il-komunità parrokkjali tan-Nadur għaliex saċerdot ta’ Kristu, li jagħmel preżenti lil Kristu llum, daħal uffiċjalment fostkom. Dan għandu jkun il-motiv tal-ferħ u tal-festa li qegħdin nagħmlu, għax il-Mulej reġa’ ġie jżurna fil-persuna ta’ ħija fis-saċerdozju Dun Jimmy Xerri.
Jien immeditajt ftit fuq dan il-vanġelu li tħabbrilna u nara li hemm ċerti ideat illi jistgħu jdawluna, għażiż ħija Dun Jimmy, f’din l-okkażjoni tal-bidu tal-ministeru tiegħek bħala ragħaj tal-Knisja preżenti fin-Nadur.
Kafarnahum: il-belt ta’ Ġesù
L-ewwel nett aħna nafu li Ġesù ma kienx minn Kafarnahum. Ġesù ġie minn Nazareth, imma mbagħad San Mattew jgħidilna li Kafarnahum saret il-belt tiegħu. Mela Ġesù, għalkemm mhux minn Kafarnahum, ladarba l-ministeru tiegħu poġġieh f’dik il-belt, huwa sar wieħed minnhom, daħal fil-kultura ta’ dik il-belt u sar sieħeb magħhom.
Għażiż Dun Jimmy, l-oriġni tiegħek m’hijiex min-Nadur, imma l-ministeru li jiena fdajtlek poġġiek f’dan ir-raħal, u jiena persważ li inti diġà sirt wieħed minnhom. Inti tifhem li trid tinkarna lilek innifsek fin-Nadur, inti tifhem li trid toqgħod in-Nadur ħalli tkun qrib ta’ din il-merħla u ħalli tifraħ u tibki magħhom. Il-belt ta’ Kafarnahum kienet belt partikulari minħabba li kienet f’salib it-toroq ta’ ħafna nies ġejjin minn hawn u minn hemm. Kienet belt li kellha kultura mżewqa: kien hemm diversitajiet fi ħdanha. Kien hemm pluralità ta’ ħidmiet u ta’ mentalitajiet, u Ġesù inkarna ruħu f’din il-belt.
Jiena nara fin-Nadur xebh ma’ Kafarnahum: mhux biss meta tikkunsidra r-realtà tagħkom kif inhi llum, meta hawn diversi membri li ġejjin minn postijiet diversi u li l-provenjenza tagħhom hija varja, imma meta tikkunsidra li din il-parroċċa hija waħda mill-aktar li – minħabba ħutna l-emigranti – għandha rabtiet ma’ kulturi, stili ta’ ħajja u mentalitajiet differenti. U allura din hija karatteristika oħra li jiena nara f’Kafarnahum u anki fin-Nadur, li fiha trid tikkwalifika l-appostolat u l-ministeru tiegħek.
Id-dar ta’ Pietru f’Kafarnahum
Imbagħad intom tafu li f’Kafarnahum kien hemm id-dar ta’ Pietru, li mbagħad saret domus ecclesiæ – dar-knisja. Għażiż Dun Jimmy, ma stajtx tiġi f’parroċċa isbaħ minn din tan-Nadur biex issib mhux biss id-dar ta’ Pietru imma d-dar ta’ Pietru u Pawlu, u dan jimpenjak biex fil-ministeru tiegħek, f’kollobarazzjoni mas-saċerdoti u mal-lajċi, inti tittrasforma din id-dar ta’ Pietru u ta’ Pawlu fi Knisja (ecclesia), komunità ta’ Kristu.
Iċ-ċenturjun ta’ Kafarnahum
Għeżież tiegħi, jiena nara element ieħor fil-vanġelu li jdawwal il-ministeru tal-arċipriet tagħkom. Kristu kien disponibbli, kellu l-ħin, stajt tersaq għandu x’ħin ridt, kien jispira fiduċja, tant illi jmur quddiemu wieħed ċenturjun u jgħidlu: “Fid-dar għandi qaddej li huwa mixħut, mifluġ u batut”.
Għażiż Dun Jimmy, jiena nara u nisma’ f’din il-komunità diversi li jistgħu jersqu għandek u jgħidulek: “Arċipriet, fid-dar għandna min huwa mifluġ, għandna min huwa mixħut u min huwa batut”. M’iniex ngħid biss għal dawk li għandhom il-morda fid-dar, u allura jsofru tbatija fiżika, u li minn dawn hawn numru mhux żgħir; għax kif qalli l-Arċipriet hawn iktar minn mija li s-saċerdoti jqarbnuhom fid-dar! Imma jien qed ngħid li hemm mard ieħor, hemm xi ħaġa oħra li qed tifleġ lid-dar u lill-familji ta’ dan il-poplu. Hawn min qed jgħidlek: “Ejja d-dar, għax għandna min huwa mifluġ bil-piżijiet tal-ħajja”, “Ejja d-dar, għax għandna min huwa mixħut taħt it-tagħbija morali tal-ħajja”, “Ejja d-dar tagħna, għaliex hawn min huwa mgħobbi b’mard psikoloġiku, għax huwa nieqes mill-imħabba”.
Għażiż Arċipriet, jiena nawguralek li bħal Kristu lilek ikunu jistgħu jilħquk, li inti tkun disponibbli, li jkollok il-ħin, li jkollok is-sabar u li inti tkun ta’ dawn in-nies. Għalhekk il-Mulej sejħilna, u jalla inti tkun ta’ dan il-poplu u li huma ma jsibuhiex bi tqila, la biex isibuk, la biex ikellmuk u lanqas biex jiftħu qalbhom miegħek.
U min-naħa tiegħek, għażiż Jimmy, jiena nistenna dik it-tweġiba li ta Ġesù liċ-ċenturjun. Jiena naf li inti dan diġà għamiltu u ser tkompli tagħmlu billi tkun viċin ta’ dawn il-familji, billi inti żżurhom fid-dar u fil-familja tagħhom, ħalli hemmhekk inti wkoll b’xi mod tgħinhom itaffu t-tbatija.
“Id-dar għandi qaddej marid”
Innutaw li min mar jgħid lil Kristu: “Id-dar għandi qaddej marid”, ma kienx Lhudi, ma kienx wieħed li jiffrekwenta t-Tempju. Kien ċenturjun, Ruman, pagan, wieħed imbiegħed mill-komunità, wieħed minn dawk li kienu jaħkmu, u allura xejn ma kien gustuż għal-Lhud. Kien midneb, għax kien impur. U allura anki għalik, f’din l-apertura li għandu jkollok u li għandu jkollna aħna bħala rgħajja lejn kull bniedem, mhux biss dawk li huma tal-qrib jew tal-qalba imma anki dawk li bħaċ-ċenturjun, għal xi raġuni jew oħra, forsi huma ’l bogħod, biex ma ngħidx inqatgħu mill-komunità, dawk ukoll għandhom d-dritt li jiksbu l-fejqan.
“Għid biss kelma waħda u l-qaddej ifiq”
B’liema mediċina sejjer tfejjaq? Ir-risposta jagħtihielek iċ-ċenturjun li lill-Mulej qallu: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol fid-dar tiegħi, iżda għid biss kelma… Għid din il-kelma tiegħek, u l-kelma tiegħek għandha qawwa li tfejjaq”. U dan huwa importanti, biex ma ngħidx essenzjali, għall-ministeru tiegħek u tagħna bħala rgħajja: li aħna nxandru l-Kelma, li aħna nwasslulkom il-Kelma ta’ Alla, kif spjegajtlek fid-digriet tal-ħatra tiegħek li nqralek illum, u kif qal Pawlu lil Timotju: “f’ħinha u barra minn ħinha”. Uża l-Kelma ta’ Alla biex tagħmel kuraġġ, biex tqajjem lil dan il-poplu u jekk hemm bżonn tikkoreġih. Hawn qiegħda l-mediċina: li inti tapplika ħajtek biex ixxandar il-Kelma u biex tgħallem f’isem Kristu lill-bniedem tal-lum.
Imbagħad iċ-ċenturjun lil Kristu, f’dik il-parabbola li rrakkontalu, qallu: “Jiena nagħraf is-setgħa tiegħek”. U jiena ngħidlek li anki din il-Knisja preżenti hawn tagħraf is-setgħa li għandek, mhux is-setgħa tad-dinja imma s-setgħa li ġejja mill-ministeru u mill-ordianzzjoni presbiterali teigħek, li ġejja mill-uffiċċju li l-Knisja qiegħda tafdalek. Uża din is-setgħa mhux biex taħkem imma biex taqdi iktar u biex tgħinhom ħalli jfiqu.
Jiena persważ li l-arċipriet tagħkom ma kellux bżonn din ir-riflessjoni li qiegħed nagħmel, imma anki intom ħarsu lejh b’dawn l-għajnejn. Dan huwa l-arċipriet tagħkom, illi bħal Kristu lest li jiġi għandkom, lest illi bil-kelma tiegħu jgħinkom ħalli tfiqu u biex tiksbu s-saħħa, mhux biss is-saħħa fiżika imma s-saħħa morali u spiritwali tagħkom.
Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam miegħek, imdawwal mill-vanġelu li tħabbrilna llum. L-istudjużi jgħidulna li b’dan il-miraklu bdiet l-evanġelizzazzjoni barra miċ-ċirku ta’ ġewwa tal-Lhud. Jiena nawguralek li b’din il-Quddiesa u b’din it-talba li qed nagħmlu llejla, imsaħħaħ mill-għajnuna u l-patroċinju tal-Patruni ta’ din il-komunità, l-Appostli Pietru u Pawlu, inti ssib iktar kollaboraturi li jgħinuk twettaq din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, ħalli lkoll nifirħu bil-fejqan li jagħtina Kristu.