Xhieda Awtentiċi ta’ Kristu
Għeżież ħuti, grazzi talli weġibtu għas-sejħa li saritilkom biex f’din il-manifestazzjoni nagħtu qima pubblika lill-Mulej Ġesù. Il-Kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna tirrakkontalna l-esperjenza ta’ meta l-Appostli kienu miġbura f’Ġerusalemm u deherilhom Ġesù mqajjem mill-mewt (Lq 24:35-43). Xħin noqgħod naħseb fuq din il-kelma fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu fihom, inħoss li għandi naqsam magħkom din ir-riflessjoni.
Għaliex Luqa kważi jikkonkludi l-Vanġelu tiegħu b’dan il-mod? Il-Vanġeli kollha kemm huma jirrakkontaw id-dehra jew id-dehriet ta’ Kristu wara li qam mill-mewt; imma Luqa dan jagħmlu f’kuntest partikulari. Luqa jirrakkonta din il-ġrajja tal-manifestazzjoni ta’ Kristu bil-ġisem glorjuż tiegħu lill-Appostli proprju f’mument fejn Kristu lill-Appostli tiegħu qiegħed jagħmilhom xhieda awtentiċi. Bid-dehra tiegħu Kristu jikkostitwihom bħala xhieda awtorizzati. Ġesù jgħidilhom: “Intom xhud ta’ dan”. Hawn ħafna li jridu jitkellmu fuq Kristu, li jippreżentaw ruħhom bħala xandâra ta’ Kristu. Imma dawn huma xhieda awtentiċi awtorizzati minn Kristu? U kif il-Mulej Ġesù jikkostitwihom bħala xhieda awtentiċi tal-Qawmien tiegħu?
L-ewwelnett Ġesù jafdalhom dan il-messaġġ bħala membri fi ħdan komunità, miġburin flimkien f’komunjoni ma’ Pietru, u mhux bħala individwi singoli jew kulħadd għal rasu. Kristu qed jafdalhom din il-missjoni vera u awtentika flimkien ma’ Pietru, il-blata li fuqha Kristu bena l-Knisja tiegħu.
Dawn huma dixxipli li jagħmlu esperjenza ta’ Kristu Rxoxt. Hija din l-esperjenza ta’ fidi li tawtorizzahom biex ikunu xhieda. Min m’hux xhud ta’ Kristu Rxoxt ma għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem b’mod awtentiku fuq Kristu. U jekk m’hux xhud awtentiku jien ma noqgħodx fuqu.
Dan li qed ngħidilkom m’hux xi ħaġa ġejja minn żniedi. Fl-Atti ta’ l-Appostli, f’kapitlu 10, naqraw kif Pietru, illi Kristu jagħżlu bħala l-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu u bħala kap tal-Knisja, meta kien għand Kornelju ta din ix-xhieda: “Aħna xhieda ta’ kulma għamel (Ġesù) f’art il-Lhud u f’Ġerusalemm, hu li tawh il-mewt billi dendluh mas-salib. Imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel sa minn qabel, lilna li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan huwa dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin” (Atti 10:29-42).
X’xhieda rridu aktar minn din l-istqarrija li għamel Pietru? Ir-rakkont tal-Vanġelu ta’ Luqa li għadu kif tħabbrilna jikkonferma min kienu dawk li “kielu u xorbu ma’ Kristu wara li qam mill-imwiet”. Għax Kristu talabhom xi ħaġa x’jiekol u tawh ħuta mixwija. Jekk irridu nsibu xhieda li noqogħdu fuqha, hemm bżonn id-dawl tal-Vanġelu li huwa l-ktieb ispirat li tagħtina l-Knisja. San Pawl jgħid: “Jekk jigi xi ħadd iwasslilkom vanġelu ieħor minn dak li ħabbartilkom jien, temmnuhx”. Il-Vanġelu tal-lum jgħinna nifhmu min huma dawk ix-xhieda awtorizzati li jixhdu li Kristu huwa Alla. Il-Missier Alla fl-imħabba infinita tiegħu ried li Ibnu jsir bniedem biex jifdina mid-dnub ta’ l-injoranza. Jekk jiġikom xi dubju fuq id-divinità ta’ Kristu, kif hemm min irid idaħħal dan id-dubju, xi skop hemm li nitkellmu fuq il-Passjoni u l-marki tal-pjagi li Kristu juri lill-Appostli tiegħu biex jurihom li bil-mewt tiegħu ħallas għall-fidwa tagħna? Ġesù jurihom il-pjagi ta’ jdejh u riġlejh biex jikkonfermalhom li dak li qam mill-mewt huwa l-istess Ġesù li kien imsallab u ta lilu nnifsu b’saġrifiċċju għalina biex kisibna għal Alla!
Din ix-xhieda aħna nirċevuha mingħand l-Appostli li Ġesù waqqaf biex ikunu xhieda tiegħu fid-dinja. Huwa bagħathom biex ikomplu l-missjoni tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Huwa ried li dawk li jiltaqgħu flimkien f’ismu jkunu l-Knisja tiegħu taħt it-tmexxija ta’ l-Appostli u s-suċċessuri tagħhom. Hija din il-Knisja illi l-Mulej Ġesù taha l-mandat biex tkun xhud tiegħu fid-dinja u biex lill-bnedmin twasslilhom it-teżor tal-verità fdat lill-Appostli.
Aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ dan kollu fid-dinja ta’ madwarna. Aħna msejħin biex ma nibżgħux nistqarru l-isem ta’ Ġesù f’dinja sekularizzata. Aħna msejħin biex nixhdu quddiem id-dinja li tassew il-Mulej Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, il-Feddej tagħna. Aħna msejħin biex ngħidu li tassew nemmnu fil-Knisja ta’ Kristu, u li lil din Knisja rriduha tkun tassew preżenti fl-isferi kollha tal-ħajja.
Dawn il-veritajiet idawlu l-ħajja tal-familji tagħna. L-esperjenza ta’ għadd ta’ familji tgħidilna li hemm bżonn inxandru mill-ġdid il-Vanġelu tal-familja.
Fl-okkażjoni tal-festa tal-ħaddiema li niċċelebraw għada, l-1 ta’ Mejju, xieraq nirriflettu ftit fuq jekk hemmx bżonn li lis-soċjetà tagħna nwasslulha l-“Vanġelu tax-xogħol”. Hemm bżonn li l-ħaddiem Kristjan jistinka biex it-tagħlim ta’ Kristu jkun il-lenti li tgħinna naqraw u ninterpretaw l-isfidi tad-dinja tax-xogħol. L-esperjenza tax-xogħol, li għandha tkun miftuħa għal kulħadd, meta titfassal fuq kriterji li jirrispettaw id-dinjità tal-persuna verament tista’ tgħin biex il-bnedmin jistagħnew, għax b’ħidmitna nkunu nikko-operaw ma’ Alla u ma’ xulxin fit-tisbiħ tad-dinja ta’ madwarna.
Il-Vanġelu tal-lum jibda bl-aħħar vers li bih Luqa jispiċċa r-rakkont ta’ Għemmaws, meta jgħid li Kleofa u d-dixxiplu l-ieħor marru lura lejn Ġerusalemm. X’marru jagħmlu lura lejn Ġerusalemm? Kleofa u sieħbu fi triqthom lejn darhom ġarrbu esperjenza ta’ Kristu. Huma ltaqgħu mal-“Kelma”, tant li jistqarru: “Ma kinitx imħeġġa qalbna waqt li kien ikellimna u jfissrilna l-Iskrittura?”. Fl-istess ħin, konxji mir-riskju li din l-esperjenza profondament spiritwali setgħet kienet fantasija tagħhom, riedu konferma. Riedu konferma jekk dak Kristu li ltaqgħu miegħu kienx Kristu veru jew xi fantasma jew xi karikatura. Ġustament riedu jkunu ċerti jekk dik il-kelma fl-Iskrittura li huma ltaqgħu magħha, qraw u interpretaw, kinitx il-Kelma vera. Allura x’jagħmlu Kleofa u sieħbu? Jagħmlu bħalma għamel Pawlu meta ltaqa’ ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku. Dakinhar Pawlu għamel esperjenza qawwija ta’ Kristu, imma mbagħad jagħżel li jmur Ġerusalemm biex hemmhekk jiltaqa’ ma’ Pietru bħala x-xhud awtorizzat ta’ Kristu, biex iwettqu fil-fidi tiegħu. U Pietru, ix-xhud awtorizzat, jikkonferma lil Pawlu u jaħtru Appostlu, biex din l-esperjenza tiegħu ta’ Kristu jaqsamha mal-komunitajiet Kristjani. Kleofa u sieħbu jagħmlu l-istess: jirritornaw fi ħdan il-komunità ta’ Ġerusalemm, fejn jiltaqgħu ma’ Pietru, u jħallu lil Pietru, ix-xhud awtorizzat, jikkonfermalhom il-verità ta’ dak li kienu raw u semgħu.
Ħudu f’idejkom il-Kelma ta’ Alla; stħarrġuha anki billi tirrikorru għal għajnuna minn għejjun oħra; fittxu li jkollkom esperjenza ta’ Kristu f’ħajjitkom. Imma jekk ma rridux niżbaljaw, dan kollu nagħmluh fil-Knisja taħt il-gwida ta’ Pietru li jwettaqna fil-fidi vera. Amen.