Kartolina Kommemorattiva u Timbru Speċjali mill-Maltapost
Fl-okkażjoni tal-Inawgurazzjoni tal-Mafkar tal-Bronż li d-Djoċesi ta’ Għawdex qed twaqqaf f’ġieħ San Ġorġ Preca fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ San Ġakbu, fi Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016, il-Kurja tal-Isqof qed tippubblika Kartolina Kommemorattiva b’Timbru Postali Speċjali maħruġ minn Maltapost plc.
It-timbru jista’ jinkiseb mill-Fergħa tal-Posta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016, fil-ħinijiet tal-ftuħ.
Kopja tal-Kartolina Kommemorattiva bit-timbru speċjali tista’ tinkiseb għall-prezz ta’ €3 mill-Kurja Veskovili, Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, fl-istess jum bejn it-8.30am u l-11.30am.
Is-Soċjetà Filatelika Għawdxija wkoll qed toħroġ Kartolina Kommemorattiva.
L-istatwa monumentali tal-bronż, li sa titqiegħed f’niċċa fil-faċċata tal-knisja msemmija, saret fuq disinn tal-artist żagħżugħ Għawdxi Manuel Farrugia u nħadmet fil-bronż fl-2015 mill-Funderija Domus Dei ta’ Ruma. L-inawgurazzjoni hi nhar il-Ġimgħa stess, fis-6.00pm.
Dan qed isir biex jitfakkru l-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex (1864-2014), il-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija f’Għawdex (1915-2015), u l-75 anniversarju mill-ftuħ tal-ewwel Qasam tas-Subien f’Għawdex (1941-2016).
ghawdex-ifakkar-lil-dun-gorg-kartolina-u-timbru.pdf pdf · 208.43 KB Niżżel