Sors: Facebook
Għadha kif intemmet l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) li nżammet f’Salzburg, l-Awstrija, minn nhar it-Tlieta 27 sal-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru 2026. Is-suġġett tal-Konferenza kien: 'L-Evanġelizzazzjoni u s-Sinodalità: Il-Missjoni tas-Saċerdoti llum fl-Ewropa'. L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma attenda bħala rappreżentant tal-Konferenza Episkopali Maltija.
Fost l-interventi importanti kien hemm dak tal-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, li tkellem dwar kif is-sinodalità hija minnha nfisha evanġelizzazzjoni. Huwa kompla qal li s-sinodalità titħaddem fil-Knejjes lokali għax kull waħda minnhom hija l-Poplu qaddis ta’ Alla fl-integrità tiegħu.
Kien hemm ukoll, fost l-oħrajn, intervent tal-Kardinal Lazzaro You Heung-Sik, Prefett tad-Dikasteru għall-Kleru, li ddeskriva l-karatteristiċi tas-saċerdot skont l-Eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku Evangelii gaudium.
L-Isqfijiet preżenti għall-Konferenza ddiskutew u talbu dwar dak li Alla jixtieq mis-saċerdoti tal-Knisja tiegħu f’dan il-mument partikolari tal-istorja.
Meta mistoqsi dwar dan, l-Isqof Anton esprima wkoll il-ħsieb li “fil-Konferenza Episkopali Maltija li ġejja, ikollna l-okkażjoni li nkomplu napprofondixxu dawn is-suġġetti importanti fil-ħajja tal-Knisja”, filwaqt li temm jgħid: “Inrodd ħajr lil Alla għal din l-esperjenza ta’ fidi u ta’ formazzjoni ma’ aħwa oħra Isqfijiet tal-Ewropa. L-Ispirtu Santu jkompli din l-opra tajba li beda fina”.
Miżmuma fil-Bildungszentrum St Virgil, minbarra dibattiti u ħidma fi gruppi, ħinijiet għat-talb u ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi, l-Assemblea inkludiet ukoll l-elezzjoni għall-Presidenza l-ġdida tas-CCEE, fejn (kif jidher fir-ritratt) mal-E.T. Mons. Gintaras Grušas, Arċisqof ta’ Vilnius u President tas-CCEE, inħatru żewġ Segretarji ġodda: l-Arċisqof Eamon Martin ta’ Armach fl-Irlanda, u l-E.T. Mons. Drazen Kutlesa, Arċisqof ta’ Zagreb fil-Kroazja.