Aqbeż għall-kontenut

Jibda l-Vjaġġ Missjunarju tas-Seminarju Għawdxi lejn il-Gwatemala

Illum il-Komunità tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù (Djoċesi ta’ Għawdex) bdiet il-vjaġġ missjunarju tagħha lejn il-Gwatemala, fejn minn nhar il-Ġimgħa li ġej sat-13 ta’ Lulju sa tkun qiegħda tgħin lil Dun Anton Grech fil-ħidma pastorali tiegħu fil-kontinent Latin-Amerikan.

Il-grupp ta’ tmienja hu magħmul minn seminaristi, akkumpanjati mir-Rettur Dun Richard Nazzareno Farrugia, il-Viċi-Rettur Dun Gabriel Gauci, u d-Direttur Spiritwali Dun Alex Refalo, kif ukoll minn wieħed miż-żewġ saċerdoti ġodda, Dun Carl Scerri.

Fil-Gwatemala, is-seminaristi sa jgħinu biex jinħattu ż-żewġ kontejners li ntbagħtu minn Għawdex, imma magħhom ħadu wkoll bosta għotjiet ġenerużi li nġabru minn pajjiżna. Huma mistennija wkoll iżuru familji fil-parroċċa ta’ Dun Anton kif ukoll villaġġi li jaqgħu taħt il-kura pastorali tiegħu, u l-ħabs. Sa jkollhom ukoll laqgħa mas-seminaristi Gwatemaljani. Dan barra attivitajiet li se jorganizzaw għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-parroċċa.

Din l-esperjenza missjunarja, li għaliha s-seminaristi ilhom jippreparaw għal dawn l-aħħar xhur, anki bil-ġbir ta’ għotjiet mill-komunitajiet parrokkjali f’Għawdex, qiegħda ssir fil-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tas-Seminarju fl-1866.

st-08-2017-jibda-l-vjagg-missjunarju-tas-seminarju-ghawdxi-lejn-il-gwatemala.pdf pdf · 206.41 KB Niżżel

Aqsam fuq