Aqbeż għall-kontenut

Zokk Maħdum

Quddiemna għandna lil San Ġorġ, statwa tarmi l-ġmiel u s-seħer; imma meta Pietru Pawl Azzopardi beda jaħdem fuqha, din l-istatwa kienet zokk ta’ siġra. Bl-artistrija u bl-għodod li kellu, wara li lesta t-taqxir taz-zokk, Azzopardi beda jnaddfu, jaqta’ u jirfina sakemm bil-mod il-mod bdiet ħierġa l-figura ta’ dan il-Kavallier ta’ Lidda li mhux biss iżejjen dan it-tempju imma wkoll lil qlubna. Fil-fatt, propju waqt li kont dieħel hawn illejla, ilmaħt waħda anzjana moħbija wara pilastru u stedintha tersaq fin-nofs biex tkun tista’ tara l-istatwa ta’ San Ġorġ. It-tweġiba tagħha kienet: “Dak jien narah għaliex qiegħed fil-menti tiegħi”.

Naħseb li waqt li kien jiskolpixxi z-zokk ta’ din l-istatwa, Azzopardi ltaqa’ ma’ xi ngropp, għoqda, qasma jew tiċrita. Fuq kollox, huwa kellu jaħdem bis-sabar kollu biex din l-għuda mqallgħa, jagħmilha lixxa u sabiħa. Hekk illum għandna din l-istatwa ta’ qaddis.

X’inhi l-qdusija li naraw tilma f’San Ġorġ? Hija l-ħidma li Alla jwettaq fuq il-bniedem. Dak Alla li qaddes lil Ġorġi huwa l-istess li jqaddes lilna.

Din l-istatwa ma twelditx sabiħa, imma kien l-artist li ħareġ dan il-kapulavur. San Ġorġ ma twelidx qaddis, imma maż-żmien libes il-qdusija. Jekk aħna nippruvaw nagħmluh qaddis minn ġuf ommu, naħseb li ma nkunux realistiċi, għaliex il-qaddis huwa dak li bil-mod il-mod jikber fix-xebh tiegħu ma’ Kristu.

Kull wieħed u waħda minna qisu zokk, anki xi ftit imqalla’. L-artist huwa l-Ispirtu ta’ Alla. Aħna rridu nħalluh jaħdem fina biex joħroġ dik ix-xbieha li hemm fina li konna maħluqa fuq ix-xebh ta’ Alla. Ma nistagħġbux jekk f’ħajjitna jkun hemm l-ingroppi jew għoqod jew tiċrit. L-artist divin huwa kapaċi jdur mal-ingroppi, ineħħi l-għoqod u jimla t-tiċrit biex minn kull wieħed minna joħroġ il-ġmiel u l-qdusija. Huwa importanti li fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fina – aħna min aħna u tkun xi tkun il-qagħda tagħna. Ma hemm ebda zokk li ser jaqta’ qalb l-imgħallem li jrid joħroġ minna xbieha sabiħa.

Meta nitkellmu fuq San Ġorġ, ħafna drabi aħna nieqfu nirriflettu fuq il-martirju tiegħu; imma San Ġorġ ma kienx ser jagħmel l-għażla tal-martirju kieku matul il-pellegrinaġġ ta’ ħajtu hu ma għamilx għażliet żgħar li ħejjewh għall-għażla l-kbira. Huma dawn id-deċiżjonijiet iż-żgħar li jħejjuna biex meta jkun il-waqt, ma nibżgħux nagħtu xhieda tiegħu, anki jekk dan ikun jiswielna prezz għoli!

San Ġorġ huwa kbir għaliex il-grazzja ta’ Alla strieħet fuqu u għamlet minnu stilla tiddi li għadha tarmi d-dawl (qdusija) tagħha. Nawgura li ċ-ċelebrazzjonijiet li saru matul din is-sena biex ifakkru l-175 sena tal-istatwa ta’ San Ġorġ, iservu bħala stimolu biex il-membri fi ħdan il-komunità parrokkjali jixxenqu għal gradi ogħla ta’ qdusija. Nirringrazzja lill- Arċipriet [Pawlu] Cardona għall-attivitajiet spiritwali, liturġiċi u kulturali li bihom insiġtu din is-sena speċjali. Jekk wieħed irid ikejjel is-suċċess ta’ dawn il-festi, nistiednu jħares f’għajnejn il-komunità parrokkjali u jara jekk fihom jilmaħx stilel li bħal San Ġorġ jarmu d-dija tal-qdusija.

pdf · 55.76 KB Niżżel