L-Eminenza Tiegħu Mons. Mario Grech,
it-Tmien Isqof ta’ Għawdex
Mario Grech twieled u tgħammed fil-Parroċċa tal-Qala, Għawdex nhar l-20 ta’ Frar 1957. Ta’ età żgħira missieru George u ommu Stella ħaduh fir-raħal Ta’ Kerċem, fejn beda jattendi l-Iskola tas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani u l-Iskola Primarja Ta’ Kerċem. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Iskola Sekondarja tal-Gvern tal-Belt Victoria, fl-1977 beda l-kors tal-Filosofija u iktar tard dak tat-Teoloġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.
Wara l-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu fil-Katidral ta’ Għawdex, nhar is-26 ta’ Mejju 1984, minn idejn l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, Dun Mario ntbagħat Ruma fejn kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Fis-snin ta’ wara, kiseb ukoll id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino. Fiż-żmien li dam Ruma, barra mill-ħidma pastorali li wettaq fil-Parroċċa tal-Assunzjoni fejn kien residenti, Dun Mario ħadem ukoll fil-kamp tal-Liġi Kanonika fit-Tribunali tal-Knisja f’Ruma, kemm fil-Vigarjat u kemm fis-Sacra Romana Rota.
Mar-ritorn tiegħu f’Għawdex hu kien assenjat diversi ħidmiet pastorali fil-Kurja Djoċesana, fejn għal diversi snin kien l-Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja. Iktar tard, fl-1993, hu nħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, u fl-istess waqt Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta. Dun Mario kien imdaħħal ukoll fil-proċess għall-Beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita DeBrincat, Fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll fil-Proċess għall-Beatifikazzjoni ta’ Mons. Ġużeppi De Piro, Fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Fuq livell djoċesan jibqa’ mfakkar is-sehem li ta Dun Mario fit-twaqqif tar-Radju RTK 103 u l-parteċipazzjoni tad-Djoċesi Għawdxija f’din il-kumpanija, kif ukoll fil-bini tal-Lumen Christi Media Centre. Dun Mario sab ukoll ħin biex jgħin lill-persuni kkonsagrati permezz tal-ħidma tiegħu mal-komunità ta’ lajċi kkonsagrati, Anawim. Fl-2004, Dun Mario aċċetta li jidħol għat-tmexxija tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Ta’ Kerċem, Għawdex.
Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru 2005, Dun Mario ġie nominat mill-Papa Benedittu XVI bħala t-tmien Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-Konsagrazzjoni Episkopali u l-Ingress Solenni tal-Isqof Mons. Mario Grech saru fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar il-Ħadd 22 ta’ Jannar 2006. Hu ġie kkonsagrat isqof mill-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi, assistit mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, u l-E.T. Mons. Felix del Blanco Prieto, Nunzju Appostoliku ta’ Malta.
Fit-2 ta’ Ottubru 2019, il-Papa Franġisku ħatru Pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, u eventwalment fil-15 ta’ Settembru 2020 Segretarju Ġenerali tas-Sinodu. Fil-Konċistorju tat-28 ta’ Novembru tal-istess sena huwa ġie kkreat Kardinal-Djaknu, fejn ingħata bħala knisja titulari l-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan f’Ruma. Huwa fost l-oħrajn membru tat-Tribunal Suprem tas-Segnatura Apostolica, tad-Dikasteru għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, tad-Dikasteru tal-Isqfijiet, kif ukoll tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara.
Il-Ministeru episkopali tal-Isqof Mario Grech fid-Djoċesi ta’ Għawdex
2006-2019
Matul il-kważi 14-il sena tal-ministeru tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex, fejn adotta l-motto In Fractione Panis (Fil-Qsim tal-Ħobż), Mons. Mario Grech ħadem “f’ħinu u barra minn ħinu” biex jaqsam l-għana tal-Kelma u l-Ewkaristija mal-poplu ta’ Alla fil-gżira ta’ Għawdex.
Dritt wara l-ħatra tiegħu bħala Isqof fl-2006, hu għamel żjajjar fraterni lill-komunitajiet u l-parroċċi kollha ta’ Għawdex, waqt li bejn l-2013 u l-2016 għamel Viżta Pastorali fil-ħmistax-il komunità parrokkjali tad-Djoċesi.
Barra bil-predikazzjoni u l-interventi studjati tiegħu, hu fittex li jifforma l-qalb tal-poplu ta’ Alla b’20 Ittra Pastorali li kiteb bħala Isqof ta’ Għawdex u 34 oħra li indirizza flimkien ma’ membri oħra tal-Konferenza Episkopali Maltija, barra l-għadd ta’ Ittri oħra fuq temi speċifiċi li kiteb lil kategoriji differenti fil-Knisja lokali u fis-soċjetà. Il-Missjoni Djoċesana (2008-2009) u s-Sena Djoċesana Marjana (2018-2019) wkoll kienu żewġ okkażjonijiet oħra li fihom, taħt it-tmun tiegħu, il-Knisja f’Għawdex fittxet li tissawwar aktar fl-imħabba tal-Kelma u taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija. Fl-2019 ħabbar li se jitwaqqaf fid-Djoċesi Istitut għall-Ministeru Pastorali.
Bl-għan li jkun aktar qrib tal-Insara Għawdxin barra minn xtutna, hu għamel żjajjar pastorali lill-emigranti fl-Istati Uniti tal-Amerika (23-31 ta’ Mejju 2006), il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika (22 ta’ April–5 ta’ Mejju 2008), u l-Awstralja (28 ta’ Settembru–1 ta’ Novembru 2011).
Fittex ukoll li jkun qrib tal-missjunarji Għawdxin imxerrda mal-kontinenti, u għamel żjajjar pastorali fl-artijiet tal-missjoni fl-Albanija (22-25 ta’ Settembru 2006), il-Brażil (13 ta’ Settembru–1 ta’ Ottubru 2009) u l-Perù (13-22 ta’ Novembru 2018).
Ġedded kważi l-parrokat Għawdxi kollu, u bl-għan li jikkonsolida l-fraternità presbiterali, f’għadd ta’ parroċċi reġgħet infetħet il-‘kanonika parrokkjali’, fejn numru ta’ saċerdoti jgħixu flimkien mal-kappillan.
Fil-qasam tal-familja, kienet rifondata l-pastorali mal-għarajjes u l-familja: f’Mejju 2011 fetaħ Ċentru ta’ Terapija Familjari f’Ta Pinu (Gozo Family Counselling Centre) biex jagħti għajnuna professjonali lill-familji li jkunu f’xi diffikultà, waqt li saret ukoll riforma fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Insista wkoll biex il-Knisja f’Għawdex ikollha entità tagħha, imwaqqfa fl-2017, li teduka u toffri sapport għall-protezzjoni tal-minuri fil-Knisja kif ukoll b’mod ġenerali fil-komunità lokali.
Kellu għal qalbu proġetti soċjali u ta’ karità, bi prijorità fosthom is-sostentament tal-kleru Għawdxi permezz tal-introduzzjoni tal-paga minima xi snin ilu, kif ukoll l-introduzzjoni tal-hostels għall-istudenti Għawdxin (2018) u l-allokazzjoni ta’ Dar Trijonfi biex tintuża bħala Ċentru Djoċesan tal-Karità (2019).
Fl-2017 inawgura ċ-Ċentru ta’ Arti Liturġika Eikon bl-għan li fid-djoċesi jkun hawn tiġdid fl-arti sagra u liturġika.
L-Isqof Mario Grech mexxa l-ordinazzjoni presbiterali ta’ 24 saċerdot djoċesan u 2 reliġjużi kif ukoll dik episkopali tal-Isqof Għawdxi George Bugeja OFM; stieden f’Għawdex lis-Sorijiet Klarissi u tahom il-Monasteru Nazaret ħdejn Dar Manresa fil-Belt Victoria (2001); waqqaf fid-Djoċesi ta’ Għawdex l-Ordni tal-Verġni (2013); approva l-ewwel Kostituzzjoni tal-Komunità Anawim, Assoċjazzjoni Lajkali Pubblika (2013); u fetaħ il-Proċessi Djoċesani tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ żewġ Għawdxin: il-Qaddejja ta’ Alla Dun Mikiel Attard (2014) u Fra Grazzja Cauchi OSA (2016).
Mons. Mario Grech kien ukoll President tal-Konferenza Episkopali Maltija bejn l-2013 u l-2016, kif ukoll rappreżentant tal-Konferenza Episkopali Maltija fuq il-COMECE u s-CCE, kif ukoll fi tliet Sinodi tal-Isqfijiet: it-XIII-il Sinodu Ġenerali Ordinarju fuq l-Evanġelizzazzjoni Ġdida għat-Trażmissjoni tal-Fidi Nisranija (Ruma, 2012); it-III Sinodu Ġenerali Straordinarju fuq l-Isfidi Pastorali tal-Familja fil-Kuntest tal-Evanġelizzazzjoni (Ruma, 2014); u l-XIV-il Sinodu Ġenerali Ordinarju fuq il-Vokazzjoni u l-Missjoni tal-Familja fil-Knisja u fid-Dinja tal-Lum (Ruma, 2015). F’Mejju 2012 għamel ukoll Viżta ad Limina lill-Papa Benedittu XVI.