Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru 2018, l-E.T. Mons. Mario Grech mexxa l-Quddiesa “tal-Ispirtu s-Santu” li fiha ngħata bidu għal sena oħra ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Għal din il-quddiesa, li saret fil-Kappella tas-Seminarju, kienu preżenti s-superjuri, l-għalliema, il-qraba tas-seminaristi, il-voluntiera li jgħinu fis-Seminarju, u l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.
Din is-sena hemm ħdax-il seminarista li qed jagħmlu l-mixja ta’ formazzjoni tagħhom fid-Djoċesi ta’ Għawdex, tnejn minnhom qed jagħmlu l-esperjenza tas-Sena Intermedjarja fl-Italja. Barra minn hekk, żewġ żgħażagħ oħra qed jagħmlu l-mixja propedewtika.
Fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru, il-komunità tas-Seminarju għamlet jiem ta’ rtir fil-Monasteru Benedittin tas-Salib Imqaddes, f’Rostrevor, l-Irlanda. Dan tmexxa minn wieħed mill-patrijiet tal-monasteru, Fr Thierry Marteaux OSB. L-għan kien li s-seminaristi jagħmlu esperjenza tal-ħajja kontemplattiva u jixorbu minn din l-għajn ta’ spiritwalità biex jikbru fir-rabta tagħhom ma’ Kristu.
st-10-2018-bidu-tas-sena-ta-formazzjoni-fis-seminarju-magguri-ta-ghawdex.pdf pdf · 204.93 KB Niżżel