Aqbeż għall-kontenut

Illum f'Assisi qed jilħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet ta' diversi ċentinarji…

Sors: Facebook

Illum f'Assisi qed jilħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet ta' diversi ċentinarji marbuta mal-ħajja tal-Patrijarka Serafiku San Franġisk, Djaknu u Fundatur tat-Tliet Ordnijiet li jġibu ismu, ewlenija fosthom dik tat-800 sena minn mewtu li seħħet bħall-bieraħ, 3 ta' Ottubru, tas-sena 1226.

Il-Fqajjar ta' Assisi, bniedem rivoluzzjonarju għal żmienu kif għadu sal-lum, minħabba l-għażla radikali li għamel f'ħajtu għall-qadi tal-Vanġelu u tal-Knisja li hu ħabb bla riservi minkejja d-dnubiet tagħha, mhux biss hu don għall-Familja Franġiskana li waqqaf u għall-Knisja kollha, imma hu fil-veru sens tal-kelma patrimonju dinji.

Hekk kif illum, bil-ferħ u l-gratitudni għal dan il-bniedem kbir tal-Kristjanità, niċċelebraw it-tmien ċentinarju minn meta 'Oħtna l-Mewt' kienet għalih it-transitu minn din id-dinja għas-saltna dejjiema ta' Alla l-Aktar Għoli u Glorjuż, ejjew niggustaw kliem il-Papa Ljun XIV iktar kmieni waqt l-Angelus fi Pjazza San Pietru:

“Proprju llum, fit-tmien ċentinarju mill-mewt tiegħu, nixtieq infakkar ħaddiem li stinka bi frott kbir fl-għalqa tal-Mulej: San Franġisk ta’ Assisi, li lilu Ġesù nnifsu talbu jsewwi l-Knisja tiegħu. Imnebbaħ mill-Kurċifiss, San Franġisk bena qabelxejn il-ħajja tiegħu fuq il-pedament ta’ Kristu, u qasam fil-faqar, l-hena u t-tbatijiet tiegħu, sas-sinjal mistiku tal-pjagi. Bniedem ta’ talb ħerqan, mimli mħabba lejn kulħadd, kien eżempju għall-ewwel aħwa li qasmu fl-axxeżi tiegħu bħala kundizzjoni awtentika għar-riforma tal-Knisja. San Franġisk sewwieha bil-fidi li kellu fil-Mulej Ġesù, u fejjaq ix-xquq tat-tilwim bix-xhieda tal-imħabba fraterna.

Għeżież, il-kariżma ta’ San Franġisk għadha tagħmel il-frott illum ukoll, wara tmien sekli: dan jagħtu xhieda tiegħu mhux biss il-familja kbira u ħajja Franġiskana, imma l-ħafna doni li l-wirt spiritwali tiegħu jxerred fil-Poplu ta’ Alla. Mela, aħna u niċċelebraw is-sena ġubilari Franġiskana, nitolbu b’perseveranza d-don tal-paċi u nħabirku sinċerament biex nibnu l-għaqda fost il-popli.”

Franġisku żamm bħala l-unika regola ta' ħajtu l-Vanġelu Mqaddes, li hu fittex li jgħix 'sine glossa'. Il-bijografu tiegħu Tumas ta' Celano jfakkarna li, huwa u jieħu l-aħħar nifsijiet mimdud għeri mal-art fil-Porzjunkola, lill-patrijiet tiegħu ħallielhom amar li jibqa' dejjem attwali: "Ħuti, ejjew nerġgħu nibdew: sa issa għadna ma għamilna xejn. Nibdew mexjin fit-toroq li l-Mulej jurina, jum wara jum".

Aqsam fuq