Aqbeż għall-kontenut

Knejjes u Jiem Ġubilari

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tħabbar il-knejjes f’Għawdex li fihom, mill-11 ta’ Frar sa tmiem is-Sena Ġubilari fid-Djoċesi fit-28 ta’ Diċembru 2025, tista’ tintrebaħ l-Indulġenza Plenarja skont id-direttivi tal-Knisja Kattolika; kif ukoll il-Jiem Ġubilari fid-Djoċesi tul din l-istess Sena Mqaddsa.

Il-Knejjes Ġubilari Il-Knejjes Ġubilari fid-Djoċesi ta’ Għawdex se jkunu: 1. il-Knisja Katidrali ddedikata lill-Assunzjoni ta’ Marija, il-Belt Victoria; 2. is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb; 3. is-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Qala.

Il-Jiem Ġubilari Fid-9 ta’ Marzu, l-Ewwel Ħadd tar-Randan, se jinżamm Pellegrinaġġ Djoċesan tal-Ġublew, waqt li dawn li ġejjin huma xi Ġublewijiet li se jiġu ċċelebrati għal kategoriji partikulari: 1. il-Ġublew tal-Morda u dawk li jduru bihom, nhar il-11 ta’ Frar; 2. il-Ġublew tal-Isportivi, nhar il-11 ta’ Ġunju; 3. il-Ġublew tar-Reliġjużi u l-Ikkonsagrati, nhar il-21 ta’ Ġunju; 4. il-Ġublew tas-Saċerdoti, nhar is-27 ta’ Ġunju; 5. il-Ġublew tal-Anzjani, nhar is-26 ta’ Lulju; 6. il-Ġublew tal-Katekisti u l-Animaturi tal-gruppi ta’ formazzjoni, nhar it-18 ta’ Ottubru; 7. il-Ġublew tat-Tfal, nhar il-20 ta’ Novembru; 8. il-Ġublew tal-Adolexxenti, nhar il-21 ta’ Novembru; 9. il-Ġublew taż-Żgħażagħ, nhar it-22 ta’ Novembru.

L-Indulġenza Plenarja F’Messaġġ lill-Knisja f’Għawdex imxandar fil-knejjes kollha f’dawn il-jiem, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma jfakkar li “l-Indulġenza Plenarja mhix għajr triq oħra kif l-Insara jiżguraw ruħhom mill-imħabba bla tarf u mogħtija b’xejn li Alla għandu għalina l-poplu tiegħu, murija fid-don tal-maħfra sħiħa permezz tal-Knisja. Dan is-sinjal qawwi ta’ mħabba jitlob minna tweġiba ta’ mħabba”.

Il-kundizzjonijiet ordinarji biex wieħed jirċievi l-Indulġenza Plenarja huma li wieħed: jindem u jwarrab kull rabta mad-dnub, ikun imqanqal minn spirtu ta’ karità (imħabba), iqerr, jitqarben, jitlob skont il-fehma tal-Papa, u jagħmel waħda minn dawn li ġejjin: pellegrinaġġ lejn waħda mill-Knejjes Ġubilari fejn iqerr u jieħu sehem f’talb jew ċelebrazzjoni; żjara ta’ qima f’post tal-Ġublew fejn isiru adorazzjoni, meditazzjoni, u talb li jinkludi l-Missierna, il-Kredu u talba lill-Verġni Mbierka; opra ta’ ħniena u penitenza.

Il-Ġublew tal-Morda u dawk li jduru bihom (11 ta’ Frar) Il-morda u l-istaff kollu tal-Isptar jistgħu jiksbu l-Indulġenza Plenarja jekk iwettqu dak li hu mitlub, f’waħda miż-żewġ kappelli tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-morda li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, għandhom jitolbu ndiema, il-Missierna, il-Kredu (fi kwalunkwe forma leġittima), u talb ieħor konformi mal-għanijiet tas-Sena Mqaddsa, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom jew it-tbatijiet ta’ ħajjithom.

Aktar tagħrif dwar il-Ġublew Ordinarju tat-Tama u ċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta u Għawdex jinstab fuq https://gublew.mt/.

st-01-2025-knejjes-u-jiem-gubilari.pdf pdf · 153.49 KB Niżżel

Aqsam fuq