Sors: Facebook
Id-Djoċesi ta’ Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Caritas (Għawdex), qed toffri servizz ġdid ta’ benessri (wellbeing) f’Dar Manresa, il-Belt Victoria, Għawdex. Dan is-servizz huwa maħsub partikolarment għal persuni li għaddejjin, jew li għaddew, minn sfidi marbuta mas-saħħa mentali, kif ukoll għal persuni li jħossuhom waħedhom.
Is-servizz ġdid tnieda dan l-aħħar wara li nħasset il-ħtieġa li jinħoloq spazju sigur, akkoljenti u ta’ sapport għal kull min għandu għal qalbu l-benessri tiegħu, jixtieq jagħmel ħbieb ġodda u jipparteċipa f’attivitajiet edukattivi, soċjali u kulturali. Is-servizz joffri opportunitajiet biex il-parteċipanti jqattgħu ħin fil-kumpanija ta’ oħrajn, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jiskopru interessi komuni u jsaħħu s-sens ta’ appartenenza fil-komunità. L-għan huwa li jitrawmu rispett u għajnuna reċiproka, filwaqt li kull persuna tħossha milqugħa, mismugħa u apprezzata.
L-attivitajiet jinkludu arti, mużika, xogħol kreattiv, tisjir, eżerċizzju, mixjiet, ġardinaġġ, sessjonijiet ta’ rilassament, u tagħlim ta’ ħiliet utli għall-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll ħarġiet u attivitajiet fil-komunità. Kull min jattendi jkun imħeġġeġ jipparteċipa skont l-interessi, il-ħiliet u l-pass tiegħu, f’ambjent li jsaħħaħ il-benessri u l-kuntatt soċjali. Is-servizz jitmexxa mill-professjonista Jeanette Falzon, li tilqa’ u takkumpanja lill-parteċipanti u tħeġġiġhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.
Dan is-servizz ikun miftuħ it-Tnejn u t-Tlieta mill-11.30am sal-4.30pm, u l-Erbgħa u l-Ħamis mis-7.30am san-12.30pm. Dawk li jixtiequ jagħmlu użu minnu jistgħu jċemplu l-Caritas (Għawdex) fuq 21551723 jew 79771723.
Matul dan ix-xahar ta’ Ottubru, il-Papa Ljun XIV qed jistieden lill-Insara kollha biex jissieħbu fl-intenzjoni tat-talb tiegħu għall-persuni li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali u għall-ministeru tas-saħħa mentali.