Is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Belt Victoria, inawgurat fl-4 ta’ Novembru 1866, għandu l-missjoni li joffri programm ta’ formazzjoni umana, spiritwali, intellettwali u pastorali lil dawk il-ġuvintur li jixtiequ jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla biex ikunu presbiteri fil-Knisja tiegħu. Minbarra dan, parti mill-ħidma tiegħu hija wkoll dik li jippromovi l-pastorali vokazzjonali u joffri għajnuniet ta’ formazzjoni kontinwa lill-kleru.
L-importanza tas-Seminarju fil-ħajja tal-Knisja lokali tagħmel minn dan il-post wieħed speċjali u ta’ għożża kif muri mid-diversi benefatturi li jsostnu spiritwalment u materjalment lil din “il-qalb tad-Djoċesi”.
Marbuta mas-Seminarju Maġġuri hemm l-iskola sekondarja tas-Seminarju Minuri li toffri lill-istudenti subien l-edukazzjoni meħtieġa fid-dawl tal-valuri tal-Evanġelju u b’attenzjoni partikulari għas-sejħa vokazzjonali ta’ kull wieħed.