Xhieda ta’ Kristu
Qegħdin ngħixu f’epoka interessanti, għaliex toffrilna – lill-bniedem, iktar u iktar lilna Kristjani – sfida. Qed ngħixu f’epoka meta wieħed josserva illi għaddej tibdil: tibdil f’ċerti kunċetti bażilari li jiffurmaw il-kultura tagħna; tibdil ta’ kunċetti illi kapaċi jagħtu viżjoni differenti antropoloġika ta’ min hu l-bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem: l-ekonomija, ix-xjenza – jew ix-xjenzi, il-politika… Quddiem din ir-realtà, meta naraw li hemm nuqqas ta’ kjarezza fuq x’inhi n-natura u d-dinja, nuqqas ta’ kjarezza fuq x’relazzjoni hemm – jekk hemm – bejn il-bniedem u Alla, nuqqas ta’ kjarezza fuq dik id-distinzjoni – jekk nagħmluha – fuq dak li huwa limitat u l-infinità, nuqqas ta’ kjarezza fuq dak li huwa ż-żmien u l-eternità, fuq il-libertà u l-verità, fuq il-formulazzjoni tal-liġi u l-ġustizzja… Dawn huma kambjamenti li qegħdin jiżvolġu kontinwament fil-ħajja tagħna, fostna. U quddiem dan il-pluraliżmu ta’ sitwazzjonijiet il-Kristjan, għeżież tiegħi, huwa msejjaħ ħalli jiskopri lingwaġġ ġdid, biex jgħin ħalli jkun hemm iktar koerenza bejn dak illi jagħmel tassew lill-bniedem u l-istili tal-ħajja li qiegħed jadotta l-bniedem tal-lum. Il-Kristjan, li għandu patrimonju li ġej mit-twemmin tiegħu, huwa msejjaħ ħalli jsib modi ġodda ta’ kif, mhux biss ma jiddakkarx minn dan, imma jagħmel proposta lill-bniedem tal-lum. U għalhekk, għeżież tiegħi, huwa urġenti illi quddiem din is-sitwazzjoni l-Kristjan jipprova jsib x’inhi l-essenza, l-għerq ta’ din il-problematika umana. U jekk ma nagħmlux hekk irridu nagħtu risposta, jekk mhux lill-bniedem, lil Alla.
Quddiem din ir-realtà l-Kristjan għandu jħossu msejjaħ b’urġenza biex jieħu sehem fid-dibattitu pubbliku li għaddej fis-soċjetà, dak id-dibattitu li għandu forza jifforma l-ħsieb, għandu forza illi jagħti direzzjoni jew direzzjonijiet ġodda lis-soċjetà. F’din is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha, fl-impenn biex aħna nieħdu sehem f’dan id-dibattitu pubbliku, il-Kristjan irid joqgħod għassa – jishar – illi la jagħmel xi ħaġa illi tiskreditah, u allura twaqqa’ l-kredibbiltà tal-proposta tiegħu – u għandna mġieba illi tiskreditana, għeżież tiegħi –, u jrid joqgħod attent ukoll illi ma jiġix imrekken minn ħaddieħor, illi ma jiġix emarġinat għax hu Kristjan, illi saħansitra ma jiġix eskluż minn dan id-dibattitu pubbliku.
Għadna kif smajna l-Bxara t-Tajba. U xħin kelli d-djaknu quddiemi, xħin jitlobni l-barka ħalli jxandrilna l-Kelma, tlabt fuqu l-għajnuna ta’ Alla biex il-Kelma li xandrilna tagħmel sens billi timliena b’kuraġġ ħalli nkunu nistgħu nwettqu din il-missjoni urġenti. U x’tgħid il-Kelma ta’ Alla l-lum? “Min jistħi minni jew mill-Kelma tiegħi jiena nistħi nistqarru quddiem il-Missier u quddiem l-anġli fil-glorja”. Din hija l-Kelma illi waslitilna l-lum, festa ta’ San Ġorġ Martri. Għaliex qegħdin nagħmlu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet solenni f’ġieħ il-martri San Ġorġ? Għax San Ġorġ, għeżież tiegħi, nista’ nippreżentahulkom bħala dak illi ħa sehem attiv fid-dibattitu politiku, soċjali, pubbliku ta’ żmienu. Ma staħax jistqarr il-konvinzjonijiet Kristjani tiegħu. Ma beżax jiġi mrekken, emarġinat, saħansitra jirċievi l-martirju.
Ewsebju ta’ Ċesarija meta jirrakkuntalna l-istorja tal-martri tal-Kappadoċja jgħidilna illi Djoklezjanu ħareġ tliet editti, tliet editti illi jien nixtieq ninterpretahom fil-kwadru ta’ dan li qed ngħidilkom. U San Ġorġ iqatta’, jagħmel azzjoni fejn juri li huwa jiddiżapprova din il-pożizzjoni. U għax għamel hekk, għax ta din ix-xhieda, jirċievi l-martirju. X’kienu dawn it-tliet editti? Waħda: Djoklezjanu ordna illi l-Kristjan, għax hu Kristjan, jiġi eskluż mill-uffiċċji pubbliċi. Kellu digriet ieħor illi jarresta s-saċerdoti; u jien ninterpreta dak id-digriet bħala deċiżjoni biex jagħlaq il-fomm tal-Knisja, deċiżjoni biex jipprojbixxi l-kult li għandu sens, tifsira, mhux biss għax jagħti glorja lil Alla kif jistħoqqlu, imma għaliex huwa mument għalina ta’ mistagoġija – il-liturġija lilna tintroduċina fil-misteru ta’ Alla, fl-iskola ta’ Alla –, u dan Djoklezjanu ma ridux. U t-tielet editt li ried li l-Kristjani jaħarqu l-inċens quddiem l-idoli ta’ l-imperu; u allura kien tentattiv ħalli Djoklezjanu jibdel il-viżjoni, id-direzzjoni tal-Kristjan.
Għeżież tiegħi, il-lum m’għandniex dawn l-editti formali illi kellu jaffronta b’kuraġġ San Ġorġ, imma l-ispirtu ta’ dawn l-editti f’soċjetà lajċista qegħdin fostna. San Ġorġ tawh il-martirju biex taparsi jeliminawh, lilu u ’l-martri ta’ dak iż-żmien. Imma x’irriżulta? Irriżulta illi dik mhux kienet il-qerda tal-martri, imma awtodistruzzjoni ta’ l-imperu. U min jipprova jelimina l-fenomenu reliġjuż mill-kamp soċjali jkun qiegħed jagħmel għażla li twasslu għall-qerda tiegħu nnifsu, għeżież tiegħi.
Peress illi hija skarsa l-informazzjoni, l-istorja, fuq San Ġorġ jiena dalgħodu nirriferikom għal djalogu li, nista’ ngħid, kellu l-bidu tiegħu f’dawk iż-żminijiet, imma seħħ fi żmien iktar tardiv, bejn Sant’Ambroġ, isqof ta’ Milan, u ċertu Simmaku, li kien il-portavuċi tas-senaturi ta’ Ruma. Dan Simmaku jappella lill-imperatur Valentinjanu II ħalli fil-palazz fejn jiltaqgħu s-senaturi jerġa’ jirrestawra altar iddedikat lill-alla Vittorja, bil-prerogattivi kollha li kienet iġġib din l-alla, li tirrappreżenta dik li kienet tissejjaħ “religio civilis”, ir-reliġjon Rumana. X’kienet din ir-reliġjon Rumana? Nista’ niġborha fi tliet kapitli: kien hemm ħafna mitoloġija, u hemmhekk kienu jogħxew il-poeti; kien hemm kult tan-natura; imma mbagħad kien hemm ukoll l-aspett politiku, u hemmhekk kienu jogħxew is-senaturi. Dan nafuh minn kitba ta’ Sant’Wistin, De civitate Dei. L-imperu Ruman kien jemmen ħafna illi s-sopravvivenza tiegħu bħala imperu kienet tiddipendi minn din ir-“religio” Rumana. Il-qawwa politika kienet marbuta mal-kult pubbliku illi ċ-ċittadini kienu obbligati joffru lill-allat tagħhom, dawk l-allat illi kellhom imbagħad l-inkarnazzjoni, il-personifikazzjoni tagħhom, fl-imperatur. U allura l-imperatur kien alla ieħor, kien jifforma parti minn din ir-reliġjon Rumana.
Dak iż-żmien kien hemm ukoll ir-reliġjon Kristjana, li kienet tissejjaħ “religio illicita”, mhux għaliex il-Kristjani kienu jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-ordni tajjeb tas-soċjetà, imma għaliex il-Kristjani kienu obbligati – kif jgħid it-tielet editt ta’ Djoklezjanu u li kkumbattieh San Ġorġ tagħna – ir-reliġjon ta’ l-istat kienet titlob illi jingħata kult pubbliku lill-allat, filwaqt illi r-reliġjon Kristjana tibqa’ fl-isfera privata, tibqa’ xi ħaġa personali, tibqa’ espressjoni ta’ twemmin illi ma joħroġx ’il barra mill-erba’ ħitan tad-dar. Għeżież tiegħi, anki fi żminijietna jseħħ dan kollu. M’iniex ngħid illi l-lum għandna l-istat illi jimponi fuqna xi reliġjon jew jimmaġina li huwa l-inkarnazzjoni ta’ xi divinità, imma huwa fatt li hemm tendenzi fejn ir-reliġjon Kristjana qed tiġi mrekkna, ir-reliġjon ta’ Kristu li jistqarru d-dixxipli tiegħu qed tiġi privatizzata. Hemm min irid illi l-Kristjan, għax hu Kristjan, ikun eskluż mid-dibattitu pubbliku li jsir fis-soċjetà. Dan huwa perikuluż ħafna. Għaliex? Għaliex iġib dikotomija, qasma bejn dik li hija l-ħajja ta’ kuljum kif ukoll il-fidi, it-twemmin. U diġà għidna li jgħarralu min jaħseb illi jista’ jemarġina jew jeskludi l-fenomenu reliġjuż, għaliex ikun qiegħed iġib il-kundanna tiegħu nnifsu.
U l-Kristjan illi jrid jieħu sehem fil-ħajja attiva tas-soċjetà li minnha jagħmel parti, għalfejn jagħmlu dan? B’kapriċċ? Bi dmir, għaliex aħna nemmnu illi fil-Bxara t-Tajba aħna għandna veritajiet, għandna valuri illi jistgħu jgħinu lill-bniedem jilħaq id-dinjità umana tiegħu. X’inhu r-rwol ta’ l-istat? Ir-rwol ta’ l-istat, ir-rwol tal-politika hu li jkun hemm il-ġustizzja. U biex jagħmel ġustizzja huwa għandu r-raġuni. Imma r-raġuni umana, għeżież tiegħi, kif tixhdilna l-esperjenza, ħafna drabi hija etikament għamja; hija raġuni umana, għandha potenzjal, imma għandha wkoll il-possibbiltà illi tiżbalja. M’aħniex ngħidu illi l-Kristjan għandu jagħmel hu l-ħajja ta’ l-istat. Filfatt il-papa Benedittu fl-ewwel enċiklika li tana, Deus caritas est, jitkellem ċar u tond fin-numri 27 u 28 fuq x’għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-komunità politika u l-komunità ekkleżjali. Il-Papa jtenni tagħlim illi ilu li waslilna mill-Konċilju Vatikan II, li jitkellem fuq is-separazzjoni bejn dawn iż-żewġ realtajiet, l-awtonomija tar-realtajiet tad-dinja. Imma proprju biex aħna ngħinu lis-soċjetà, biex aħna nikkontribwixxu ħalli s-soċjetà tagħna ma tiżbaljax fl-għażliet, fid-direzzjoni, fid-deċiżjonijiet li jsiru, aħna, għeżież tiegħi, nipproponu t-tagħlim tal-fidi tagħna, it-tagħlim tal-fidi illi ħafna drabi jikkonsolida, jikkonferma tagħlim illi l-bniedem kapaċi jasal għalih bir-raġuni.
Liema argumenti nistgħu aħna nikkontribwixxu fuqhom? L-argument favur il-ħajja, għeżież tiegħi; il-ħajja li tiġi rrispettata sa mill-bidunett tat-tnissil tagħha. Nistgħu nikkontribwixxu f’dak li huwa l-ħarsien, id-difiża ta’ min m’għandux saħħa jiddifendi lilu nnifsu, ibda mill-embrijun uman u spiċċa fil-bniedem anzjan illi forsi l-lum m’għandux il-fakultajiet illi jiddeċiedi għalih innifsu. F’liema argument aħna nistgħu nikkontribwixxu? Meta nitkellmu fuq il-familja, il-familja illi għandha l-pedament tagħha fuq żwieġ monogamiku. Għeżież tiegħi, fejn nistgħu nikkontribwixxu aħna? Nistgħu nikkontribwixxu meta nitkellmu fuq id-drittijiet tal-familja, speċjalment id-dritt tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Fejn nistgħu nikkontribwixxu bit-twemmin tagħna? Meta nitkellmu kontra forom ġodda ta’ skjavitù, bħalma hija d-droga, bħalma hu l-alkoħoliżmu, bħalma hi l-pornografija, il-prostituzzjoni organizzata. Taħsbu li qed ngħix Għawdex jew mhux Għawdex jien!? Fejn nistgħu nikkontribwixxu? Nikkontribwixxu fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħajja umana. Imma, għeżież tiegħi, noqogħdu attenti, niftħu għajnejna, infittxu dak il-lingwaġġ li tkellimt fuqu fil-bidu, għaliex ġieli jinstemgħu vuċijiet illi jgħidulna: “Isktu, Kattoliċi, ‘in re aliena’, f’affarijiet li intom m’għandkomx dritt titkellmu fuqhom”.
Naħseb din it-twissija lajċista, f’isem il-lajċità ta’ l-istat, f’isem in-non-inġerenza tat-twemmin, semagħha wkoll San Ġorġ tagħna. Imma San Ġorġ ma beżax jagħti xhieda u jgħidilhom dak li hemm fil-Vanġelu: “Agħtu ’l Ċesri dak li hu ta’ Ċesri, imma agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”, anki jekk dan swielu l-martirju. Iva, għeżież tiegħi, hemm xi materja illi aħna bħala poplu Kristjan m’għandniex kelma fuqha? Mela le! Imma aħna jrid ikollna d-dritt ukoll illi nsemmgħu l-vuċi tagħna, talinqas ngħidu: “Fuq din il-materja m’għandniex pożizzjoni”, imma mhux niġu esklużi “a priori” għas-sempliċi fatt li aħna dixxipli ta’ Kristu, bħalma kien dixxiplu San Ġorġ.
Jiena f’Mejju li għadda ħadt sehem fl-assemblea ġenerali ta’ l-isqfijiet Taljani, taċ-CEI. Mort nirrappreżenta l-konferenza episkopali tagħna. U l-kardinal Bagnasco, li huwa l-president ta’ l-isqfijiet Taljani, għamel diskors fejn fost ħwejjeġ oħra qal: “Huwa tassew inkredibbli illi hawn min irid illi t-twemmin Kristjan jiġi ‘snaturalizzat’, imneżża’ min-natura tiegħu”. Inkredibbli illi fis-seklu tagħna hawn min irid ineżża’ r-reliġjon min-natura tagħna, għaliex jibża’ mill-kontribut li tista’ tagħti fid-dibattitu pubbliku. Kompla jgħid Bagnasco illi “huwa skorrett illi wieħed ipoġġi kontra xulxin ir-raġuni u l-fidi, għaliex” – u hawnhekk jikkwota lill-Papa f’dak id-diskors interessanti li għamel f’Ratisbona sentejn ilu; il-Papa hemmhekk qal: – “jekk ir-raġuni hija truxa għal dak li huwa sagru, allura r-raġuni, li qed tpoġġi lir-reliġjon f’sottokultura, ħa tfalli fid-djalogu tagħha mal-kultura ta’ żmienna”. U meta l-Papa mar fil-Ġnus Magħquda f’April li għadda ukoll ħass il-bżonn li jitkellem fuq dan l-argument li qed inkellemkom fuqu dalgħodu; u qal il-Papa: “Huwa insensibbli illi l-lum, għax wieħed huwa Kristjan, ma jistax isemma’ l-vuċi tiegħu. Ma jistax ikun illi wieħed – il-Kristjan – jiġi mitlub illi jissoprimi element essenzjali mill-ħajja tiegħu, li huwa l-fidi, ħalli jkun jista’ jgħix ta’ ċittadin”. Il-Papa jkompli jgħid: “Ma nistgħux nifhmu kif il-bniedem il-lum xi drabi jiġi mitlub jirrinunzja għal Alla biex imbagħad ikun jista’ jgawdi d-drittijiet proprji tiegħu”.
Għeżież tiegħi, dan kollu jiena nħoss illi ddefendieh San Ġorġ, nerġa’ ngħid, meta hu ħadha kontra dak l-editt fejn Djoklezjanu pprojbixxa li l-Kristjani jkollhom uffiċċju pubbliku, meta Djoklezjanu ried li l-Kristjani jaħarqu l-inċens quddiem l-allat tar-reliġjon Rumana. U allura l-lum li qegħdin nagħmlu din il-festa, jien sinċerament nixtieqha tkun festa illi lilna tixprunana – u meta qed ngħid lilna, mhux lil din il-komunità biss; intom tafu: meta jiena naqsam il-ħsieb tiegħi magħkom, niftaħ qalbi magħkom, qed inkellem lill-poplu ta’ Alla f’Għawdex.
Din is-sena din il-komunità parrokkjali qed tiċċelebra l-ħamsin sena minn meta din il-knisja kisbet it-titlu – li jagħmel sens – ta’ bażilika. Tafu l-ewwel bażilika meta nbniet? Inbniet wara li Kostantinu għamel l-editt li jirrikonoxxi d-dritt tal-libertà reliġjuża. Dakinhar bdew jinbnew il-bażiliċi. U jien dan li nitlobkom meta qegħdin nikkommemoraw din il-ġrajja. Ftakru, għeżież tiegħi, illi l-bażilika hija l-għamara ta’ dak li jissejjaħ “Basileus”, li huwa Kristu; Kristu l-bieraħ, il-lum u għada; Kristu, it-Triq tal-bniedem tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada. Imma l-bażilika hija wkoll fejn jinġema’ l-poplu ta’ Alla ħalli jiċċelebra l-kult, ħalli jħalli lill-Imgħallem jiffurmah, isawru, biex imbagħad ikun kapaċi ħalli jagħti kontribut bis-sens lis-soċjetà tal-lum.
U jien nixtieq illi fis-sena li ġejja, jiġifieri minn Ottubru li ġej, meta fid-djoċesi tagħna sejrin norganizzaw Missjoni djoċesana – u nappella lil kulħadd biex jikkopera ħalli din tkun mument ta’ grazzja – jalla din il-bażilika, bħall-knejjes l-oħra fid-djoċesi, tkun ċentru ta’ diffużjoni tat-tagħlim ta’ Kristu, anki fid-diskussjoni pubblika ta’ pajjiżna. Nixtieq illi din il-Missjoni tkun sejħa biex il-mondanità tagħmel ftit ta’ awtokritika u tara fejn hi sejra. Imma nixtieq ukoll li l-Missjoni tkun sejħa ħalli l-Kristjani, il-Knisja tagħmel ukoll awtokritika, u naraw jekk aħniex mixjin dejjem f’direzzjoni tajba, jekk aħniex nimbuttaw dak li għandu jiġi mbuttat, jekk aħniex mixjin lejn il-maturità Kristjana.
Din hija t-talba li dalgħodu jiena nagħmel minn qalbi lil San Ġorġ, ħalli jkun hu l-għelm tagħna, mhux biss biex bħalu aħna nkunu konvinti mill-vokazzjoni tagħna, mill-identità tagħna u mill-missjoni tagħna fid-dinja tal-lum, imma ħalli ma jonqosniex il-kuraġġ, u jekk hemm bżonn illi nippronunzjaw irwieħna, jekk hemm bżonn illi nieħdu pożizzjoni, jekk hemm bżonn illi jittieħdu deċiżjonijiet evanġeliċi, dan nagħmluh bħalma għamilhom San Ġorġ, anki jekk quddiemna naraw it-theddida tal-martirju; għaliex aħna nemmnu illi l-martirju m’hux l-aħħar kelma, imma l-aħħar kelma hija r-Riżurrezzjoni, il-Qawmien ta’ Kristu, ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq il-ħażen… Kristu li lilna jippartiċipana f’dan kollu.