Aqbeż għall-kontenut

L-Isqof Mario Grech Jgħaddi l-Flus tal-‘Ventilator’ lill-Ministeru għas-Saħħa

Wara li xahar ilu għamel sejħa lill-Knisja f’Għawdex biex tinġabar is-somma ta’ €50,000 ħalli jixtara ventilator biex jingħata lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-Isqof Mario Grech għadda din is-somma lil Dr Chris Fearne, Ministru għas-Saħħa.

Fl-ittra tiegħu lill-Onorevoli Ministru, l-Isqof Grech kiteb hekk:

“Qed ngħaddi s-somma ta’ €50,000 li l-Knisja f’Għawdex għoġobha toffri biex tirreċiproka sejħa li jien għamilt biex jiġi megħjun l-isforz nobbli kontra l-pnademija tal-Covid-19 mill-Ministeru għas-Saħħa. Parti mhux żgħira minn din is-somma huwa s-sehem li offrejna aħna l-qassisin.

Kienet l-intenzjoni tiegħi li jinġabru fondi biex jinxtara ventilator li jassisti fil-kura tal-pazjenti li l-aktar jintlaqtu ħażin mill-virus, preferibbilment dawk minn Għawdex. Konvint li l-Ministeru għas-Saħħa se jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi, kif jidhirlu xieraq.

Filwaqt li f’isem il-Knisja f’Għawdex irrodd ħajr lilek u lill-kollaboraturi tiegħek għas-servizz li qegħdin tagħtuna, bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom”.

Is-somma kollha li nġabret kienet €60,230. Dak li fadal wara li saret l-għotja ta’ €50,000 ser jgħaddi lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun jista’ jkompli jwieżen lil dawk li minħabba din il-pandemija għandhom diffikultajiet finanzjarji.

Il-kont bankarju “COVID 19” ser jibqa’ miftuħ għal min jixtieq jagħmel donazzjonijiet ta’ karità u hekk jgħin lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikompli jifrex l-għajnuna f’dawn iż-żminijiet partikulari.

Isem tal-kont: COVID 19 Numru tal-kont: 35452320032 IBAN: MT91APSB77013000000035452320032 Swift Code: APSBMTMT

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fuq il-linji tat-telefon:

51502095 – €5 51602017 – €10 51002021 – €20 51902087 – €50

st-05-2020-l-isqof-mario-grech-jghaddi-l-flus-tal-ventilator-lill-ministeru-ghas-sahha.pdf pdf · 214.51 KB Niżżel

Aqsam fuq