L-E.T. Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi (1929-2010),
is-Seba’ Isqof ta’ Għawdex
“Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn l-E.T. Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi li qed jgħaddilna wirt sabiħ u qaddis. Lil dan l-isqof li tassew ħabb lill-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex u bata għaliha, nixtieq li nuruh l-apprezzament tagħna”. Hekk kiteb l-E.T. Mons. Mario Grech fl-ewwel ċirkulari tiegħu lill-poplu tad-Djoċesi ta’ Għawdex biex jesprimi r-radd ta’ ħajr u l-apprezzament tiegħu lill-Isqof Cauchi għall-ħidma li wettaq tul l-episkopat twil tiegħu.
L-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kellu biss 39 sena meta nhar l-24 ta’ Frar 1967 il-Papa Pawlu VI ħatru biex ikun ir-Ragħaj spiritwali tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Kien daħal għal biċċa xogħol iebsa, l-iktar minħabba l-fatt li kien għadu kif intemm il-Konċilju Vatikan II u allura kien meħtieġ li dak deċiż mill-Konċilju jkun imqiegħed fil-prattika fid-djoċesijiet kollha. Barra dan, hu wiret sitwazzjoni ta’ parrokkjaliżmu li qajla kien faċli tinstab soluzzjoni għaliha. L-Isqof Cauchi ħareġ bl-unuri kollha fit-tnejn, b’rebħa għall-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex u b’sodisfazzjon ta’ kulħadd.
Mill-Għarb għal Ruma
Nikol Ġużeppi Cauchi twieled l-Għarb, Għawdex, bin Ġużeppi Cauchi u Ġużeppina Portelli, nhar it-2 ta’ Marzu 1929. Hu studja fl-Iskola Primarja tal-Għarb; fil-Liċeo, ir-Rabat; u għamel il-kors Filosofiku u Teoloġiku fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Għawdex. Bħala seminarist kien ikkunsidrat wieħed mill-aħjar, dejjem jaqra u jistudja. Kien ukoll ikun minn ta’ quddiem fir-reċti fuq il-palk u, xi drabi, anki fil-kitba tal-istess reċti. Nhar id-29 ta’ Marzu 1952, l-Isqof Ġużeppi Pace ordnah qassis fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex.
Hu kompla l-istudji tiegħu fl-Università Pontifiċja Gregorjana, Ruma, minn fejn akkwista l-Baċellerat, il-Liċenzjat, u d-Dottorat fil-Filosofija (PhD). It-teżi dottorali tiegħu kienet fuq il-ħsieb filosofiku ta’ Don Luigi Sturzo (1871-1959) – qassis u politiku Taljan li fis-sena 1919 waqqaf il-Partito Popolare Italiano. Dun Nikol temm ukoll b’suċċess Liċenzjat fix-Xjenzi Soċjali (Lic.Sc.Soc.). Bejn is-snin 1952 u 1956, meta hu kien joqgħod Ruma, għamel ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ Ladispoli, raħal barra minn Ruma.
Ħidma sfiqa Għawdex
Nhar it-3 ta’ Mejju 1956, l-Isqof Pace ħatru Kappillan tal-Fontana. Fl-istess żmien beda jgħallem it-Taljan fis-Seminarju Minuri u l-Filosofija u s-Soċjoloġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. F’dawk is-snin okkupa diversi karigi oħra: Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika; Viċi-President tal-Ġunta Djoċesana fiż-żminijiet diffiċli ta’ konfront bejn il-Knisja u l-Istat; l-ewwel moral advisor tal-Moviment ta’ Kana f’Għawdex; wieħed mill-fundaturi u direttur spiritwali tal-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin; Moderatur tal-Każijiet Morali; Eżaminatur Pro-Sinodali tad-Djoċesi; kif ukoll predikatur u konfessur imfittex ħafna.
Fis-sena 1958 hu kien il-moħħ wara t-twaqqif tal-MAS – il-Moviment Azzjoni Soċjali, Għawdex – li tiegħu kien l-ewwel President. Fis-sena 1959 beda joħroġ il-Gozo Year Book. Ta wkoll sehem attiv fit-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex, li fis-sena 1961 kiseb ċerta awtonomija fit-tmexxija tal-gżira ta’ Għawdex.
Fl-aħħar ta’ Settembru 1962, Dun Nikol irriżenja minn kappillan mal-ħatra tiegħu bħala Prefett tal-Istudji fis-Seminarju. Hu beda bil-mod il-mod jirriforma l-kurrikulu tal-istudji kemm fis-Seminarju Minuri u kemm fil-Maġġuri. F’Jannar 1965 inħatar ukoll Editur tal-ġurnal djoċesan Għawdex (imwaqqaf f’Ġunju 1945). Ħadem biex jagħtih xeħta iktar moderna fid-dehra u fil-kontenut u żied mal-isem biex għammdu Il-Ħajja f’Għawdex.
Isqof Awżiljarju u Amministratur Appostoliku
Il-Papa Pawlu VI ħatru Isqof Awżiljarju għal Għawdex u Isqof Titulari ta’ Vico di Augusto nhar l-24 ta’ Frar 1967. L-aħbar ingħatat nhar it-2 ta’ Marzu 1967, f’jum għeluq sninu. Inqas minn xahar wara, nhar it-22 ta’ Marzu, inħatar ukoll Amministratur Appostoliku. B’din it-tieni ħatra, it-tmexxija tad-Djoċesi għaddiet f’idejh għalkollox. Proprju l-għada, it-23 ta’ Marzu, Ħamis ix-Xirka filgħaxija, mexxa l-ewwel funzjoni fil-Katidral għalkemm kien għadu mhux ikkonsagrat.
Nhar id-9 ta’ April 1967, l-E.T. Mons. Martin O’Connor, Nunzju Appostoliku għal Malta, ikkonsagrah Isqof bit-titlu tas-Sede Titulari ta’ Vico di Augusto, it-tieni isqof ikkonsagrat fil-Katidral ta’ Għawdex. Nhar l-20 ta’ Lulju 1972, ġimgħat wara l-mewt tal-predeċessur tiegħu Ġużeppi Pace, il-Papa Pawlu VI ħatru bħala s-seba’ Isqof ta’ Għawdex. Għamel l-ingress solenni fil-Katidral ta’ Santa Marija nhar l-10 ta’ Settembru.
Episkopat ta’ 38 sena
Mhux possibli li ssemmi mqar fil-qosor il-ħidma episkopali tul 38 sena, in-numru kbir ta’ riformi li twettqu fil-ħajja djoċesana, u l-ġid kbir li sar matul l-episkopat tal-Isqof Cauchi. Iżda min irid ikun sinċier ma jistax ma jammettix li hu ħadem bis-sħiħ, iddedika ħajtu, l-enerġiji u t-talenti sbieħ tiegħu għas-servizz tad-Djoċesi Għawdxija.
Hemm ħafna oqsma fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex li għandhom il-marka tal-Isqof Cauchi. Uħud jafu l-eżistenza tagħhom mill-bidu nett lilu, waqt li oħrajn ħa ħsiebhom bħal bidwi għaqli li mhux biss iħawwel il-ġdid iżda jikkura wkoll dak li jkun diġà mħawwel minn ħaddieħor. Għad jgħaddu s-snin… imma ħafna għad ikunu dawk li jibqgħu jiftakru bi mħabba lill-Isqof Cauchi u jibqgħu japprezzaw il-wirt li ħalla lid-Djoċesi.
Insemmi tlieta li jidhirli huma ta’ importanza kbira:
Mal-ewwel xhur tal-ħidma episkopali tiegħu beda jitħabat bis-sħiħ għall-aġġornament tal-kleru f’Għawdex. Beda b’riformi kbar fis-Seminarju Maġġuri u anki fil-Minuri. Kien regolarment jorganizza seminars u konferenzi biex jgħin fl-għarfien aħjar tat-tagħlim tal-Knisja. Beda jibgħat diversi saċerdoti ġodda ħalli jkomplu l-istudju tagħhom f’universitajiet Ruma u hekk iggarantixxa l-futur tas-Seminarju. F’Novembru 1968 hu fetaħ librerija djoċesana b’kotba moderni fis-Seminarju biex isservi kemm għas-seminaristi u kemm għall-qassisin u s-sorijiet. Tħabat ħafna anki fuq livell materjali. Il-kleru Għawdxi ma kellu ebda dħul fiss. Ipprova litteralment ilaqqat kemm kien possibbli ħalli jkun jista’ jipprovdi dħul fiss, anki jekk żgħir, lill-qassis Għawdxi.
Nhar it-22 ta’ Jannar 1975, waqt laqgħa tal-Kunsill Pastorali, hu ħabbar li xtaq ħafna li l-Kungress Pastorali li kien sa jsir iservi bi tħejjija għal Sinodu Djoċesan, jiġifieri laqgħat organizzati għal kulħadd għat-tiġdid spiritwali tal-ħajja Nisranija f’Għawdex. Wara snin sħaħ ta’ preparazzjoni, is-Sinodu nfetaħ il-Katidral nhar il-11 ta’ Ottubru 1992 u ngħalaq nhar it-22 ta’ Novembru. L-atti sinodali, bil-Latin u bil-Malti, kienu ppubblikati fid-9 ta’ Marzu 1993.
Ħolma oħra tiegħu li ħadem għaliha bis-sħiħ kienet il-ftuħ ta’ Skola Sekondarja tal-Knisja għall-Bniet. Kien iħobb jgħid, u bir-raġun, li Għawdex ma kienx hemm għażla. Għamlulu elf diffikultà, u ried ikun bniedem tal-azzar bħalma kien l-Isqof Cauchi biex jintrebaħ kull tfixkil. Il-ħolma seħħet bil-ftuħ tal-iskola sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof f’Settembru 2002.
Isqof attiv sal-aħħar
Nhar is-26 ta’ Novembru 2005 tħabbret ir-riżenja tiegħu minn Isqof ta’ Għawdex. Il-Ħadd 15 ta’ Jannar 2006 kien mument speċjali u sabiħ għad-Djoċesi Għawdxija. Dakinhar l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi radd ħajr ’l Alla fil-Katidral fit-tmiem tal-mandat tiegħu bħala l-Isqof Djoċesan. Il-poplu Għawdxi nġabar bi ħġaru fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex sabiex flimkien ma’ Mons. Cauchi jrodd ħajr lil Alla u lil Ommna Marija tal-grazzji li ssawbu fuqna permezz tal-istess Isqof Cauchi tul 38 sena ta’ episkopat tiegħu b’risq id-djoċesi tagħna, id-Djoċesi Għawdxija. F’din l-okkażjoni numru ta’ saċerdoti li jinsabu jwettqu l-ħidma tagħhom ’il barra minn xtutna ħallew il-parroċċi rispettivi tagħhom u ġew Għawdex biex huma wkoll, bil-preżenza tagħhom, iroddu ħajr lill-Isqof Cauchi għall-ħidma tiegħu.
L-Isqof Cauchi, f’kelmtejn tal-okkażjoni, ħeġġeġ biex il-familja Għawdxija tissokta titlob flimkien, b’mod speċjali bit-talba tar-Rużarju. Talab ukoll skuża jekk xi darba seta’ naqas lil xi ħadd. Id-diskors intlaqa’ b’applaws kbir.
Il-ħidma tal-Isqof Emeritu Nikol Ġ. Cauchi ma ntemmitx dakinhar. Bil-kitba, bl-omeliji fil-quddies, u bil-programmi tiegħu fuq ir-radju, u bit-tagħlim tal-Filosofija fis-Seminarju, suġġett li minn dejjem kien għal qalbu, hu kompla jagħti l-kontribut siewi tiegħu lid-Djoċesi.
Barra dan, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kompla jikteb. Kien ilu joħroġ rivisti u kotba minn meta kien għadu żgħir. Kien għadu student il-Liċeo meta beda joħroġ Id-Dawl, bullettin tal-Azzjoni Kattolika tal-Għarb. Malli daħal is-Seminarju beda jikkontribwixxi b’artikli qosra fuq Għawdex lill-ġurnal Leħen is-Sewwa. Bħala Kappillan il-Fontana kien joħroġ bullettin jismu Il-Ħajja tal-Parroċċa. U l-lista tkompli. Kiteb madwar il-100 ktieb.
F’Settembru 2002, fis-sena li fiha għalaq 50 sena saċerdot, jien, f’isem id-Djoċesi, kont organizzajt wirja f’ġieħu fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Sa dakinhar kien kiteb 68 ktieb. U kompla dejjem jippubblika.
Fi ħdan il-Missier tas-Sema
Nhar is-27 ta’ Ottubru 2010, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kien rikoverat f’qagħda kritika fil-Cardiac Care Unit tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. L-għada ttieħed b’ħelikopter militari fl-Isptar Mater Dei. Fl-aħħar jiem deher li kien qiegħed jirpilja, għalkemm il-qagħda tiegħu baqgħet dejjem kritika.
L-Isqof Nikol Ġ. Cauchi – is-seba’ Isqof ta’ Għawdex – miet fl-Isptar Mater Dei fis-6.00am tal-15 ta’ Novembru 2010. Kien jum it-Tifkira liturġika ta’ San Albertu l-Kbir, filosfu kbir bħalu, qaddis li hu tant kien jammira tant li darba jien u hu morna flimkien f’xita bil-qliel fuq il-qabar tiegħu fil-kripta tal-Knisja Dumnikana ta’ St Andreas, Cologne.
L-Isqof Cauchi mhux sa jintesa malajr mill-memorja u mill-affett tal-Għawdxin kollha, b’mod ġenerali u l-iktar minn min kellu x-xorti li jsir jafu mill-qrib, għaliex ismu sa jibqa’ marbut intimament mal-ġrajja glorjuża ta’ pajjiżna għal dejjem.
Kitba ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina