Aqbeż għall-kontenut

Spirtu li Joħloq mill-Ġdid

Għalkemm fina u madwarna hemm diversi affarijiet illi jaħbtu jaqtgħulna qalbna, iltqajna flimkien illejla biex nagħmlu din it-talba u nsejħu fuqna l-Ispirtu s-Santu, ħalli jekk dħalna hawn bi qlubna mbeżżgħa u maqtugħa, noħorġu deċiżi li qatt m’għandna llissnu espressjoni bħal din: “Qtajt qalbi”.

“Qtajt qalbi minni nnifsi”… Kemm hawn minna jaqtgħu qalbhom minnhom infushom u jieqfu f’nofs ta’ triq. Qatt ma ngħidu li qtajna qalbna mill-familji tagħna. Veru li nisimgħu aħbarijiet suwed dwar ħutna miżżewġin, imma aħna llejla jrid ikollna l-qawwa li ngħidu li aħna għadna nemmnu li huwa possibbli ngħixu ż-Żwieġ, u ż-Żwieġ Nisrani fil-familja. Xi drabi naqtgħu qalbna minn ċerti relazzjonijiet ta’ bejnietna, forsi wkoll relazzjonijiet li ilhom miksura s-snin, u ngħidu: “M’hemmx ċans nirranġaw”. Aħna rridu nsibu l-qawwa biex ngħidu li ma nistgħux naqtgħu qalbna. Xi darba ċerti sitwazzjonijiet fil-ħajja soċjali tagħna, ċertu għawġ li naraw madwarna, mhux ftit jaqtgħalna qalbna! Ma nkunux nafu fejn ser naqbdu nagħtu rasna. Imma aħna, il-komunità Nisranija, illejla, hawn u kullimkien, għandna raġun ngħidu li, iswed kemm huwa iswed ix-xefaq, aħna qegħdin naraw futur, li għada hemm futur aħjar anki għas-soċjetà tagħna. Xi drabi anki fil-Knisja tara ċerti affarijiet – jew jien nara ċerti affarijiet li ma tarawhomx intom – hekk li taħbat taqta’ qalbek. Imma llejla intom u jien flimkien irridu ntennu l-konvinzjoni illi għandna motiv biex nagħmlu kuraġġ, ħalli jkollna Knisja ġdida, Knisja “Pentekostali”.

“U minn fejn ser inġibu din il-qawwa?”, nistħajjilkom tgħiduli. L-Ispirtu s-Santu – li Kristu bagħat u għadu jibgħat fuq il-Knisja u fuqna lkoll – huwa Spirtu li lilna jagħtina qawwa li tisboq il-ħila, il-kapaċitajiet u t-talenti naturali tagħna. Kieku jiddependi minna, kieku jien l-ewwel wieħed li naqta’ qalbi, imma għaliex aħna nemmnu li f’Għid il-Ħamsin Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li smajna diversi drabi dwaru llejla fil-qari, dak l-Ispirtu Santu għandu jimlina b’qawwa, determinazzjoni u fiduċja li m’hemm xejn li ma jistax isir b’Alla magħna. Temmnu inti dan jew le?

Il-Vanġelu u l-Atti tal-Appostli, l-aħħar żewġ siltiet li smajna llum, meta jitkellmu dwar l-esperjenza tal-ewwel Għid il-Ħamsin, naqraw li Kristu jonfoħ in-nifs tiegħu. L-Atti jitkellmu fuq nirien, u dan tafu fiex ifakkarni? Ifakkarni fin-nifs ta’ Alla, li nefaħ fil-bidu tal-ħolqien meta ħoloq u ra li kollox kien sew. Alla ra li kollox kien tajjeb u sabiħ, u meta Kristu jerġa’ jonfoħ fuqna n-nifs tiegħu aħna rridu nemmnu li ħolqien ġdid huwa possibbli, anki jekk is-sinjali li naraw quddiemna jgħidulna xorta oħra.

Iva, irridu nemmnu li n-nifs ta’ Alla, l-Ispirtu ta’ Alla, qiegħed magħna biex, jekk aħna nikkoperaw miegħu, ikollna art ġdida u smewwiet ġodda. Aħna kapaċi jkollna bnedmin imġeddin, fejn allura jien u int niġġeddu; realtajiet ta’ ħajja miżżewġa u ta’ ħajja familjari ġdida; relazzjonijiet ta’ bejnietna mġeddin; soċjetà b’wiċċ aktar uman; Knisja mġedda, u f’din il-Knisja nġeddu l-ministeri fi ħdanha. Hux illejla nġbarna biex nitolbu wkoll għas-saċerdoti f’din is-Sena Saċerdotali? Irridu nemmnu li bis-sehem tagħna lkoll huwa possibbli li jkollna saċerdozju ministerjali mġedded. Aħna kapaċi jkollna komunitajiet parrokkjali mġeddin, ħolqien ġdid. Temmnu inti dan?

U fil-Vanġelu jiena nintwixxi s-soluzzjoni, jew aħjar iċ-ċavetta li jagħtina Kristu biex aħna ma naqtgħux qalbna, inkunu preżenza pożittiva, u nikkontribwixxu għal ħolqien ġdid fis-sens wiesa’ tal-kelma. Tafu fejn hu? Meta Kristu, nhar l-Għid, lill-Appostli, wara li nefaħ fuqhom u tahom l-Ispirtu s-Santu, qalilhom: “Id-dnubiet li intom taħfru jkunu maħfura”. Mela l-preżenza ta’ dawk li huma mimlijin bl-Ispirtu hija preżenza li teħodha kontra d-dnub. Il-preżenza tagħna fid-dinja tal-lum trid tkun preżenza ta’ Nsara li jagħmlu ħilithom, mhux biss biex ma jaqgħux fid-dnub, partikularment id-dnub il-mejjet, imma biex jeħduha kontra d-dnub fid-diversi forom tiegħu.

U kif neħodha kontra d-dnub? Kieku l-atteġġjament faċli li jiġina tafu x’inhu? Li nikkundannaw, li naqtgħu minn magħna lil min huwa dgħajjef, jew forsi lil min huwa stinat fil-ħajja tad-dgħufija. Imma jiena ma narax u ma naħsibx li l-madat li Kristu ta lid-dixxipli tiegħu kien li naqtgħu lil xi ħadd minn magħna. “Aħfru d-dnubiet”… Mela fejn hemm id-dnub kunu intom li tnisslu l-grazzja, fejn hemm il-kruha tad-dnub kunu intom li tlibbsu mill-ġdid bil-ġmiel, fejn hemm il-ferita mdemmgħa tad-dnub kunu intom, mhux li ċċarrtu l-ferita imma li titfgħu d-duwa, li tikkuraw dawk il-ġerħat, li tfejqu.

Qed taraw x’inhi l-attitudni tan-nies li qed jgħixu Għid il-Ħamsin! Filwaqt li niftħu għajnejna quddiem il-preżenza ta’ dak li huwa ħażin, irridu nkunu preżenza fid-dinja li tikkumbatti l-ħażin u d-dnub billi xxandar il-Bxara t-Tajba, billi tlaqqa’ lill-bniedem mal-grazzja. U forsi xi ħadd jgħidli: “Imma dan possibbli? Ma taqtax qalbek quddiem din l-isfida?”. Jien intennilkom dak li għidtilkom fil-bidu: li llejla aħna rridu noħorġu minn hawn qawwijin bl-Ispirtu s-Santu, u ngħidu li nemmnu li bid-dnub – huwa kemm huwa dnub, kbir kemm huwa kbir, antik kemm huwa antik – Alla jista’ u jrid jużana biex ngħinu lill-Knisja tinfatam mid-dnub tagħha.

U minn fejn ġabu l-qawwa d-dixxipli biex setgħu jifhmu dak li Ġesù qalilhom: “Irċievu l-Ispirtu s-Santu u ġġieldu kontra d-dnub”? It-tweġiba qiegħda f’dak li jgħid San Ġwann: “Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej”. Hekk smajna fil-Vanġelu. Jiena nħoss li l-komunitajiet tagħna mhumiex preżenza li tagħmel differenza għall-aħjar f’kull qasam tal-ħajja soċjali u ekkleżjali, għaliex aħna neqsin minn din l-esperjenza li naraw lill-Mulej. Aħna lill-Mulej ma nfittxuhx biżżejjed biex induqu l-benna u t-tjubija tiegħu. Nikkuntentaw ruħna s’issa, bil-laqx u bil-frak. Għalhekk forsi aħna komunità li taqta’ qalbha.

U kif nistgħu naraw lill-Mulej? F’din is-sena pastorali aħna pproponejna, ħeġġiġna u għadna nħeġġu biex nagħmluha iktar mal-Kelma. U allura saru diversi proposti fid-djoċesi tagħna għal dik li hija l-katekeżi tal-adulti, biex ma ngħidx l-evanġelizzazzjoni tal-adulti! Intom stess tistgħu tikkonfermawli x’esperjenzi sbieħ nibtu fil-komunitajiet tagħna, fejn irġiel u nisa bdew jiltaqgħu ħalli jiċċelebraw il-Kelma, ħalli hemmhekk jaraw lill-Mulej u jduquh. U din l-esperjenza għandna nkompluha, anki jekk is-sena pastorali hija riesqa lejn it-tmiem tagħha; għandna nkomplu naħdmu fuqha, insaħħuha, u fejn sar ftit jew ma sar xejn jiena nappella biex ma nitilfux din is-sena tal-grazzja.

Imma nistgħu wkoll naraw lill-Mulej u nimtlew bil-qawwa biex neħduha kontra d-dnub jekk ikollna liturġija iktar ferriħija, iktar bis-sens, li mhix teatrin – aħna hemm u intom hemm –, liturġija bis-sehem ta’ kull membru tal-komunità. U qed nitkellem partikularment dwar l-Ewkaristija tal-Ħadd, li għal ħafna hija l-uniku mument fejn jistgħu jaraw lill-Mulej u jifirħu. Dan huwa proġett għas-sena d-dieħla fil-pjan pastorali. Inħeġġiġkom biex tikkoperaw mal-kappillani tagħkom u mas-saċerdoti biex naraw x’nistgħu nagħmlu ħalli jkollna tassew liturġija ċelebrattiva, biex l-Ewkaristija ma tkunx biss sodisfazzjon ta’ obbligu imma tkun mument sabiħ fejn aħna nistgħu ngħidu: “Kemm huwa sew li aħna hawn!”, u dan fil-preżenza tal-Mulej Ġesù. Ejjew ma nħallux dan il-mument jaħarbilna! Jiena sinċerament inħoss li r-riforma liturġika li talbet minna l-Knisja permezz tal-Konċilju Vatikan II għamilna xi ħaġa dwarha, imma għadna ftit ’il bogħod, u hemm passi ’l quddiem x’nagħmlu flimkien biex ikollna liturġija li lilna tentużjażmana, tagħtina charge spiritwali, u terġa’ tqajjem fina d-don tal-Ispirtu, ħalli noħorġu hemm barra u noħolqu xi ħaġa ġdida.

Imbagħad, jekk aħna fid-dawl tal-Vanġelu qegħdin ngħidu li Kristu lill-Appostli mimlijin bl-Ispirtu bagħathom biex jaħfru d-dnub, liema esperjenza tisboq il-qdusija tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, il-Qrar? U anki dan huwa objettiv, wieħed mill-għanijiet tal-pjan pastorali tas-sena d-dieħla, li aħna rridu nistudjaw flimkien u naraw x’hemm bżonn isir biex tassew il-Qrar ikun mument fejn aħna nħossuna meħlusin; għax xi darba tidħol għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u toħroġ qalbek maqtugħa iktar minn kif tkun dħalt! Din ir-riflessjoni rridu nagħmluha mhux biss aħna s-saċerdoti, li aħna l-ministri tar-Rikonċiljazzjoni, imma flimkien, speċjalment f’dawk il-gruppi fi ħdan il-komunità parrokkjali fejn hemm is-sehem tagħkom il-lajċi, ħalli naraw x’irid minna l-Ispirtu ta’ Alla f’dawn iż-żminijiet, biex hekk is-sagrament tal-Qrar ikun tassew forġa li taħraq id-dnub, mhux biss id-dnubiet personali imma wkoll id-dnubiet soċjali u komunitarji tagħna.

Għalhekk illejla jiena ngħidilkom: Taqtgħux qalbkom! Emmnu li l-Ispirtu ta’ Alla l-Missier huwa Spirtu li joħloqkom mill-ġdid, u ħalluh jibgħatkom, kif Kristu qal lill-Appostli: “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom”. Hekk il-Knisja tibgħat lilkom ilkoll l-imgħammdin, kulħadd skond il-ministeru u s-sejħa partikulari tiegħu, biex tkunu preżenza fil-Knisja u fid-dinja li ġġib it-tiġdid, Knisja li tagħti raġuni ħalli l-bniedem tal-lum ma jaqtax qalbu, imma jkun jista’ jqiegħed pedamenti aħjar għall-futur tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

pdf · 72.95 KB Niżżel