Sors: Facebook
Fl-omelija tiegħu fil-Festa ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, ilbieraħ filgħodu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ppreżenta lil dan il-qaddis żagħżugħ li miet martri fil-Persekuzzjoni l-kbira bħala mudell per eċċellenza għaż-żgħażagħ tagħna.
“Qed nagħmlu festa lil dan iż-żagħżugħ qalbieni li jġib l-isem tal-Bidwi l-kbir, il-georgós”, qal l-Isqof. “Dan il-Bidwi l-kbir, li hu Alla, hu stampat fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu, jiġifieri jridna bħalu”.
Allura meta qed nagħmlu l-festa ta’ San Ġorġ, qed niċċelebraw il-festa ta’ xi ħadd li jixbah lil Alla mhux biss f’ismu, imma fil-persuna tiegħu, fisser l-Isqof, għax “il-Missier, permezz ta’ Ibnu, stampa f’dan iż-żagħżugħ qalbieni l-karatteristiċi kollha tal-istess Iben”.
Kollha kemm aħna nixtiequ li din iż-żerriegħa li tinsab fl-oriġni tal-bniedem li hemm fina, tilħaq il-milja tagħha kif għamlet f’San Ġorġ.
⭐ Iż-żgħożija u d-dipendenzi
L-Isqof spjega kif iż-żgħożija hi dik il-faxxa tal-età li tkun għadha tfittex biex issib it-triq tagħha, u tant żgħażagħ ifittxu, bla ma jindunaw, li jwettqu din ix-xbieha ta’ Alla f’ħajjithom.
Imma minnha nfisha din hi età diffiċli u missielta, li ġġib magħha ħafna inċertezzi, sperimentazzjoni, dubji, pressjoni u stress. Dan ma jiġix biss mill-iżvilupp, imma anki minn barra, meta s-soċjetà stess tkompli żżid l-istress taż-żgħażagħ tagħna.
Fost il-pressjonijiet fuq din il-faxxa ta’ età, l-Isqof semma l-midja soċjali: “Kemm hu diffiċli llum tirrelata mal-midja! Issib min sempliċiment juża l-midja biex jattakka jew jesprimi r-rabja tiegħu. Kemm iħossuha ż-żgħażagħ tagħna, meta huma stess iħossuhom oġġett ta’ attakki minn sħabhom u mill-adulti! Iħossuha l-pressjoni li tiġi minn sħabhom, ta’ kif nidher, x’nilbes, x’sustanzi nuża, kemm nixrob jew le, kemm għandi ħbieb u m’għandix!”.
Huwa qal li ż-żgħażagħ jgħixu wkoll il-pressjoni li kultant tiġi mill-istess għejun li huma jfittxu għall-għajnuna, bħal fejn jidħlu r-relazzjonijiet primarji, anki mal-omm u l-missier. Għalhekk, “bħala Knisja, hu l-ewwel dmir tagħna li nfittxu li ngħinu liż-żgħażagħ fid-diffikultajiet li jsibu ruħhom fihom”.
“X’dipressjoni jgħaddu minnha ż-żgħażagħ tagħna, kultant frott sistemi ikbar minn dawk tal-familja, meta jindunaw li qed isiru skjavi ta’ dipendenzi uffiċjalizzati, bħall-ħaxixa u l-marwana! Xi stress jgħixu meta jaqgħu skjavi tal-pornografija, jew iħossuhom dipendenti fuq il-mobile, it-tablet u l-midja soċjali!”, kompla jgħid l-Isqof.
Dan kollu ma jgħinx liż-żgħażagħ tagħna joħorġu minnhom infushom “l-immaġni ta’ Ġesù li titniehed biex toħroġ barra u tiżviluppa!”, u aħna “rridu nkunu magħhom u ngħinuhom, l-istess kif aħna miġburin madwar dan iż-żagħżugħ, Ġorġi”.
⭐ Il-Mulej hu s-soluzzjoni
B’riferiment għall-Qari mill-Vanġelu skont San Ġwann (15:1-8), l-Isqof qal li “Ġesù jippreżenta ruħu bħala s-soluzzjoni”. Imma llum, taqta’ barra l-programmi tal-festi u dawk artistiċi u kulturali, “meta nsemmu lil Ġesù, tinħoloq reżistenza minn kullimkien. Kif insemmu l-fidi, bħallikieku llum kulħadd sar modern u ma għandux bżonnha”.
Min-naħa l-oħra, il-Vanġelu jagħtina “t-triq li għandna ngħinu liż-żgħażagħ jimxu fiha biex isibu tassew lilhom infushom, it-triq li tista’ tassew issalva lilhom u anki lilna”.
L-Isqof saħaq li dan ma jfissirx li ż-żgħażagħ tagħna kollha huma problema u għaddejjin minn kriżijiet kbar, imma hi faxxa delikata, u “lkoll għandna nduru magħhom bħal qaqoċċa bħal dalgħodu biex nissapportjawhom”.
⭐ Ġorġi mudell
Fl-omelija tiegħu l-Isqof tkellem dwar it-trobbija li kellu Ġorġi li diġà kienet pedament għal kif imbagħad kellu jkun fiż-żgħożija tiegħu.
“Jekk irridu żgħażagħ reżiljenti, konvinti, u li ma jibżgħux jaffaċċjaw il-problemi tas-soċjetà ta’ żmienna, għandna bżonn trobbija soda li fiha relazzjonijiet li ħadd ma jista’ jidħol flokhom”, għax “tbiddel kemm tbiddel, dawk ir-relazzjonijiet tal-bidu huma neċessarji, u jiffrankaw lill-bniedem ħafna tbatija ’l quddiem”.
B’riferiment għat-trobbija Nisranija tal-qaddis, l-Isqof qal li “Ġorġi kellu din il-grazzja li jsib sapport sa mit-tfulija tiegħu fil-familja Nisranija tiegħu. Imma kellu d-diffikultajiet tiegħu wkoll, kif ikollna aħna”.
Mhux biss missieru Ġeronzju jmut u jħallih żgħir, imma mbagħad ma’ ommu Polikronja kellu jinqala’ mill-għeruq tal-Kappadoċja u jmur f’post ieħor. Din tal-qlugħ mill-għeruq, qal l-Isqof, hi diffikultà li naraw madwarna f’żgħażagħ li forsi ma kibrux magħna, imma llum huma parti minna.
⭐ Il-qadi u s-servizz
Hawn l-Isqof semma kif l-ewwel esperjenza li jagħmel Ġorġi hi dik tal-qadi. “Kemm hu sabiħ li minn kmieni ż-żgħażagħ tagħna jiġu mħarrġa fil-qadi!”. Hawn fakkar fl-esperjenzi ta’ volontarjat li bħalissa stess gruppi ta’ żgħażagħ minn pajjiżna qed jagħmlu f’pajjiżi inqas ixxurtjati minna biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.
Għalhekk, Ġorġi jgħallimna li biex insibu lilna nfusna, l-ewwel irridu nkunu qaddejja, u “l-ewwel tagħlima li jagħtina hi: tibqax iffukat fuqek innifsek, imma fittex li tgħin. Mhux biżżejjed li jiena nfittex l-għajnuna għax jien fil-bżonn, imma rrid infittex li ngħin. Dgħajjef kemm int dgħajjef, int kapaċi tgħin, int utli fis-soċjetà!”. Wissa li “ma nistax bħala żagħżugħ nistenna li l-ewwel niġi sew, biex imbagħad nibda ngħin”.
Ġesù fil-Vanġelu kkwotat seba’ darbiet isemmi l-kelma ‘frott’. Dan għaliex “il-bniedem maħluq biex jagħmel il-frott, u mhux biss biex jiekol il-frott”. Sakemm nibqgħu fuq in-naħa ta’ min jirċievi, nibqgħu tfal.
⭐ Min hu s-Sid?
Imma mhux biżżejjed il-qadi, qal l-Isqof! Ġorġi kien qaddej fidil tal-Imperatur Ruman, imma beda jinduna li aktar minn qaddej kien qed isir skjav. “U anki ż-żgħażagħ tagħna jridu joqogħdu attenti li minn qaddejja ma jsirux ilsiera, dipendenti fuq min flok jagħtina l-libertà, jaqfilna”.
“Min hu s-sid li qed nipprova naqdi?”. L-Isqof issuġġerixxa li għandna nagħmlu din il-mistoqsija, “għax kapaċi mingħalija qed naqdi lil xi ħadd, u nispiċċa lsir tiegħi nnifsi... Fuq ix-xogħol tiegħi, lil min qed naqdi: is-soċjetà u l-ġid komuni, jew lili nnifsi?”.
Argumenta li ħafna dipressjoni u dwejjaq fi żmienna ġejjin minn hekk, “għax inti meta xi darba se tissodisfa lilek innifsek, imqar meta tipprova taqdi lil ħaddieħor imma bl-iskop li tinqeda int?”.
Ġorġi joqgħod attent lil min jaqdi. Imqar jekk kien ta’ ġewwa ma’ Djoklezjanu, u kien igawdi mill-vantaġġi kollha ta’ dan, hu induna li ma kienx f’postu. “Għax aħna qaddejja biss ta’ Ġesù – l-uniku ‘Sid’ li meta taqdih, ma jagħmlekx ilsir, imma jeħilsek, tant liberu li tista’ toffendih u ma jpattilekx”.
“X’libertà jkollu l-bniedem”, temm jgħid l-Isqof Anton, “meta jmur fl-art imqaddsa tal-Vanġelu u jqalleb fil-paġni tiegħu biex jilbes lil Ġesù u jsir xbieha tassew tal-Bidwi l-kbir, bħal Ġorġi!”.
⭐ Is-salvazzjoni hi minn Alla
L-omelija kkonkludiet b’riferiment għal dak li nsibu fl-Apokalissi (7:9-17), fejn smajna kelma qawwija: is-salvazzjoni ma tiġix minn kemm għandi flus, poter jew jien popolari, imma minn Alla u mill-Ħaruf.
Dan ifisser li lkoll kemm aħna, b’mod speċjali aħna l-Insara, għandna “nagħmlu kulma hu possibbli biex ngħixu fl-għalqa ta’ dan il-Bidwi l-kbir, bil-qawwa tal-imħabba li jagħtina Alla biex ngħixu flimkien kif jistħoqqlu l-bniedem”.
Is-soluzzjoni jagħtihielna Ġesù meta jgħidilna: “Ibqgħu fija... Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott”. Dak il-verb, maneas, fl-istess silta tal-Vanġelu nsibuh 11-il darba.
“Ġesù mhux jiċċajta... din hi verità għalina u għaż-żgħażagħ tagħna”, temm jgħid l-Isqof. “Imma qed jifhmuh iż-żgħażagħ dan?”, staqsa. Hawn semma kif 17,000 adult għadhom kemm tgħammdu fil-Lejl tal-Għid fi Franza, u 500 żagħżugħ u żagħżugħa qed iħejju għall-Magħmudija f’Westminster, l-Ingilterra. Għax, “dur u agħqad, fl-aħħar mill-aħħar, Ġesù għandu raġun!”.
Temm bi stedina biex nitolbu “lil San Ġorġ biex kif hu f’ismu ġab l-isem tal-Bidwi l-kbir – hi responsabbiltà għal min f’ismu jġib diġà xi ħaġa mix-xbieha ta’ Alla li ħalaqna –, anki aħna nippruvaw ngħixu dak li poġġa fina l-Missier, kif hu rnexxielu jwettqu fl-aqwa tiegħu”.
Għax “meta ż-żgħażagħ jaraw lilna l-adulti Nsara kuntenti u realizzati, huma wkoll jazzardaw u jirriskjaw li jkunu bħalna u bħal Ġorġi”, għalaq l-omelija tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex.