Triq Ġdida
Fid-dawl ta’ ħafna mill-interventi li saru fis-Sinodu tal-Isqfijiet matul din il-ġimgħa u fil-linja tal-intervent li diġà għamilt fil-jiem li għaddew, nemmen li fix-xhur li ġejjin il-Knisja Kattolika għandha tfittex “triq ġdida” għal dawk il-miżżewġin feruti li jixtiequ jgħixu fi Knisja li “mhix dwana, [imma] id-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu”. Il-Knisja dan tista’ tagħmlu wkoll billi tistudja bis-serjetà l-prassi tal-Knejjes Ortodossi vis-à-vis id-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu.
Il-Knejjes Ortodossi kollha jħaddnu l-prinċipji tal-indissolubbiltà u tal-unità taż-żwieġ. Ngħid li jemmnu aktar minna l-Kattoliċi li l-ewwel żwieġ, li għalihom hu l-uniku żwieġ sagramentali, hu etern u ma jispiċċax lanqas bil-mewt. Fil-fatt, b’mod ġenerali, il-Knejjes Ortodossi jpoġġu t-tieni unjoni jew żwieġ li jidħlu fihom dawk li huma divorzjati fuq l-istess livell tat-tieni unjoni jew żwieġ li jidħlu fihom dawk li huma romol. Waqt li jħaddnu l-ideal qaddis tal-Vanġelu, b’saqajhom ankrati mal-art, dawn il-Knejjes jafu wkoll li fil-vjaġġ uman tal-ħajja, iż-żwieġ sagramentali u etern jgħaddi minn diversi maltempati. Fil-fatt, minkejja li hu etern, f’diversi każi jispiċċa jegħreq u “jmut” permezz ta’ ċirkustanzi bħalma huma l-mewt naturali ta’ waħda mill-partijiet, il-vjolenza domestika, l-adulterju, u fatturi oħra.
Quddiem din it-traġedja umana li ġġib ħafna sofferenza u qtigħ ta’ qalb, il-Knejjes Ortodossi japplikaw il-prinċipju tal-oikonomia biex jagħtu ċans mill-ġdid lil dawn il-persuni u ma jħalluhomx jegħrqu – jew, biex nużaw il-kliem tal-Appostlu Pawlu, “jinħarqu” (ara 1 Kor 7:9) – għal kollox flimkien maż-żwieġ tagħhom. Madankollu, il-Knejjes Ortodossi jqisu t-tieni jew tielet rabta li titbierek mill-Knisja bħala waħda penitenzjali u mhux sagramentali, peress li l-ewwel żwieġ biss hu sagramentali u etern.
Fit-Tradizzjoni Ortodossa, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-oikonomia tixxebbah mal-flessibbiltà li titħaddem b’għaqal fl-arti tan-navigar. Tixbah lill-prattika għaqlija ta’ dak il-kaptan li, meta jinqabad bil-ġifen tiegħu barra fil-maltemp u fil-mewġ, jew meta jgħaddi minn ċerti postijiet kollha sikek moħbija, flok ma jwebbes rasu u b’riġidità jibqa’ jsalpa ’l quddiem fl-istess direzzjoni li kellu f’moħħu u bl-istess saħħa tas-soltu, jagħraf ikun flessibbli u jitlaq it-tmun f’ċerti mumenti, inaqqas is-saħħa tal-moviment tal-ġifen u jarmi t-tagħbija li mhix importanti biex fl-aħħar mill-aħħar, minkejja dawk l-ostakli kollha, jirnexxielu jsalva l-ġifen u dik it-tagħbija l-aktar prezzjuża.
F’kelma oħra, permezz tal-prassi tagħhom mibnija fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-oikonomia, il-Knejjes Ortodossi donnhom sabu dak il-bilanċ li s-Sinodu tal-Isqfijiet jixtieq isib: bilanċ bejn il-ġustizzja u l-ħniena ta’ Alla; bejn ir-rispett lejn l-ideal tar-regola u r-rispett lejn il-ġrajja u l-karba tal-persuna konkreta; bejn l-attenzjoni għall-kliem ta’ Kristu u l-attenzjoni għall-imġiba profetika u kontroversjali tiegħu quddiem il-liġi u l-midinbin; bejn il-legaliżmu fundamentalista li jpoġġi s-Sibt qabel il-bniedem (ara Mk 2:27) u r-relattiviżmu morali li jarmi kollox il-baħar; bejn l-ittra u l-ispirtu tal-liġi; bejn ir-rwol tal-Knisja bħala Għalliema li twiddeb u bħala Omm li ddewwi; bejn in-neċessità ġuridika tal-Knisja li tirregola l-foro esterno tar-realtà taż-żwieġ u n-neċessità spiritwali tal-fidili li jerġgħu jwaqqfu għaqda mal-Knisja.
Din il-perspettiva ġdida għandha għeruqha fil-verità li l-ġustizzja ta’ Alla mhix imsejsa fuq dik umana. Kuntrarju għat-twemmin komuni, il-ġustizzja ta’ Alla mhix kastig imma ħniena. Il-ħniena hi l-oppost tal-kastig. In-natura tal-ġustizzja ta’ Alla hi l-ħniena u l-maħfra. Kif jafferma tant tajjeb il-Papa Franġisku, “m’hemmx limitu għall-ħniena li Alla joffri lil kulħadd”.
Dan l-għarfien profodn tan-natura ta’ Alla żgur li jista’ jgħin lill-Knisja tagħti tweġibiet ġodda lil dawk li, minħabba s-sitwazzjoni kritika taż-żwieġ tagħhom, ikollhom jerfgħu tagħbija spiritwali, umana u soċjali xejn ħafifa.
B’din il-viżjoni, il-Knisja tissokta tibqa’ fidila lejn il-bxara t-tajba ta’ Kristu dwar iż-żwieġ. Imma sadattant, permezz tal-imħabba kollha ħniena hi tesprimi mill-ġdid l-għożża u l-attenzjoni tagħha għal dawk id-divorzjati li jinsabu fit-tieni ‘żwieġ’ u tgħinhom ikomplu jterrqu l-vjaġġ ta’ ħajjithom. Din il-“pastorali kreattiva” min-naħa tal-Knisja żgur li tiswa biex nistgħu nakkumpanjaw lill-persuni ta’ rieda tajba li jridu “joħolqu mill-ġdid” il-ħajja tagħhom.
✠ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex