Soċjetà li Tilqa’ l-Ħajja
Huwa tassew providenzjali li fid-Djoċesi għandna d-Dar Ġużeppa Debono li bil-ħidma li twettaq favur il-ġenituri mhux miżżewġa li qed jistennew tarbija kif ukoll favur il-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf, qiegħda tippromovi l-kultura favur il-ħajja umana. Jekk din il-ħidma kienet valida dejjem, hija meħtieġa ħafna llum meta f’pajjiżna qed nisimgħu b’vuċijiet orkestrati favur l-abort.
L-argumenti favur it-terminazzjoni tal-ħajja tal-bniedem fil-ġuf huma fake news jew parti mill-post truth culture.
Qabelxejn, soċjetà li taċċetta l-abort hija soċjetà omiċida, għaliex kull meta bniedem inaddaf il-ġuf billi jneħħi l-ħajja ta’ tarbija, huwa jkun qed joqtol persuna. Kif ifisser Tertulljanu, li wieħed ma jħallix tarbija titwieled huwa “omiċidju antiċipat”. Min hu favur l-abort għandu l-ardir jgħid li lest li joqtol persuna biex isalva oħra! Fi kliem il-Papa Franġisku, “din hija mafja” (17 ta’ Frar 2016). Ma hemm ebda raġuni jew skuża li tiġġustifika l-qtil dirett tal-bniedem. Hija tassew anomalija li filwaqt li d-dinja tad-dritt qed tawgura li l-gwerra tiġi deleġittimizzata, fl-istess nifs trid li l-abort jiġi leġittimizzat.
L-abort mhux biss huwa ksur gravi tal-liġi naturali, imma wkoll tal-kodiċi deontoloġiku tat-tabib. Fil-fatt, kull tabib jagħmel ġurament li juża l-professjoni medika tiegħu esklussivament biex jiddefendi l-ħajja u li qatt ma jagħmel atti li deliberatament jikkawżaw il-mewt tal-bniedem. Meta tabib jintalab jagħmel abort, huwa jkun jikser din il-wegħda. X’fiduċja jibqgħalna f’tabib li jxellef il-ġurament li jkun ħa?
Ħasra li qed ngħixu f’epoka ta’ dittatura tad-drittijiet, fejn dak kollu li l-bniedem jixtieq jew irid, qed isejjaħlu dritt ċivili. Minħabba l-attitudni populista, dawn il-psewdodrittijiet qed isibu l-approvazzjoni.
Il-problema serja tal-abort klandestin ma tissolviex billi nillegalizzaw dan il-qtil, imma billi jittieħdu miżuri soċjali li jindirizzaw dawk il-kawżi li minħabba fihom l-omm tħossha kkundizzjonata li toqtol lil binha/bintha fil-ġuf.
F’dan il-kuntest:
inħeġġeġ lid-Dar Ġużeppa Debono biex tkompli xxandar li l-ħajja umana mill-bidu tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha hija sagra u invjolabbli. “Jekk titmermer din il-konvinzjoni, ma jifdalx pedamenti sodi u permanenti għall-ħarsien tad-drittijiet umani, li jispiċċaw dejjem suġġetti għall-konvenjenzi li jinbidlu skont il-bżonn ta’ min ikun fil-poter” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 213);
inħeġġiġha tkompli toffri kenn, akkomadazzjoni u għajnuna lix-xebba-omm li qed tistenna tarbija. Xi drabi n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni jista’ jkun motiv li jwassal lill-omm tikkunsidra li tneħħi t-tarbija mill-ġuf;
nirrakkomanda li d-Dar toffri servizzi ta’ counselling offruti minn nies esperti fil-materja lil dawk li jinqabdu b’tarbija li ma tkunx ippjanata jew b’tarbija li tkun djanjostikata li mhix b’saħħitha, biex ma jkunux ittentati li jirrifjutaw lill-wild tagħhom. Dan is-servizz tajjeb jingħata wkoll lil dawk l-ommijiet tqal li jkunu ddeċidew li jagħmlu abort, bit-tama li dawn jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom;
nirrakkomanda li d-Dar tkompli toffri tagħrif u tagħlim dwar is-sesswalità umana, partikularment lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Is-sesswalità hija dimensjoni umana profonda li ma nistgħux nilagħbu magħha. Għalhekk l-edukazzjoni sesswali hija xi ħaġa serja ħafna. Tqassim b’xejn tal-kontraċettivi jimplika viżjoni miopika u parzjali;
nirrakkomanda li d-Dar toffri akkumpanjament terapewtiku u spiritwali wkoll lill-ommijiet li jkunu għamlu abort. Għalkemm ikunu għamlu għażla żbaljata li qatt ma nistgħu napprovawha, dawn għandhom jiġu maħbuba, irrispettati u megħjuna biex it-tbatija tagħhom ma toktorx.