Aqbeż għall-kontenut

Hekk kif, bil-Festa ta’ San Franġisk ilbieraħ, intemm ix-Xahar tal-Ħolqien iċċelebrat…

Sors: Facebook

Hekk kif, bil-Festa ta’ San Franġisk ilbieraħ, intemm ix-Xahar tal-Ħolqien iċċelebrat fil-Knisja universali, id-Djoċesi ta’ Għawdex f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru responsabbli għall-Fondi Ewropej, għadha kemm inawgurat fażi importanti fi proġett ta’ restawr ekoloġiku fuq l-Għolja ta’ Għammar, biswit is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.

Il-proġett inkluda xogħlijiet għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, ir-riġenerazzjoni tal-ħamrija, taħwil ta’ siġar, u infrastruttura oħra għat-tisqija u l-protezzjoni tal-post.

Waqt li tisma’ l-ħtiġijiet urġenti li għandhom id-dinja u l-bniedem tal-lum, il-Knisja f’Għawdex tfittex li tpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd ir-riżorsi tagħha b’risq il-ħarsien tal-ambjent li ngħixu fih u l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u dawk li jiġu jżuruna.

Il-Knisja tħossha wkoll missjoni tagħha li l-aspett tal-edukazzjoni u r-responsabbiltà ambjentali jkun iktar integrat fil-prijoritajiet u fil-ħidma pastorali li twettaq fi gżiritna. Għaldaqstant, id-disinn ta’ dan is-sit sar b’mod li jista’ jilqa’ fih attivitajiet pastorali, bħalma huma ż-żjajjar ta’ klassijiet tal-katekiżmu u għaqdiet, flimkien ma’ inizjattivi oħra.

F’isem il-Knisja f’Għawdex, l-Isqof jixtieq jirringrazzja lill-ħaddiema, professjonisti u kuntratturi kollha li ħadmu fuq dan il-proġett u li żguraw il-livell ta’ kwalità milħuq. Jirringrazzja wkoll lill-Awtoritajiet konċernati li approvaw il-proġett.

L-inawgurazzjoni saret nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru filgħodu. Mons. Tarċisju Camilleri, f’isem l-Isqof, u fil-preżenza wkoll tas-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja Anthony Bezzina, bierek il-proġett.

Aqsam fuq