Aqbeż għall-kontenut

Tweldilna l-Ħellies

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-soċjetà qiegħda dejjem tiddandan bil-kisbiet tal-libertà. Il-libertà hija l-ogħla ġid li jista’ jkollu l-bniedem, tant li kien hemm persuni u popli li taw ħajjithom għaliha. Il-libertà tant saret valur importanti fil-kuxjenza nazzjonali tagħna li llum għandna istituzzjoni statali bil-mandat li ġġib ’il quddiem il-libertajiet ċivili.

Imma minkejja l-kisbiet li saru fir-rigward tal-libertà, nistaqsi jekk illum aħniex verment ħielsa aktar milli konna lbieraħ.

Fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni hu akkwist li ċ-ċittadin għandu d-dritt jesprimi l-ħsieb tiegħu mingħajr biża’ ta’ ċensura; imma mbagħad hemm min f’isem il-libertà tal-kelma jħoss li jista’ jfieri lil ħaddieħor b’dak li jgħid jew jikteb. Bħal donnu l-gidba, il-kalunnja, in-nofs verità għandhom dritt daqs is-sewwa.

Illum nitkellmu fuq is-suq ħieles. Dan issarraf f’soċjetà aktar ġusta, jew min hu bla kuxjenza jisloħ billi jgħolli l-prezzijiet kemm irid; u min jiflaħ, ibaxxi l-prezzijiet biex ikisser liż-żgħir? Il-kummerċ ħieles ifisser li min jiflaħ iħawwel u min ma għandux jikkrepa? Hekk f’isem is-suq ħieles, id-distanza ta’ bejn min għandu u min ma għandux qiegħda dejjem tikber.

Fil-qasam tax-xjenza, ix-xjenzati għandhom il-libertà li jagħmlu r-riċerka u l-esperimenti. Jekk dan il-ftuħ wassal għal kisbiet li huma ta’ fejda għall-bniedem, huwa minnu wkoll li x-xjenza taf timmanipula u tissagrifika l-ħajja umana.

Interessanti li l-ħassieb Jean-Paul Sartre jgħid li l-bniedem huwa kkundannat biex ikun ħieles. Dostoevsky jiddeskrivi l-libertà bħala “fardal tqil”. Għax hemm ir-riskju li meta l-libertà nifhmuha ħażin, issir ħabel li flok ma jservi biex il-bniedem joħroġ minn qagħdiet miżeri, iservi biex il-bniedem jitgħallaq bih! Fih x’wieħed jomgħod il-kumment ta’ kittieb kontemporanju li jgħid li “l-libertà saret il-qalba tal-problemi tal-modernità”.

Sartre jgħid li l-libertà tista’ tkun kundanna għaliex il-bniedem ikun ħieles skont kif jeżerċita r-rieda ħielsa tiegħu. Ir-rieda ħielsa (libero arbitrio) hija fakultà umana riskjuża, għax meta l-bniedem jiġi biex jagħmel l-għażla, huwa jsib ruħu f’salib it-toroq fejn ikollu jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-veru u l-falz. Ikun tassew ħieles il-bniedem li jirnexxilu jagħmel għażliet tajbin fis-sens li jkunu għażliet li jaqblu ma’ dak li huwa veru, tajjeb, sabiħ u ġust – fi kliem ieħor, ma’ dak li jaqbel mad-dinjità umana tiegħu. Jekk għall-kuntrarju huwa jagħmel għażla żbaljata, huwa jġib il-kundanna fuqu nnifsu u fuq l-oħrajn. Libertà li hija suġġetta għall-iżball mhix libertà.

Anki meta l-bniedem jagħżel it-tajjeb, xorta ma jkunx ħieles għalkollox. Fil-fatt, il-bniedem iħossu tassew ħieles meta jissodisfa x-xewqat tiegħu. Li nkunu ħielsa jfisser li nagħmlu dak li jidher li jogħġobna. Imma huwa fatt li l-bniedem qatt ma jissodisfa lilu nnifsu kompletament. L-esperjenza tagħna stess tixhdilna li għalkemm inkunu wettaqna ħafna mix-xewqat tagħna biex inħossuna ħielsa, jibqa’ l-fatt li ngħaddu minn waqtiet fejn inħossuna insodisfatti. Dan nistgħu narawh kemm fuq livell personali u kemm kollettiv. Fil-fatt, wieħed kif jista’ jispjega li minkejja li ksibna tant libertajiet, hawn ċertu unrest fis-soċjetà?

Il-bniedem ikun ħieles tassew meta r-rieda tiegħu tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ dak li jissodisfaha totalment, fis-sens li wara li tkun għamlet din l-għażla, ma tħossx il-ħtieġa li tfittex xi ħaġa oħra aħjar minnha. Xi drabi aħna nagħmlu bħat-tfal: nibku biex nakkwistaw oġġett, imbagħad ftit wara nixbgħu minnu u nkunu rridu ħaġa oħra. Huwa biss dak li huwa veru, tajjeb, sabiħ u ġust li joffri sodisfazzjon definittiv. Hu f’dan l-istadju li l-libertà tal-bniedem tkun sħiħa, għax ma tkunx miftuħa għall-possibbiltà tal-iżball. Kif ifisser tajjeb Don Giussani, “la libertà di scelta non è la libertà; è una libertà imperfetta. Perchè la libertà sarà compiuta, piena, quando sarà di fronte al suo soggetto che la soddisfa totalmente: allora sarà totalmente libera, totalmenta libertà”.

In-nuqqas ta’ sodisfazzjon wara s-suċċess li nkunu għamilna jgħidilna ħafna dwar in-natura tax-xewqat tagħna l-bnedmin! F’ċertu sens, il-fatt li, minkejja li l-progress u l-kisbiet li saru f’dan il-qasam, aħna għadna ma aħniex kuntenti, huwa sinjal pożittiv. Għaliex dan juri li l-bniedem, għalkemm qed jagħmel għażliet żgħar, jonqsu jagħmel l-għażla l-kbira; għalkemm qed jipprova jissodisfa ruħu b’kisbiet ċkejknin (drittijiet), inkonxjament qed ifittex l-Infinit jew dak li jissejjaħ il-misteru.

Meta niċħdu l-Infinit, inkunu nagħmlu sfreġju lil-libertà, għax inkunu eskludejna l-oġġett li jissodisfaha b’mod sħiħ. Inwarrbu l-infinit, u nkunu nikkundannaw lill-bniedem biex jibqa’ ma jsibx mistrieħ. Sakemm il-bniedem jibqa’ jiskarta l-Infinit, il-lejl jibqa’ javvanza.

Wittgenstein kien konvint li l-bniedem għandu bżonn ta’ Alla, inkella jitfixkel. Filwaqt li jħeġġeġ lill-bniedem biex ifittex lil Alla, jgħid ukoll li “Alla jista’ jżurna”.

Dan huwa l-Milied: Alla ġie jżurna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li twieled f’Betlehem. Meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, il-Misteru daħal fl-istorja. Dak li ma jidhirx ħa sura li tidher (Kol 1:15) biex il-bniedem ikun jista’ jiltaqa’ mal-verità u l-ġmiel li mingħajrhom jibqa’ jissielet biex ikun liberu. “Kieku l-bnedmin ġew imċaħħda minn dak li huwa infinitament kbir, huma ma jkunux jistgħu jgħixu u jmutu ddisprati” (Dostoevsky). Jekk, kif jgħid Guillermo di St Thierry, “Kristu huwa l-uniku li jista’ jgħallimna naraw dak li għandna nixtiequ”, hija l-laqgħa personali tagħna miegħu li tagħmilna tassew ħielsa. Huwa meta l-bniedem liberament “jintrabat” ma’ Alla li jista’ jserraħ rasu li huwa tassew liberu. Nawgura li l-Milied ikun għalina lkoll opportunità biex nagħmlu din il-laqgħa personali ma’ Ġesù.

pdf · 50.16 KB Niżżel