Aqbeż għall-kontenut

Soċjetà li Għandha Bżonn Missier

Il-festa li qed nagħmlu llum lil San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, tfakkarni fir-rwol u l-missjoni tal-missirijiet u tal-ġenituri tagħna – għax meta nirreferi għall- missirijiet inkun qed nifhem ukoll l-ommijiet. Aħna dak li aħna għax twelidna f’familja u sibna “żewġ anġli” li kkurawna, ħabbewna, akkumpanjawna u sawruna! Jgħaddi minn qalbi dan is-sentiment ta’ apprezzament għal dak kollu li l-missirijiet tal-bieraħ u tal-lum iwettqu b’riżq uliedhom.

Is-sens qawwi ta’ individwaliżmu ta’ żminijietna qed iwassal biex ikollna “soċjetà mingħajr missier”. Fit-tentattiv tiegħu biex ikun awtonomu u jikseb iktar libertajiet, il-bniedem qed jipprova jinfatam mill-“missier”. Dan il-proċess iħalli effett fuq l-imġiba morali peress li, kif jgħid Freud, hemm rabta bejn il-kuxjenza morali tal-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-“missier”. Jekk il-bniedem għandu kuxjenza ta’ x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, dak aħna nafuh lis-sehem tal-missier fil-ħajja tagħna. B’missier nifhmu mhux biss dak bijoloġiku, imma dawk kollha li joffru s-servizz tal-awtorità f’kull qasam tal-ħajja – fl-oqsma familjari, ċivili u reliġjużi.

Veru li meta nitkellmu dwar San Ġużepp bħala missier aħna npoġġuh fi klassi għalih, għaliex huwa “il-missier putattiv” ta’ Ġesù, fis-sens illi Ġesù twieled minn Marija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u Ġużeppi sab ruħu f’din l-istorja biex joffri l-kenn patern lil dan it-tifel; imma jekk Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, daqshekk ieħor kien bniedem. Ġesù wkoll kellu bżonn il-figura tal-missier ħalli jgħinu jikber fil-kuxjenza umana tiegħu. Huwa kellu bżonn il-figura ta’ xi ħadd fl-awtorità kif suppost huwa l-ġenitur għall-ulied biex dawn jirriferu lejh bħala dak li għandu l-awtorità li jpoġġiha għas-servizz ta’ wliedu u jgħinhom jikbru.

Għalhekk meta nirrifletti dwar Ġużeppi, filwaqt li napprezza l-ħidma u d-dedikazzjoni tal-missirijiet (u l-ġenituri), nitħasseb ukoll għall-fatt li llum qed tissawwar “soċjetà mingħajr missier”, kif isejħulha dawk illi janalizzaw is-soċjetà tal-lum. Is-soċjetà tagħna f’Għawdex mhix ħielsa minn dan il-kurrent. Fostna qed jonfoħ riħ li qed jipprova jqaċċat u jtajjar il-figura tal-missier – mhux biss il-missier f’sens bijoloġiku, imma l-missier fis-sens wiesa’ tal-kelma. B’missier qed nifhem dawk kollha li aħna nħarsu lejhom biex jindikawlna direzzjoni. B’missier qed nifhem dawk kollha li aħna għandna bżonnhom biex jgħinuna nsawru l-kuxjenza tagħna u biex din il-fakultà li hemm f’kull bniedem biex jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin ma tinqeridx. Tant aħna mexjin f’din id-direzzjoni ta’ mingħajr missier, illi l-livell ta’ moralità qed jitbaxxa u donnu kulma jmur qed tiżdied il-mentalità li xejn mhu xejn u li wieħed jista’ jagħmel dak kollu li jaqbillu. Għalhekk f’din ir-rikorrenza, meta l-komunità parrokkjali qed tirrifletti dwar San Ġużepp, nixtieqkom tirriflettu ftit dwar x’qegħdin nagħmlu biex aħna nsostnu l-figura tal-missier, jekk mhux ukoll biex nagħtu lura l-figura tal-missier lis-soċjetà!

B’missier l-ewwel nett qed nifhem il-missier bijoloġiku – dak li tana l-ħajja. Ma noqogħdux ninħbew wara subgħajna: irridu nammettu li llum il-preżenza fiżika tal-missier u anki tal-omm saret skarsa għall-ulied. Il-preżenza tal-ġenituri qed titnaqqar. M’iniex ngħid min għandu tort ta’ dan. Kont qed naqra artiklu fuq is-soċjetà fl-Amerika u jgħid li llum il-missirijiet m’għandhomx iktar minn għaxar minuti kuljum għal uliedhom. Imbagħad jgħid li fis-seklu l-ieħor, fir-Russja l-missirijiet kienu jgħaddu sigħat jitkellmu ma’ wliedhom. Naħseb li mhemmx għalfejn wieħed imur l-Amerika u lanqas ir-Russja, għax l-adulti tagħna faċli jagħmlu ftit tal-paragun kemm il-missirjiet l-anzjani kienu preżenti għal uliedhom. Sfortunatament l-impenji professjonali fid-dinja tax-xogħol u xi drabi anki l-istess bżonn tal-familja wasslu biex għandna wlied “orfni” minn missierhom! Spiss jiġri li meta l-figura tal-missier tkun nieqsa, l-ulied ifittxu figura li tissostitwixxi lill-missier, imma dawn mhux dejjem ikunu l-aħjar għażliet. Dan ifisser kemm il-figura tal-missier fil-familja hemm bżonn li napprezzawha iktar, l-istess kif Ġużeppi kien preżenti għal Ġesù fil-ħajja tiegħu.

Imbagħad hemm missier ieħor: il-Missier tas-Sema. Ġużeppi huwa l-missier putattiv għaliex Ġesù mhux “tiegħu” – Ġesù mhux iben naturali ta’ Ġużeppi. F’ċertu sens anki l-ġenituri tagħna huma ġenituri putattivi! Huwa minnu li llum il-mentalità qed tinbidel u hemm ġenituri li tant “jippossedu” l-ħajja li mhux biss akkost ta’ kollox ikunu jridu “jiksbu” wild, imma jemmnu li jistgħu jkunu selettivi dwar liema ħajja jaċċettaw u liema hija dik li jeqirdu! Dan jikkonferma li qegħdin inwarrbu l-figura tal-Missier Etern. Il-ġenituri “tagħna” huma ġenituri putattivi mhux għaliex aħna m’aħniex frott tal-imħabba tagħhom, imma aħna nemmnu li l-bniedem għandu wkoll ruħ u huwa Alla l-Ħallieq li jagħti l-ispirtu jew ir-ruħ lill-bniedem. Il-bniedem mhux il-proġett tal-ġenituri tiegħu, imma huwa l-proġett ta’ Alla; u għal kull bniedem Alla l-Missier ħejja disinn li l-bniedem isib it-twettiq tiegħu biss jekk jagħraf u jwettaq dan il-proġett ta’ Alla.

Barra minn hekk, Alla l-Missier huwa dak li nduru lejh u jgħinna biex niksbu s-sens ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Huwa Alla l-Imbierek, il-Missier tagħna lkoll, li fil-kuxjenza tagħna u bil-kelma ta’ Ġesù Kristu jagħtina d-dawl biex ikollna l-kapaċità li nagħżlu l-veru mill-falz, it-tajjeb mill-ħażin. Huwa fatt li llum hemm min jidhirlu li jista’ jgħaddi mingħajr il-Missier. Dan l-aħħar, meta l-President tar-Repubblika għamel forum biex in-nazzjon tagħna jirrifletti fuq il-Kostituzzjoni, li hija l-aqwa liġi li toffri l-qafas lil ġensna, ġie wieħed barrani, l-eks-Ambaxxatur Amerikan il-Prof. Douglas Kmiec, li azzarda jissuġġerixxi li l-Kostituzzjoni tagħmel riferenza għal Alla l-Ħallieq tal-Univers. Kif ħarġu għalih dawk li jridu “soċjetà mingħajr missier”! L-esperjenza u l-fatti jitkellmu waħidhom, għax min qatel lill-“Missier” imbagħad joqtol lill-ulied – min warrab lil Alla wasal biex warrab lill-bniedem! Kif jgħid Dostoevskij fil-ktieb tiegħu L-Aħwa Karamazov, jekk Alla ma jeżistix, kollox hu permess! Għalhekk il-figura ta’ San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, għandha ddawwalna biex nirriflettu u niddeċiedu li nsaħħu l-preżenza ta’ Alla l-Missier jekk mhux ukoll irroddu lura lil uliedna fi ħdan il-Missier.

Qed ngħixu f’epoka fejn kull sura ta’ awtorità mhix rikonoxxuta u lanqas aċċettata. Jekk illum l-awtorità hija fi kriżi, dan nafuh lill-għażla li għamilna meta fassalna soċjetà li tbarri lill-“missier”. Il-missier huwa kull min għandu xi għamla ta’ responsabbiltà. Fil-familja l-awtorità tal-ġenituri hija mhedda. Għadda ż-żmien meta l-missier jgħid kelma u l-ulied joqogħdu għaliha. Mhux fil-familja biss l-awtorità hija mhedda. Dan ninnutawh ukoll fl-istituzzjonijiet ċivili, bħalma jiġri fl-iskejjel, fil-konfront mal-forza tal-ordni, u l-bqija. Għamla ta’ nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità hija l-eklissi tal-legalità fejn il-Liġi tinkiser fid-dawl tax-xemx. Hemm min l-awtorità jagħtiha bis-sieq u jaħseb li jista’ jgħaddi mingħajrha. Konsegwenza ta’ dan hemm id-diżordni, il-konfużjoni u l-anarkija. Ġieli jidhru xi konsenturi anki fil-binja tal-Knisja, għax anki hawnhekk l-awtorità xi kultant hija meqjusa bħala żejda, bħal fil-każ meta l-Insara ma joqogħdux għad-duttrina tal-Knisja jew meta ma jkunux doċli għat-tmexxija tar-ragħajja. Kif osserva tant tajjeb dan l-aħħar il-Papa Benedittu XVI, id-diżubbidjenza mhix it-triq li tista’ ġġib it-tiġdid fil-Knisja.

Huwa fatt li l-kriżi tal-awtorità hija marbuta ma’ kriżi oħra: il-kriżi tal-verità oġġettiva. Skond San Tumas ta’ Aquino, l-awtorità mhix poter imma servizz lil dawk li huma taħt l-awtorità biex jilħqu t-twettiq tagħhom infushom – għajnuna biex il-bniedem jilħaq l-iskop ta’ ħajtu. Għalhekk min huwa mgħobbi bil-piż tal-awtorità huwa fid-dmir li jmexxi lil dawk dipendenti minnu biex jersqu lejn is-sewwa. Imma propju għaliex il-mentalità relattivista ta’ żminijietna u s-sens qawwi ta’ suġġettiviżmu jissagrifikaw il-verità oġġettiva, mhux biss l-awtorità tbattlet minn kull fundament. Imma xi drabi hija l-istess awtorità li ċċedi quddiem din il-pressjoni biex tissodisfa l-istint uman, u għaldaqstant l-awtorità ssir theddida għaliha nfisha għax tinża’ mill-awtorità tagħha.

“Missier” ieħor li llum qed jiġi skartat huwa s-saċerdot Kattoliku, li bl-Ingliż insejħulu “father”u bit-Taljan “padre”. Kif jgħallem San Ġwann Kriżostmu, huwa s-saċerdot li jnissilna spiritwalment permezz tas-sagramenti, partikularment meta nirċievu l-Magħmudija. Niftakar dak li jikteb San Pawl: “Jien nissiltkom fil-ħajja tal-fidi permezz tal-Evanġelju”. Is-saċerdot jeżerċita l-paternità tiegħu b’mod partikulari bil-Kelma li jxandar – mhix il-kelma tiegħu imma hija l-Kelma tal-Missier li wasslilna Kristu. Hija l-kelma li Ommna l-Knisja tafda lill-ministri tagħha. Fost ir-rwoli tas-saċerdot hemm il-ministeru speċifiku ta’ “spiritual father” jew “padre spirituale” fejn fid-dawl tal-Kelma li taslilna mingħand Alla jgħinna nfasslu ħajjitna skond id-“disinn” maħsub minn Alla għalina. Is-saċerdot direttur spiritwali jdawlilna l-kuxjenza biex l-għażliet tagħna jkunu jaqblu mar-rieda ta’ Alla. Imma llum ftit huma dawk li jħossu n-nuqqas tal-missier spiritwali! Mhux ta’ b’xejn li, peress li m’għandniex is-sostenn ta’ dan il-missier, meta niġu biex nagħmlu l-għażliet tagħna nsibu rwieħna mitlufin fil-vojt għax ma nafux x’inhu t-tajjeb u l-ħażin!

Filwaqt li ntenni l-apprezzament tiegħi għall-missirijiet, għal dawk li huma mgħobbija b’xi responsabbiltà u awtorità, għas-saċerdoti li joffru dan is-servizz ta’ paternità lilna llum, inħeġġiġkom biex fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp tagħtu s-sehem tagħkom biex ma jkollniex la wlied u lanqas soċjetà nieqsa mill-missier.

pdf · 71.29 KB Niżżel