Grupp ta’ tmienja u sittin (68) żagħżugħ u żagħżugħa mid-Djoċesi ta’ Għawdex, akkumpanjati mir-responsabbli tal-gruppi tagħhom, ser jieħdu sehem fil-XXXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ser jinżamm fi Krakovja, il-Polonja, bejn is-26 u t-30 ta’ Lulju 2016, u li għalih sa jattendi wkoll il-Papa Franġisku.
Il-gruppi Għawdxin, li sa jagħmlu parti mar-rappreżentanza ta’ żgħażagħ Maltin ikkordinata miż-żewġ Kummissjonijiet Djoċesani taż-Żgħażagħ ta’ Malta u Għawdex, ġejjin mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ u ċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb, fil-Belt Victoria; miċ-Ċentru ta’ Ġesù Nazzarenu, fix-Xagħra; flimkien ma’ grupp ċkejken ta’ żgħażagħ universitarji. Id-delegazzjoni Maltija tħalli pajjiżna fis-26 ta’ Lulju u tkun lura Malta fit-2 ta’ Awwissu. Fi Krakovja sa jkun hemm ukoll grupp ieħor mill-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar.
Il-preparazzjoni għal din l-esperjenza unika ilha għaddejja fuq sena, bl-idea titlaq minn grupp ċkejken miċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb li wera x-xewqa li jieħu sehem fil-JDŻ, li mbagħad ġiet proposta mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (Għawdex) lill-membri tal-gruppi parrokkjali u għaqdiet oħra taż-żgħażagħ. Minn grupp ċkejken inizjali ta’ tmien żgħażagħ in-numru tela’ ġmielu għal fuq ħamsin.
Il-gruppi rispettivi għamlu mixja ta’ preparazzjoni fejn irriflettew fuq il-programm uffiċjali tal-ġranet fil-Polonja. Din kienet tinkludi wkoll “taħriġ” bi tħejjija għal din l-avventura li titlob ukoll ċerta predispożizzjoni fiżika u mentali, peress li l-kundizzjonijiet li fihom iż-żgħażagħ sa jqattgħu dawn il-ġranet mhumiex dawk normali ta’ btala. Saret ukoll tħejjija spiritwali permezz ta’ mumenti ta’ talb u qsim ta’ esperjenzi flimkien.
Fi kliem Dorienne Portelli, mill-KDŻ (Għawdex), il-Knisja f’Għawdex tittama li din l-esperjenza tqarreb liż-żgħażagħ tagħha lejn Kristu, u temmen li l-klima li ser tinħoloq waqt dawn il-laqgħat ser tħeġġeġ liż-żgħażagħ jagħmlu mistoqsijiet fundamentali u eżistenzjali dwar il-valur tal-ħajja u l-fidi tagħhom. Ix-xhieda Nisranija ta’ eluf kbar ta’ żgħażagħ jitolbu flimkien għandha tħalli impatt fil-qalb ta’ dawn iż-żgħażagħ. Ovvjament, iż-żgħażagħ huma ħerqanin ukoll sabiex jiddevertu u jagħmlu ħbiberiji ġodda ma’ żgħażagħ mid-dinja kollha.
Ta’ min isemmi wkoll li mill-15 ta’ Lulju, fid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni tal-JDŻ fi Krakovja hemm jikkollabora Dun Daniel Sultana, saċerdot żagħżugħ mid-Djoċesi ta’ Għawdex, li flimkien ma’ grupp ta’ professuri u studenti mill-Università Pontifiċja Santa Croce ta’ Ruma, li bħalu qed jistudjaw il-Komunikazzjoni Istituzzjonali tal-Knisja, qed jagħti daqqa t’id fil-ħidma ta’ preparazzjoni.
Fi kliemu, “il-JDŻ jeħtieġ ukoll il-ħidma sfiqa ta’ diversi voluntiera, ħafna minnhom żgħażagħ ukoll. Peress li l-aspett komunikattiv huwa importanti biex il-JDŻ ikun jista’ jingħax mhux biss minn dawk li jżuru l-belt imma wkoll minn dawk li għal xi raġuni jew oħra jibqgħu f’pajjiżhom, id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni jagħmel ħidma siewja biex jintlaħqu ż-żgħażagħ, il-midja, u l-Insara in ġenerali”.
Dun Daniel qed jagħti servizz fis-sezzjoni tal-Midja Soċjali, li bil-lingwaġġ tagħhom se jagħtu kopertura diretta tal-attivitajiet prinċipali tal-JDŻ. Fil-fatt Dun Daniel hu wieħed mill-imħuħ wara l-verżjoni Maltija tal-Paġna ta’ Facebook tal-JDŻ: www.facebook.com/worldyouthdayMaltese.
Intant, dan l-aħħar tħabbar li Lauren Grech, żagħżugħa mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ (Victoria), telgħet bix-xorti biex tkun fost numru żgħir ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha li sa jkunu iktar qrib tal-Papa Franġisku waqt iż-żjara tiegħu fi Krakovja.
jdz.pdf pdf · 214.99 KB Niżżel