Fl-1 ta’ Frar li għadda, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ħatar lil MONS. JIMMY XERRI (mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria), li hu diġà Delegat tal-Isqof għad-Djakonija u Direttur tal-Caritas Djoċesana, bħala Direttur tal-Fondazzjoni Arka, li tmexxi Dar Arka f’Għajnsielem. Mons. Isqof irodd ħajr lill-Kan. Michael J. Galea li għal dawn l-aħħar 15-il sena qeda f’din l-istituzzjoni bi mħabba u dedikazzjoni, u issa ġie mitlub jgħin b’mod aktar sħiħ fil-ħidma pastorali fil-Parroċċa tax-Xagħra. Il-Fondazzjoni Arka hi mmexxija minn Bord tad-Diretturi, u l-Manager tad-Dar hu s-Sur Marco Formosa.
L-Isqof Anton ħatar ukoll lil DUN MANWEL MAGRO (mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria), bħala Delegat tiegħu għall-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. L-Isqof jirringrazzja lil Dun Giovanni M. Curmi kif ukoll lis-Sinjura Christine Scerri li kienu jkopru dawn ir-rwol fis-snin li għaddew.
DUN ALEX REFALO (mill-Parroċċa tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra) ġie maħtur Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra. Dan sakemm fix-xhur li ġejjin jiġi nnominat Arċipriet ġdid. L-Isqof jirringrazzja lill-Kan. Richard N. Farrugia għall-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar xhur.
st-03-2025-dar-arka.pdf pdf · 134.34 KB Niżżel