Xempju għas-Saċerdoti
Għalkemm, meta fil-Vanġelu (Ġw 11:45-56) li għadu kif tħabbrilna San Ġwann jgħid li l-Lhud marru għand Marija, oħt Lazzru, u jibqa’ ma jsemmi xejn dwar Marta, ma nistgħux nifirduhom minn xulxin – il-kontemplazzjoni u l-azzjoni jimxu dejjem flimkien. Kif tosserva Santa Tereża ta’ Avila, “meta nilqgħu lill-Mulej u jkun irid joqgħod magħna, jeħtieġ li Marija u Marta jiftiehmu. Marija kif setgħet tagħtih jiekol jekk oħtha ma tgħinhiex? Lill-Mulej jipprovdulu x’jiekol meta l-bnedmin jagħmlu l-possibbli biex jirbħu l-erwieħ għalih, li meta jsalvaw, jagħtuh qima għal dejjem” (Il-Kastell Interjuri, VII, iv, 12-13).
Kif osserva San Pawlu VI fl-omelija li għamel meta ddikjara lil Santa Tereża ta’ Avila Duttur tal-Knisja, is-sigriet tad-duttrina tagħha kien li “l-qdusija tal-ħajja kkonsagrata kienet il-kontemplazzjoni simultanjament impenjata fl-azzjoni”. Meta kellem lill-kleru f’Bogotá (1968) huwa fisser li bħala effett tal-ordinazzjoni tagħhom, il-mentalità, l-ispiritwalità u l-attività tagħhom bħala presbiteri jkollhom “polarizzazjoni doppja lejn żewġ oġġetti li huma preżenti simultanjament: Alla u l-bniedem”.
Ħsieb jixxiebah jespremih il-Papa Franġisku meta jikteb li “nkunu qaddisin ma jfissirx nillustraw għajnejna f’taparsi estasi. San Ġwanni Pawlu II qalilna li ‘jekk inkunu bdejna tassew mill-ġdid mill-kontemplazzjoni ta’ Kristu, jeħtieġ narawh l-aktar fl-uċuħ ta’ dawk li fihom ried jara lilu nnifsu’” (Ifirħu u thennew, 96).
Meta llum inġbarna bħala presbiterju djoċesan fuq il-fdalijiet tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard biex inroddu ħajr lil Alla għax sittin sena ilu sieħeb lil dan ħuna fis-saċerdozju ministerjali ta’ Kristu, nixtieq nipproponih bħala xempju għalina ta’ saċerdot kontemplattiv fl-azzjoni. Dak li spiritwalment jiddistingwi lil Dun Mikiel ma humiex biss il-virtujiet umani, Insara u anki saċerdotali, imma fuq kollox il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fih. Alla jgħammar fina permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Normalment Alla ma jfittixx persuni bi kwalitajiet straordinarji, imma persuni doċli u disponibbli li jħallu l-Ispirtu jaħdem bil-ħiliet ordinarji tagħhom. Dan seħħ fil-każ ta’ Dun Mikiel: saċerdot sempliċi, b’formazzjoni umana u teoloġika ordinarja, u fuq kollox dgħajjef u marid, imma fl-istess waqt intuwittiv, profetiku, kuraġġjuż, jissogra, ġeneruż, skomdu (anki għall-ġerarkija), umli u kreattiv.
Inħossni komdu niddeskrivi lil Dun Mikiel bħala “kontemplattiv” mhux għax kellu x-xewqa li jwaqqaf monasteru tal-kontemplazzjoni qrib is-Santwarju Ta’ Pinu u sejjaħ lilu nnifsu “monaku”, imma għax meta naqra kitbietu nara li hu letteralment kien jgħix fil-kumpanija ta’ Ġesù. Kien konvint li Alla jħobbu: “Il-Mulej Ġesù tant iħobbna u tant hu omnipotenti li minn dak li hu negattiv (ħażin, dnub) joħroġ il-pożittiv, il-qdusija u s-salvazzjoni” (25 ta’ Novembru 1983). Ma ngħidx li Dun Mikiel kien jaf dwar Ġesù, imma kien jaf lil Ġesù, u dan frott tar-relazzjoni intima li kellu miegħu. F’ittra lill-editur li Dun Mikiel kiteb f’Settembru 1983 huwa jibda hekk: “Kristu huwa ħaj. Qiegħed fostna u kontinwament joffrilna d-dawl, l-għajnuna u l-ħelsien mill-injoranza, il-pessimiżmu, id-dlam tal-moħħ u l-qalb, mid-dnub, biex imbagħad naslu għall-climax ta’ dan il-ħelsien integru u mill-infern nidħlu l-Ġenna”.
Ix-xewqa ta’ Dun Mikiel kienet li jkun ħaġa waħda ma’ Ġesù kemm biex tikber fih “is-sura ta’ Kristu”, biex jagħmel “ir-rieda tal-Missier”, kif ukoll biex jikseb “frott sopranaturali u psikoloġiku”. Huwa kien konvint li din l-esperjenza ssib il-milja tagħha “issa u hawn” fl-attwazzjoni kontemporanja tal-misteru tal-Għid fil-ħajja tiegħu. Sintesi ta’ din l-ispiritwalità tinstab f’riflessjoni-appell li huwa għamel għar-Randan fl-1984: “Is-sofferenza, nittama fil-qawwa tal-Grazzja, toffrili ċ-ċans għoli li nagħmel mhux biss (b’kelma psikoloġika) ‘empathy’ iżda wisq aktar (b’kelma Latina biblika) ‘simul crucifigi’ ma’ Ġesù msallab, u allura jixraqli t-titlu ta’ ‘alter Christus’ u nattwa l-‘cumresuscitere’ ma’ Ġesù Kristu. Dan l-irxoxt jitwettaq issa fir-Randan/Għid 1984 u hawn Għawdex bħala parti mill-proċess tal-pjan tas-salvazzjoni li l-Mulej Ġesù għandu għalija, sakemm l-Ispirtu Qaddis iwassalni sal-Qawmien universali. L-irxoxt tiegħi jitwettaq ‘issa u hawn’ għaliex jien nemmen li permezz ta’ din is-sofferenza morali, ikkawżata miċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa, magħqud bil-Fidi ma’ Ġesù (il-Mulej ħaj fostna fin-Nadur, f’Għawdex, f’Malta, fl-Atti Liturġiċi, bħalma huwa r-Randan), tikber fija s-sura ta’ Kristu, nippurifika minn dnubieti u nimmatura fl-għaqda tiegħi mar-rieda tal-Missier. Din l-għaqda spiritwali mas-Sinjur Alla hi l-bażi soda tal-paċi tal-qalb, hena tar-ruħ, ottimiżmu san u konkret, u frott ieħor sopranaturali u psikoloġiku li jiġi biss mill-misteru tal-Għid”.
Espressjonijiet oħra li jikkonfermaw kemm il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej kienu tema ċentrali fl-ispiritwalità ta’ Dun Mikiel insibuhom f’ittra oħra li huwa kiteb f’Settembru 1983, fejn jistieden raġel li kien għaddej minn mumenti diffiċli biex “isaqqi s-sehem tiegħu fil-Moviment tal-Ħaddiema bis-sagrifiċċju, jiġi mnejn jiġi, imbasta fl-ispirtu tal-Misteru Paskwali, jiġifieri magħqud u ‘donnu tellief’ ma’ Ġesù msallab iżda rebbieħ tal-paċi tal-qalb, qdusija, hena u mertu spiritwali u konsolazzjonijiet oħra, issa u iktar fil-punt tal-mewt ma’ Kristu Rxuxtat” (21 ta’ Settembru 1983).
F’ittra oħra li ħarbex fil-5 ta’ Settembru 1983 huwa jistqarr hekk: “Mela lilna li qed insofru, il-kumment ta’ Beda jagħmlilna kuraġġ u jistedinna nippurifikaw iżjed l-intenzjoni ħalli jkollna l-konsolazzjoni spiritwali li qegħdin insofru għal Kristu. Ejjew nitqaddsu permezz ta’ dawn iċ-ċirkustanzi: bil-fidi, flok li nwaħħlu fil-policies tal-awtorità ċivili, flok nilmentaw minn persuni, ġurnali, xandir…; ejjew naċċettaw kollox (tagħjir, inġustizzji, nofs veritajiet jew gideb, ingratitudni…) bħala ‘l-kalċi tal-Missier’ (u mhux ta’ Pilatu, Anna, Ġuda…)”.
Ma ngħidx li Dun Mikiel kien jitlob, imma li ħajtu kienet talba bla waqfien, u kien hemm waqtiet fejn f’ċerti ċirkustanzi kien jitlob b’ħeġġa aktar mis-soltu (17 ta’ Ottubru 1983). Kien konvint li “prayers always work in a way or another. Jien personalment spiss ninvista dan it-tempju (Ta’ Pinu), pereżempju qabel nibda x-xogħol fis-Seminarju, qabel u wara li nsiefer, meta rrid niddeċiedi xi deċiżjoni importanti f’ħajti, fl-inkwiet personali jew familjari… Mhux dejjem qlajt preċiż dak li tlabt u kelli t-tbatijiet tiegħi fil-ħajja. F’dawn it-tnax-il sena darbtjen ġejt imdaħħal fl-Isptar St Vincent f’Melbourne, l-Awstralja, darbtejn f’St Lukes, Malta, u darbtejn fi Craig, Għawdex, s’issa; il-karozza waqgħetli l-baħar fiż-Żewwieqa, l-Imġarr, Għawdex… Iżda nistqarr li dejjem ħriġt b’xi mod sodisfatt minn Ta’ Pinu u fhimt li Ġesù jħobbni” (17 ta’ Settembru 1983). Huwa jikteb li “kif nagħmel is-soltu nhar ta’ Erbgħa, l-iktar illum, 10 ta’ Awwissu, Festa ta’ San Lawrenz, offrejt it-talb u l-ħidma kollha tal-ġurnata bħala talba (bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp) lill-Mulej Ġesù sabiex il-problemi soċjali ta’ pajjiżna jiġu maħlula skont it-tagħlim soċjali tal-Knisja” (5 ta’ Lulju 1983).
Mill-ittri lill-editur li kien jippubblika, jidher li waħda mill-għejun ewlenin li minnhom kien jixrob Dun Mikiel kienet il-liturġija tal-Knisja. Għal Dun Mikiel verament il-liturġija kienet tintroduċih fil-misteru ta’ Alla; il-liturġija kienet għalih ħajja u dawl biex imidd il-passi tiegħu fil-pellegrinaġġ tal-fidi. Altru li Dun Mikiel ma kienx funzjonarju! Kitbietu juru li f’ħajtu ma kienx hemm qasma bejn il-liturġija ċċelebrata u dik mgħixa. F’dan il-kuntest biżżejjed insemmi żewġ siltiet li huwa kiteb: “Ġesù jwettaq dan (jieqaf magħna) fost l-oħrajn u prinċipalment permezz tal-Liturġija li hija l-kanal, ‘pipe’, ‘link’… ta’ grazzji, għajnuniet, ispirazzjonijiet, qawwa, qdusija, inkuraġġiment…, b’mod ordinarju u kostanti (kuljum) li Ġesù jagħtina permezz tal-Knisja tiegħu, anki dik Maltija… Min għandu l-fidi fil-Liturġija tal-Knisja, u allura f’Ġesù Ħellies u Redentur, jaċċetta dawn is-siltiet bħala dawl tal-Ispirtu s-Santu u vitamina jew droga spiritwali fil-ministeru u kariżma tal-formazzjoni ċivika u reliġjuża” (3 ta’ Settembru 1983). F’ittra oħra huwa jikteb: “L-Animatur ewlieni tal-Liturġija hu l-Ispirtu Santu u ċ-ċentru huwa Ġesù bil-Misteru tal-Għid tiegħu u tagħna magħqudin miegħu bil-fidi permezz tal-Knisja. L-Ispirtu Santu u Ġesù huma Alla ħaj. Allura l-Liturġija aċċettata b’qalb distakkata, bi spirtu umli ta’ talb dejjem u b’mod regolari, twasslilna messaġġi ħajjin, attwali għaċ-ċirkustanzi u bżonnijiet tagħna u effikaċi” (20 ta’ Ottubru 1983).
Li fil-ħajja ta’ Dun Mikiel il-liturġija u l-appostolat kienu żewġ mumenti dipendenti minn xulxin jixhdu l-fatt li kien normali għalih li jdawwal ċerti ġrajjiet tal-istorja b’dak li jkun “talab” jew aħjar “tnebbaħ bih” waqt il-Liturġija tas-Sigħat, li mhix biss bħala opus Dei imma wkoll locus Dei. Fil-fatt, skont it-teologu Max Thurian, il-liturġija hija kontemplazzjoni tal-misteru.
Nagħti xi eżempji.
Lil dawk li kellhom “kunflitt tal-kuxjenza dwar il-fidi Kattolika”, “(noffrilhom) l-aħħar prietka li San Fidel ta’ Simaringen għamel qabel ħa l-martirju; it-tifkira ta’ dan il-qaddis issir fl-24 ta April u din is-sena ħabtet il-Ħadd li għadda” (29 ta’ April 1983).
F’ittra li dehret fit-28 ta’ Ġunju 1983 huwa jgħid hekk: “Fit-22 ta’ Ġunju saret it-Tifkira liturġika ta’ San Ġwann Fisher u San Tumas More… Fl-Uffiċċju tal-Qari tal-Liturġija tas-Sigħat insibu parti mill-ittra li San Tumas More kiteb fil-ħabs lil bintu Margaret. Ippermettili naqsam mal-qarrejja tiegħek l-ottimiżmu u l-fiduċja fil-Mulej Ġesù (li nisslu fuqi dawn iż-żewġ sentenzi li ser nikkwota) b’tama u talba biex l-Ispirtu Santu jagħti l-istess frott lil kull Malti u Għawdxi li b’xi mod huwa mnikket”.
F’ittra oħra huwa jikteb hekk: “Bħala talba għalihom lil Ġesù bl-interċessjoni ta’ San Ludoviku u tal-Madonna Ta’ Pinu, noffri dan il-messaġġ tal-liturġija u allura ta’ Ġesù. Fil-Liturġija tal-Qari tal-25 ta’ Awwissu qrajna parti mit-testment spiritwali ta’ San Ludoviku… lil ibnu suċċessur tiegħu [u jikkwota]. Fl-istess ġurnata stajna għamilna t-Tifkira ta’ San Ġuzepp de Calasanz… F’parti minn ittra li kiteb dan il-qaddis li l-Knisja fil-liturġija tagħha offritilna, insibu messaġġ attwali għaċ-ċirkustanzi ta’ pajjiżna… Nistieden lil kull min jagħti sehem fl-edukazzjoni reliġjuża jimmeditaw din is-silta li tinsab fil-Liturġija tal-Qari, u jieħdu d-dawl, il-kuraġġ ta’ Ġesù ħalli jagħmlu kollox f’għaqda miegħu speċjalment fl-intenzjoni retta [jikkwota silta]” (3 ta’ Settembru 1983). Ninnota li għalkemm meta fl-istess jum jaħbtu żewġ tifkiriet wieħed jista’ jagħżel waħda minnhom, jidher li Dun Mikiel kien jimmedita l-lezzjoni aġjografika tat-tnejn – imbagħad ġieli jkun hemm presbiteri li huma minimalisti jew forsi wkoll ma jgħidu xejn.
F’ittra oħra Dun Mikiel jagħmel referenza għat-Tifkira tal-Martirju ta’ San Ġwann Battista u jgħid: “Fl-Uffiċċju tal-Qari (Vol. VIII, 177) San Beda Venerabbli għamel kumment… Din il-konklużjoni li għamel San Beda ġaladarba aċċettata u ppreżentata fil-Liturġija tal-Knisja, jien nemmen li hi messaġġ mill-Mulej Ġesù (iċ-ċentru u r-Ras ta’ kull azzjoni liturġika) għalina l-Maltin u l-Għawdxin kollha” (5 ta’ Settembru 1983).
Ħassejt li f’dan l-anniversarju naqsam magħkom dawn il-ftit riflessjonijiet, partikularment dawk li huma ipsissima verba Servi Dei, mhux biss biex inkomplu napprezzaw l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla f’dan is-saċerdot ġenwin, imma wkoll biex l-eżempji tiegħu, jekk ma jċanfruniex, almenu jistimulawna ħalli nirrevedu ftit il-ħajja Nisranija u ministerjali tagħna billi nerġgħu niskopru l-kordinati tal-ministeru saċerdotali li huma l-kontemplazzjoni u l-ħajja attiva – “kontemplazzjoni simultanjament impenjata fl-azzjoni”. Għalina t-talb huwa l-“power house” (biex nuża frażi li sikwit kienet tkun fuq fomm Dun Mikiel) – jekk dan iċ-ċentru tal-enerġija jagħlaq, nistgħu nniżżlu x-shutters fuq is-saċerdozju tagħna. Il-ħajja tat-talb għandha mhux biss tintroduċina fil-Misteru Paskwali, imma wkoll fil-misteru tal-bnedmin li niltaqgħu magħhom fuq it-territorju tagħhom. Inħoss li hija urġenza għalina s-saċerdoti li nerġgħu mmorru għall-essenzjal kif kien fil-każ tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel.
Ara M. SEMERARO, “Contemplativi nell’azione”, f’L’Osservatore Romano, 3 ta’ Awwissu 2018.
Ara M. GRECH, “Monaku f’Ta’ Pinu”, f’Il-Ħajja f’Għawdex 995 (Frar 2018), pp. 6-7.
F’din l-omelija qed nillimita ruħi għall-ittri lill-editur li Dun Mikiel ippubblika fil-ġurnal Il-Ħajja.