Storja ta’ Mħabba lejn il-Madonna
L-ewwel nett insellem lir-Rettur minn hawnhekk, li ma setax ikun hawn, u żgur li xtaq ikun hawn wara l-biċċa xogħol kbir li ħadem, mhux biss il-pubblikazzjoni imma fuq kollox ir-restawr tal-Kwadru. U flimkien mar-restawr tal-Kwadru, id-devozzjoni kollha li hemm marbuta miegħu, għax fl-aħħar mill-aħħar hu verament kwadru artistiku, li jiġbor fih l-istorja ta’ tradizzjoni, ta’ kultura, imma jiġbor fih ukoll id-devozzjoni ta’ missirijietna: storja ta’ mħabba lejn il-Madonna.
Nixtieq nirringrazzja immensament lil dawk kollha li ħadmu mhux biss għall-produzzjoni tal-ktieb, imma għar-restawr ta’ dan il-kwadru. Erġajtu tajtuh l-isplendur li forsi ż-żmien, bil-mod il-mod, għatta u ċajpar. Imma fl-istess waqt, meta terġa’ tiskopri s-sbuħija u d-dettalji ta’ dan il-kwadru li forsi maż-żmien ġew mgħottija u li iktar jikxfu storja, din l-istorja mhix biss storja ta’ arti imma fuq kollox nemmen ħafna li hija storja ta’ fidi.
Dan il-kwadru, fi kliem il-Kardinal Mario Grech, huwa ‘ikona’ li nemmen fermament li jinsab sal-ġurnata tal-lum preżenti f’kull familja Għawdxija u naħseb ukoll Maltija. U mhux biss familji Għawdxin u Maltin li jgħixu f’pajjiżna, imma wkoll li jgħixu barra minn pajjiżna. Ġieli kelli x-xorti li nkun is-safar, b’mod speċjali f’pajjiżi fejn hemm l-emigranti tagħna, u tara mill-ewwel il-Kwadru jew xi sinjal li jfakkar f’Ta’ Pinu.
Jiena nemmen li dan l-att artistiku professjonali li sar permezz tar-restawr tal-Kwadru, u permezz ta’ din il-pubblikazzjoni għat-tixrid ta’ dak li sar b’mod xjentifku, jista’ jikkontribwixxi u jkompli jħeġġeġ fina, Maltin u Għawdxin, l-imħabba lejn din l-Omm tagħna tas-Sema.
Il-ġenju Umberto Galimberti, psikoanalista u filosfu Taljan, jgħid li l-problemi kbar tad-dinja ta’ żmienna joriġinaw fid-diffikultà u l-kriżi, mhux tal-paternità kif qed jingħad dan l-aħħar, imma tal-maternità. Iċċajpret għalkollox il-figura tal-omm. U jien nagħmel mistoqsija u nieqaf biha: jistax ikun li l-inċertezzi u l-insikurezzi li għaddejja minnhom il-Knisja bħalissa huma wkoll frott ta’ ċpar fejn tidħol il-figura tal-Omm tagħna tas-Sema? Jistax ikun li aħna u niskopru lill-Omm tagħna tas-Sema, niskopru aktar lil Binha Ġesù, insiru nafu aktar min aħna u kemm aħna importanti fl-għajnejn ta’ Alla?
Grazzi, u verament nawgura li dan il-ktieb ikun jista’ jixtered, biex id-devozzjoni lejn l-Omm tagħna tas-Sema tkompli għall-ġid fuq kollox tal-ulied.