Nhar il-Ħadd li ġej, 13 ta’ Diċembru, it-tielet Ħadd tal-Avvent imqaddes, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, se jiftaħ solennement il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex, f’ċelebrazzjoni fil-Katidral ta’ Għawdex.
Il-funzjoni tibda fil-5.30pm quddiem id-Dar tas-Sorijiet Karmelitani fil-Belt Victoria, fejn jiġi ċċelebrat ir-Rit tal-Bidu. Imbagħad l-Isqof imexxi purċissjoni lejn il-Katidral tal-Assunta fejn jiftaħ l-ewwel Bieb tal-Ħniena fid-Djoċesi. Iċ-ċelebrazzjoni tkompli b’Pontifikal Solenni tal-Ftuħ tal-Ġublew. Janima l-Kor Djoċesan immexxi minn Ms Dorienne Portelli.
F’Digriet promulgat nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2015, Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija u Jum il-Ftuħ tal-Ġublew, l-Isqof ta’ Għawdex ħabbar ukoll uffiċjalment il-ftuħ ta’ żewġ Bibien Imqaddsa l-oħra fid-Djoċesi ta’ Għawdex: - il-Bieb tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, nhar is-27 ta’ Diċembru 2015, Festa tal-Familja Mqaddsa u l-Jum Ġubilari tal-Familja, fil-5.00pm; - il-Bieb tas-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala, nhar it-2 ta’ Frar 2016, Solennità tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju u tmiem is-Sena speċjali ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata.
L-Insara tad-Djoċesi qed jiġu mħeġġa jagħmlu l-pellegrinaġġ lejn dawn il-knejjes ġubilari, fejn jiġi offrut servizz ta’ akkoljenza, disponibbiltà ta’ konfessuri għall-Qrar, u “il-mejda tal-karità” għall-foqra. Minn dawn il-knejjes, tista’ tinkiseb ukoll l-Indulġenza Plenarja tal-Ġublew.
ftuhgublewtal-hniena.pdf pdf · 209.30 KB Niżżel